Where your opinion counts

Għaliex ir-regolamenti fuq il-bini li jridu jaffaċċaw wiċċhom in-nies komuni ma jgħoddux għall-awtoritajiet?

Minn Edwin Vassallo.

Qed nikteb biex forsi jsir xi ħaġa dwar ir-“road safety”. Forsi l-affarijiet isiru aħjar. Forsi xi ħadd jibda jerfa’ aktar responsabbilita’ f’ġieħ il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u r-residenti. Fi kliem ieħor, qiegħed nikteb f’ġieħ is-saħħa u titjib tal-kwalita’ tal-ħajja tan-nies. Qiegħed ukoll nikteb bit-tama li fil-ġejjieni, kull fejn tinbena triq li tkun f’żona residenzjali, ix-xogħol isir aħjar. Qieghed nikteb f’ġieħ il-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur biex inħarsuhom u jkunu stmati aħjar. Qiegħed nikteb bħala resident fi triq fejn f’din l-aħħar sena rajt xogħol isir fil-bini mill-ġdid tal-infrastruttura tat-triq u l-pjazza tal-Mosta. Qiegħed nikteb b’responsabbilita’ ghaliex nemmen li ma nistgħux nibqgħu siekta bit-tama li naraw Malta aħjar. B’hekk nawgura lil Therese Bajada li saret ic-Chairperson ġdida tar-Road Safety Council. Imma nixtieq inġib għall-attenzjoni tagħha dawn il-punti.

1. Hemm ħtieġa ta’ aktar “health and safety” fejn jidħlu proġetti tal-gvern, speċjalment dawk marbuta mal-bini tat-toroq. Hawn fejn għandna kas li l-liġi mhumiex ugwali għal kulhadd. Jekk int resident u tkun ser tagħmel biċċa xogħol żgħira fid-dar fejn toqgħod, teħtieg permess tal-Planning Authority u tkun obbligat tagħmel tabella bl-isem tal-persuna responsabbli mill-Health and Safety waqt ix-xogħol fuq il-bini. Tajjeb li jsir hekk. Iżda dawn ir-regolamenti ma jeżistux fil-kas tal-bini tat-toroq. Dan esperjenzjatu jien personalment fil-proġett tal-bini mill-ġdid tal-pjazza tal-Mosta. Jien qatt ma rajt “health and safety officer”. Waqt il-bini ta’ dan il-proġett weġġgħu ħafna nies. Kien hemm min ittieħed fil-klinika tal-Gvern minħabba li weġġa’. Marru ma’ 60 persuna fil-Poliklinika għaliex weġġgħu waqt li kienu għall-affarijiet tagħhom jimxu fil-pjazza tal-Mosta waqt li kien għaddej ix-xogħol. U qiesu ma ġara xejn! In-nies stmati agħar mill-annimali. Suppost dħalna fl-E.U. biex ikollna s-serjeta’!

2. Hemm ħtieġa ta’ surveljanza tat-traffiku. Meta tagħmel proġett f’residential area tkun mitlub li jkollok il-permess u trid iġġib uffiċjali tal-LESA jew ta’ Transport Malta. Hu hekk għandu jkun. Iżda waqt dan il-bini ta’ din it-triq u l-pjazza fil-Mosta, matul sena sħiħa ta’ xogħol, tgħoddhom fuq ponot subgħajk il-ġranet li kont tara uffiċċjali ta’ TM biex jidderiġu t-traffiku. U għall-ġieħna, dan hu proġett ta’ Infrastructure Malta! Din hija sitwazzjoni oħra li tikkonferma li f’pajjiżna l-liġi mhux għal kulħadd l-istess.

3 Hemm ħtieġa ta’ azzjoni mill-pulizija jekk il-kuntratturi ma jobdux ir-regolamenti tat-tniġġiż. Jekk tkun qed taħdem f’residenza privata u joħroġ it-trab għaliex tkun qed titqatta’ xi trinka tara lill-pulizija ġej biex jagħtik xi taħrika. U hekk għandu jkun. Iżda f’sena sħiħa ma rajna qatt pulizija jwaħħal xi taħrika lil xi ħaġa ġewwa l-Mosta għat-trab kollu li nqala’! Jitqatta’ l-irħam u jingħata l-konkos u triq u pjazza sħaba ta’ trab u qiesu ma ġara xejn. Ħadd ma jimpurtah minn ħadd. Allaħares għamel dak il-ħmieġ kollu xi ċittadin normali għaliex ħoll xagħarek u ġib iż-żejt. Għaliex plumber jew bennej obbligat jkollu l-makkinarju meħtieġ biex jevita t-trab, imma fejn jidħlu proġetti tal-gvern, dawn ir-regolamenti qieshom ma jeżistux?

F’dawn il-proġetti tal-gvern, donnu l-impressjoni li tingħata hija li kollox jista’ jimxi waħdu u kollox jiċċaqlaq waħdu. Mhux sewwa iżda li ċittadin jiġi mgħobbi b’regolamenti imposti mill-gvern u dawn l-istess regolamenti u obbligazzjonijiet ma jgħoddux għall-istess gvern. Is-sigurta’ fit-toroq trid tibda minn hemm; ir-regolamenti u l-liġijiet tal-gvern għandhom anki jorbtu lill-istess gvern u l-aġenzji u l-awtoritajiet tiegħu kemm waqt il-bini tat-toroq u anki waqt il-manutenzjoni tagħhom.

Nerġa ngħid qiegħed nikteb biex forsi xi darba nibdew naraw road safety audits ta’ veru u nipprevjenu l-inċidenti. Nawgura lil min hu responsabbli ma jkunx xi “yes sir”, iżda jerfa’ r-responsabbilita’ għaliex irid jifhem li qiegħed jirrappreżenta lin-nies.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *