F’Jum L-ISLA (8 ta’ Mejju 2026)
By George Farrugia

L-Isla u s-Sengleani
Illum niċċelebraw Jum L-Isla. Għal ħafna Sengleani din hija ġurnata speċjali, għaliex f’din il-Belt hemm ħafna affarijiet li jgħaqqduna bħala komunità Sengleana, fosthom il-festa ta’ Ommna Marija Bambina, l-isport – bħar-regatta, il-futbol, il-boċċi u sports oħra – kif ukoll għaqdiet u attivitajiet soċjali u parrokkjali.
Dak kollu li għaddiet minnu din il-Belt tal-Isla, kif ukoll in-nies tagħha, jagħmel l-istorja tagħha waħda sinifikattiva u rikka. Għalhekk, kull persuna għandha tippriserva u tapprezza l-impenn u s-sagrifiċċji li għamlu l-antenati tagħna sabiex aħna llum nistgħu ngawdu l-wirt storiku u kulturali li ħallewlna u li għadna nistgħu ngawduh. Sengleani li m’għadhomx joqogħdu l-Isla xorta waħda għandhom qalbhom tħabbat daqs kull Senglean li jgħix fil-Belt, kif ukoll daqs dawk is-Sengleani li huma attivi f’xi għaqda sportiva, soċjali jew parrokkjali. Dan kollu jikkontribwixxi biex is-Sengleani jħossu sens qawwi ta’ appartenenza (sense of belonging).
Termini Storiċi dwar L-Isla u Senglea
Kemm l-isem tal-Isla kif ukoll dak ta’ Senglea jmorru lura mijiet ta’ snin. Tajjeb jiġi nnutat li l-isem “L-Isla” jmur lura qabel ma l-belt bdiet tissemma Senglea għal Gran Mastru Claude de la Sengle. Kif inhu miktub f’artiklu tal-Professur tal-Istorja Simon Mercieca, dokumenti tal-aħħar Medju Evu jixhdu l-użu tal-kelma isola qabel iż-żmien tal-wasla tal-Ordni f’Malta. It-toponimu Isula, pereżempju, jidher f’dokument datat 1517. Dan id-dokument ġie interpretat mill-Professur Godfrey Wettinger, li jirreferi għal dan il-post bħala “L-Isla”. Jingħad li sitt ħaddiema u żewġ skjavi marru L-Isla jiġbru l-ħamrija, filwaqt li oħrajn intbagħtu hemmhekk biex iġorru xi affarijiet.
Il-kelma “L-Isla” tixbah lill-kelma isola, li ġejja mit-Taljan. Jidher ukoll li, bil-preżenza tal-Gran Mastri Franċiżi f’Malta wara l-1530, seta’ kien hemm influwenza mill-kelma Franċiża île. L-isem tal-Isla huwa spjegat ukoll fil-perjodu tal-Gran Mastru La Sengle, meta l-belt bdiet tissemma Isola di San Michele, La Sengle jew Isle de la Sengle (Mercieca, 2015).
L-ismijiet “L-Isla” u “Senglea” juru kif dawn ġew ippreservati minħabba elementi storiċi b’saħħithom li jġorru magħhom. Storikament, “L-Isla” tirrifletti l-ġeografija marittima, il-lingwa u l-identità li tmur lura fiż-żmien. Min-naħa l-oħra, “Senglea” tirrifletti l-poter politiku, l-istorja militari u l-influwenza istituzzjonali.
Mil-lat akkademiku, kemm “L-Isla” kif ukoll “Senglea” għandhom valur storiku. Dawn mhumiex sempliċement ismijiet alternattivi għall-istess post, iżda dokumenti storiċi fihom infushom li jinkorporaw bidliet fil-ġeografija, fil-lingwa u fl-awtorità politika. L-istudju tagħhom isaħħaħ il-fehim ta’ dawn l-ismijiet bħala sors essenzjali għall-interpretazzjoni storika. Fil-fatt, f’sit uffiċjali bħal dak tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, l-isem uffiċjali jidher bħala “L-Isla (Senglea)”.
In-Narrattiva tal-Isla fost il-Komunità Sengleana u Dawk li mhumiex
Riċentement inbdiet diskussjoni pubblika dwar jekk l-isem uffiċjali tal-Isla għandux jinbidel għal “Senglea”. Personalment kont impressjonat bir-reazzjoni ta’ ħafna Sengleani li ma jaqblux ma’ dan it-tibdil. Innutajt ukoll il-ħafna messaġġi minn nies li mhumiex Sengleani li esprimew il-fehma tagħhom favur iż-żamma tal-isem “L-Isla”. Fost dawn hemm ukoll il-Professur Kevin Aquilina, li f’artiklu tiegħu jispjega għaliex m’għandux jinbidel l-isem.
Tajjeb jiġi nnutat li l-bdil ta’ isem ta’ lokalità huwa kwistjoni ta’ natura legali u ċivili, u l-proċess huwa wieħed rigoruż. F’artiklu tiegħu, il-Professur Aquilina jikteb: “I do not think that Government and, eventually Parliament should adopt such a post-colonial name change” (Aquilina, 2026).
Huwa nnutat ukoll li fuq il-karta tal-identità ta’ kull resident tal-Isla, l-isem tal-lokalità jidher uffiċjalment bħala “Isla”. Barra minn hekk, f’diversi siti onlajn, inkluż dak tal-Kummissjoni Elettorali, l-isem jidher bħala “L-ISLA”.
Madankollu, f’diversi artikli ppubblikati mill-Parroċċa tal-Isla, fosthom kitbiet tal-istoriku Mario Coleiro, insibu referenzi għall-“Isla”. Dan jirrifletti wkoll l-użu popolari, fejn in-nies jgħidu “ser immorru l-Isla” u mhux “Senglea”.
Kemm Għadu B’saħħtu s-Sens ta’ Komunità fl-Isla?
Fl-Isla, l-element komunitarju għadu jinħass b’mod qawwi u ħafna Sengleani jħossuhom kburin li huma jew li jgħixu hemmhekk. Il-kuluri isfar u aħmar huma parti mill-identità tagħhom, flimkien ma’ valuri u normi komuni. Dan jaqbel ma’ dak li jgħid Adler (2015), li jiddefinixxi komunità bħala grupp soċjali marbut b’identità, valuri u normi komuni.
Is-sens ta’ appartenenza (sense of belonging) huwa essenzjali sabiex individwi jħossuhom parti minn komunità. Studji juru li dan is-sens għandu impatt pożittiv fuq il-komunità (Lawthom & Whelan, 2012). McMillan u Chavis (1986) jenfasizzaw li elementi bħall-istorja, l-esperjenzi komuni u l-konnessjoni emozzjonali huma fundamentali.
Minkejja sfidi bħall-ġentrifikazzjoni, hemm bżonn li nkomplu nsaħħu l-komunità billi:
- Nesploraw il-bżonnijiet tal-komunità
- Inġibu aktar lir-residenti flimkien
- Ninvestu fil-volontarjat
- Nippromwovu attivitajiet ta’ integrazzjoni
- Niffukaw fuq iż-żgħażagħ u l-anzjani
Konklużjoni
Bħala Sengleani li nħobbu l-Belt tagħna, ejjew niċċelebraw Jum L-Isla mhux biss fit-8 ta’ Mejju, iżda tul is-sena kollha, billi napprezzaw u nikkontribwixxu għall-komunità tagħna.
B’imħabba f’Jum L-Isla,
Minn qalb persuna mill-Isla u b’imħabba sinċiera lejn din il-belt għażiża.
