Il-qgħad ikompli jonqos f’pajjiżna: iż-żgħażagħ huma fost il-faxxa ta’ l-aktar nies qegħda f’Malta

Minn osservatur politiku

Fir-rapport ta’ Marzu, l-Eurostat tat indikazzjonijiet li f’pajjiżna għandna l-inqas rata ta’ qgħad minn fost il-pajjiżi taż-żona Euro. Dan kif ġie osservat li r-rata niżlet iżjed mis-sena ta’ qabel u issa taqra 3.2%. Ta’ min jgħid li din hija l-inqas rata ta’ qgħad għal ħafna snin.

Skont ir-rapport, il-qgħad fiż-żona euro huwa ta’ 6.5% u fiż-żona ewropea kollha l-qgħad jindika 6%. Mela veru pajjiżna għandu għal xhiex ikun kburi bir-riżultati miksuba f’dan ir-rigward. Il-problema ta’ pajjiżna tibqa’ meta nitkellmu fuq iż-żgħażagħ. Hawnhekk naraw il-perċentwali jikber għalkemm xorta huwa ħafna inqas minn dak tal-medja Ewropea u fiż-żona Euro. Ir-rata f’Malta hija ta’ 9% fil-waqt lil fl-Ewropa hija ta’ 14.6%.

Imma wieħed irid jistaqsi għaliex ir-rata taż-żgħażagħ ifittxu x-xogħol hija daqstant għolja? Wieħed irid jirrifletti jekk l-iskejjel tagħna humiex jippreparaw biżżejjed liż-żgħażagħ tagħna għal meta jaslu biex jiffaċċjaw il-problema tax-xogħol. Irridu nistaqsu jekk il-livell edukattiv hux iwassal għad-domanda kbira li teżisti fil-pajjiż bħalissa, meta nafu li pajjiżna għaddej minn ekonomija stabbli.

Ta’ min jikkonsidra wkoll jekk iż-żgħażagħ Maltin humiex jaċċettaw xogħol ta’ ċertu livell u għalhekk qed naraw f’pajjiżna ħafna barranin li lesti li jagħmlu xogħol li l-Maltin ma jridux jagħmlu. Dawn huma ħsibijiet li għandhom jinkwitaw lill-awtoritajiet konċernati għaliex ma jistax ikun li ż-żgħażagħ tagħna ma jsibux dak li jixirqilhom meta jaslu fl-eta tax-xogħol.

L-awtoritajiet iridu jistaqsu wkoll għaliex perċentwali għolja ta’ żgħażagħ indikaw li huma jixtiequ jkomplu jew l-istudju tagħhom jew isibu xogħol f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Din hija xi ħaġa li tħasseb ħafna lill-poplu kollu. Dan huwa fatt li għandu jinkwieta bil-kbir lil min fl-awtorita’ qed jaħdem biex ikollu biżżejjed xogħol għaż-żgħażagħ tagħna.

Hawnhekk tidħol ir-responsabilita’ tal-Ministru tal-Edukazzjoni li jrid jaħdem iżjed biex isib il-bilanċ neċessarju biex iż-żgħażagħ Maltin ikun kuntenti b’dak li qed joffrilhom l-istat u l-privat biex ikollhom futur sodisfaċenti għalihom u li jħosshom kburin li qed jagħtu sehemhom fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Din hija xi ħaġa li ma tistax torqod fuqha. Hija xi ħaġa li trid taġġornaha ta’ kull jum għax l-isfidi jew l-opportunitajiet qed jinbidlu kontinwament maż-żminijiet.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading