Where your opinion counts

Id-diskors tal-Prim Ministru fuq il-ħaddiema barranin.

Minn osservatur politiku

Fid-diskors tiegħu lbieraħ t’lura fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abel’s tkellem dwar il-ħaddiema barranin li deħlin f’pajjiżna. Qal li ser jittieħdu azzjonijiet u ser jinbiddlu l-liġijiet biex jikkontrollaw lil dawk li qed jimpurtaw dawn in-nies. Wieħed jgħidlu ‘about time’.

Il-Prim Ministru qal dan wara li Malta u Għawdex jinsabu ffullati b’dawn il-kwalita’ ta’ nies. Kull fejn tħares u kull fejn tmur ħlief barranin ma tarax. F’pajjiżna għandna bżonn ta’ ħaddiema barranin, b’mod partikolari għal ċertu tip ta’ xogħol fejn ma tantx għadek issib ħaddiema.

Imma ma jistax ikun li fil-pajjiż daħlu ħaddiema mingħajr l-ebda forma ta’ strateġija mill-istat, imma l-istrateġija qed jagħmilha min qed jimporta ċ-cheap labour, xi drabi anki taħt forma ta’ skjavitu modern. Għalhekk wieħed jgħid lil Robert Abela ‘about time’.

Jekk ser jiġu dixxiplinati jew regolarizzati dawn l-aġenti li qed jimpurtaw dawn in-nies, x’ser isir minn dawk l-għexieren ta’ eluf li diġa’ qiegħdin f’pajjiżna? Il-liġijiet ser ifissru wkoll li dawn li hawn diġa’ jiġu regolati kif suppost? Għal pajjiżna huwa importanti li l-Gvern jara kif dawn l-eluf ta’ barranin qed jgħixu hawn Malta.

Huwa tajjeb li l-Gvern ser jirregola dawn il-ħaddiema, imma wieħed bilfors ikollu jgħid li pajjiżna leħaq intela’ bi kwantita ta’ ħaddiema li hawn u aħna għandna bżonn inkunu nafu jekk dawn li diġa’ qegħdin hawn humiex ser jibqgħu f’pajjiżna skont il-liġi li ser titressaq dalwaqt. Malta u Għawdex għandhom bżonn id-dixxiplina f’kull qasam u dawk li qed jġibu lil dawn il-barranin għandhom bżonn li jimxu anke huma ddixxiplinati skont il-liġi.

Il-Prim Ministru qalilna li l-ġimgħa d-dieħla ser jitressqu dawn ir-regoli quddiem il-kabinett u ta twissija lill-aġenti li mhux ser jitħallew jibqgħu jimpurtaw ħaddiema bl-addoċċ. Il-ħaddiema li jiġu hawn Malta jrid ikollhom diġa’ l-permess tax-xogħol u jkunu żguri li jkollhom ix-xogħol jistenniehom mhux kif għaddejjin bħalissa li l-aġenti jimpurtaw kemm jifilħu mingħajr sigurta ta’ xogħol.

Il-Prim Ministru qal li d-demm soċjalista tiegħu ma jħallihx jara sfruttament tal-ħaddiema huma min huma u ġejjien minn fejn ġejjien. Tajjeb u kulħadd jaqbel ma dan. Imma ma jidhirlux il-Prim Ministru li dan l-isfruttament ilu jsir għal dawn l-aħħar għaxar snin u ħadd ma ħa l-ebda azzjoni għaliex dan l-isfruttament kien ġej minn persuni qrib l-istess Partit Laburista? Fil-verita’ il-Prim Ministru qed jaġixxi mhux minħabba xi prinċipji Soċjalisti imma minħabba li qed jibża’ minn backlash elettorali favur il-Lemin hekk imsejjaħ estrem. Wieħed irid jiftakar li kemm ilu Prim Ministru, Dr Abela, ġew impurtati eluf kbar ta’ ħaddiema.

Naqbel wkoll ma’ dak li qal il-Prim Ministru li meta dawn il-ħaddiema barranin jidħlu f’pajjiżna għandhom ikunu stmati b’dinjita’ bħal kull bniedem ieħor. Imma f’dawn l-aħħar snin smajna u rajna ħafna sfruttament ta’ dawn il-ħaddiema u għalhekk il-mistoqsija tiġi waħidha; x’ser jagħmel il-Prim Ministru kontra dawk li sfruttaw lil dawn il-ħaddiema? Issa l-korp tal-pulizija ma ħa l-ebda azzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *