Where your opinion counts

STRATAĠEMI PARTIĠĠJANI PL-PN u OĦRAJN PERSONALI?

Mit-Tabib Hermann Farrugia

Hemm min sal-bierah il-Ħadd filgħodu stess konvenjentement għoġbu jinsa jagħti l-intervista jew jagħmel id-diskors tiegħu quddiem l-arma tal-partit li huwa jmexxi. U mbagħad, paradossalment, hemm min sal-ġimgħa li għaddiet stess jibqa’ jiġi mistieden biex jesprimi ħsibijietu billi b’mod ćar juri li qiegħed jibqa’ jinqeda apertament bl-insinja uffiċċjali partiġġjana u dan għall-intenzjonijiet purament personali tiegħu.

Niftakar kif xi snin ilu kont ġbidt b’mod pjuttost iebes lid-diriġenza tal-PN talli f’Kunsill Ġenerali, il-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, li forsi strategikament dik il-ħabta kien jippreferi jaċċentwa l-kunċett tiegħu tan-‘New Way’, deher jindirizza l-imġemgħa ta’ Kunsilliera mingħajr ma kellu warajh esposta bi prominenza la l-Bandiera Nazzjonali, la dik tal-Unjoni Ewropea u wisq anqas l-istandard tal-Partit Nazzjonalista. Niftakar kif dlonk minnufih kull indirizz jew konferenza stampa li segwew fejn kellu jidher il-Kap, Dr Delia, it-tliet bnadar dejjem baqgħu jagħmlu parti elokwenti u distintiva mill-backdrop viżwali tal-Partit Nazzjonalista.

Tabilħaqq ħaġa tal-iskantament ukoll huwa n-nuqqas politiku konspikwu ta’ kull forma tat-‘Torća’ fis-sett televiżiv ippreparat għall-intervista tal-Prim Ministru, Dr Robert Abela ilbieraħ. Dan meta l-mistoqsijiet li sarulu, u għalhekk it-tweġibiet suċċessivi tista’ tgħid kollha tiegħu iffukaw esklussivament fuq l-amplezza tal-miżuri ta’ solidarjeta soċjali favur is-saffi ta’ taħt u dawk l-aktar vulnerabbli tas-Soċjetà Maltija kif ġew elenkati b’tant pompa fid-diskors tal-Bagit ’24. Ma ninsewx kif dan nhar, it-Tnejn li għadda, ġie deskritt uffiċċjalment mill-Ministru tal-Finanzi stess bħala kontinwu fis-serje ta’ Servizzi Soċjali li jidentifikaw u anzi jiddistingwu lill-‘Monument Soċjalista’ .

Fl-aħħarnett ma nistax ma nikkummentax ukoll kif ilbieraħ, li ħabat sitt xhur preċiż il-bogħod mill-inkontru Ewropew ta’ kull 5 snin fejn nerġgħu niġu mgħajjta u mħeġġa nagħtu l-vot tagħna fl-elezzjoni tal-membri rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew 🇪🇺, ma dehret wara l-kapijiet politiċi tagħna rispettivament ebda forma ta’ emblema li tiddistingwi l-affiljazzjoni tal-partit tagħhom fil-qafas tal-istess Parlament Ewropew. La dehret l-insinja tal-Partiti Ewropew miġbura taħt il-pjattaforma ta’ Soċjalisti u Progressivi li l-Partit Laburista hu membru tiegħu. Sfortunatament lanqas id-diriġenza Nazzjonalista ma għadha jidhrilha li għandha ttella’ minn issa l-Logo tal-Partit Popolari Ewropew – EPP – li l-Partit Nazzjonalista tant jibqa’ kburi bl-appartenenza u ħidma sfiqa tiegħu fih.

L-aċċenn politiku ta’ ħidma attiva u kontinwa fi ħdan dal-Gruppi Ewropew għandha tibqa’ issir u tinħass tul il-legiżlatura sħiħa tal-Parlament Ewropew u mhux sempliċement waqt l-aħħar xahar waqt il-kampanja elettorali.

Din l-istrategija bażika sabiex jingħata messaġġ konvinċenti li l-Politika Ewropea ta’ ħidma viċin iċ-ċittadin Ewropew hija REALTA’ dejjiema u mhux sempliċement għajta retorika opportunistika’ li titfaċċa għal skopijiet purament elettorali kull ħames snin.

J’Alla dan il-messaġġ jittieħed miż-żewġ naħat tal-ispectrum politiku lokali sabiex jgħin minn issa fl-affluwenza tagħna l-eletturi Maltin għall-kaxex tal-votazzjoni għall-Parlament Ewropew kmieni f’Ġunju li ġej.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *