Illum ser issir quddiesa u rużarju fil-knisja ta’ Sant’Ubaldeska f’Raħal Ġdid għall-paċi fid-dinja fil-jum li fih jiġi kkommemorat il-106 Anniversarju mill-aħħar dehra ta’ Fatima – kulħadd mistieden.

Ronald J. Knight

Din is-sena jaħbat il-106 Anniversarju mill-aħħar dehra Marjana f’Fatima, fejn il-Madonna ġeddet it-talba tagħha għat-talb, penitenza, u biex l-midinbin jibdlu ħajjithom. Biex nevitaw aktar gwerer u kunflitti fid-dinja, il-Madonna qaltilna li hemm bżonn it-talb. Għaldaqstant, billi Ottubru huwa x-xahar tar-Rużarju, fil-knisja ta’ Santa Ubaldeska f’Raħal Ġdid ser ikun qed issir quddiesa segwita bir-rużarju llum il-Ġimgħa 13 ta’ Ottubru fis-6.30pm.

It-talba tar-Rużarju Mqaddes hija l-arma mogħtija mill-Madonna lil San Duminku, li, bil-grazzja ta’ Alla u l-interċessjoni taghHa, ippermettietlu jikkonverti lill-midinbim ta’ żmienu. Illum il-ġurnata, tferrxu ħafna ereżijiet u qed naraw orruri ġodda jseħħu fostna. Fiċ-ċokon tagħha, Malta qieghda iġorr il-piż ta’ dak kollu li qed iseħħ madwarna, ġewwa l-Ewropa u fid-dinja.

Istituzzjonijiet sopranazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ gvernijiet servili qed jagħmlu minn kollox biex iħassru dak kollu li fadal miċ-Ċiviltà Nisranija b’leġiżlazzjonijiet u direttivi orkestrati, li huma dijametrikament opposti għat-tliet pilastri taċ-Ċiviltà Nisranija, jiġifieri it-Tradizzjoni, il-Familja, u l-Proprjetà privata.

Minn żmien in-nawfraġju ta’ San Pawl fostna fis-sena 60 wara Kristu, Malta kienet imsejħa biex tkun pajjiz Kattoliku. Iżda tul is-snin, aħna l-Maltin abbandunajna l-artal t’Alla biex inqimu fuq l-artal tar-regħba, tal-vizju, tas-suppervja, tal-korruzzjoni morali, u tan-neo-paganiżmu. Ma kienitx koincidenza li Suor Luċija, waħda mit-tliet veġġenti ta’ Fatima, żvelat li l-battalja finali bejn Alla u Satana fuq din l-art se tiċċentra fuq iż-żwieġ u l-familja.

Iż-żmien għal reazzjoni determinata, paċifika iżda militanti fost il-Kattoliċi Maltin ilu li wasal. Għal din ir-raġuni, l-entità lajka Kattolika, Pro Malta Christiana qed tħeġġeġ lill-fidili biex jingħaqdu magħha, illum il-Ġimgħa 13 t’Ottubru għall-Quddiesa fil-knisja ta’ Santa Ubaldesca u segwita’ bit-talba tar-Rużarju fl-istess knisja. Il-quddies tibda’ fis-6.30 pm. L-intenzjoni ewlenija tal-quddiesa u r-Rużarju f’Raħal Ġdid ser ikunu biex Malta qatt ma tiċħad is-sejħa tagħha ta’ pajjiż Kattoliku.

Il-knisja ta’ Sant’Ubaldesca fejn għada l-ġimgħa ser isir quddiesa u rużarju għall-paċi fid-dinja organizzata mill-grupp Pro-Malta Christiana.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *