L-ewġenika u l-bidu tat-teoriji razzjali
Minn John Spiteri Gingell
Il-ħames parti
Qabel ma tfaċċat t-teorija ta’ Darwin ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni xjentifika għar-razziżmu. Kienet ’l hekk imsejħa xjenza li libsitu b’libsa rispettabbli tant li beda jiġi mgħallem bħala suġġett akkademiku fl-aktar universitajiet prestiġġjuzi.
M’għandniex għalfejn allura niskantaw li għall-moviment Nażist fil-Ġermanja, li twieled jerda’ minn dawn l-ideat mill-aktar rispettati fi żmienu, għamel ideat bħal ‘Racial Hygiene’, ‘Survival of the Fittest’ u ‘Might is Right’ id-duttrini ċentrali tiegħu. M’għandekx għalfejn taqra studji ddettaljati bħal ‘From Darwin to Hitler’ biex dan tifhmu. Biżżejjed taqra lil Hitler innifsu, li fil-ktieb tiegħu Mein Kampf li ppubblika fl-1925, għamilha ċara daqs il-kristall x’kien influwenzah u lil fejn kien biħsiebu jiġbed.
In-Nażiżmu u Hitler ma kienux aberrazzjoni tal-ħsibijiet ta’ żmienhom. Anzi bil-maqlub. Kienu l-manifestazzjoni tal-konsegwenzi loġiċi tagħhom. Hawn min għadu ma jistax jifhem kif pajjiż ċivilizzat bħall-Ġermanja waqa’ f’dan il-livell barbaru, iżda hawn tajtkom ir-raġuni. L-ideat għandhom il-konsegwenzi u dawk tajbin jelevawk u dawk ħżiena jwassluk għall-abbissi. B’dan kollu kien hawn min ilu li wissiena:
“Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa! Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix-xewk, jew tin mill-għollieq? Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel. Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, anqas siġra ħażina ma tagħmel frott tajjeb. Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Għalhekk mill-frott tagħhom tagħrfuhom.” (Mattew 7, 15-18).
Li kieku kellna l-għaqal biex nisimgħu u tassew nemmnu fil-kliem tal-Iben tal-Alla l-Ħaj, li kieku konna nintebħu li kliemu mhux biss iwassluna għas-saltna vera iżda jipproteġuna mill-eċċessi tagħna stess saħansitra f’din id-dinja.
U jekk hawn min jaħseb li mill-ispettru ideoloġiku Soċjalist jew Komunist kienu kontra r-razziżmu – sejjer żbaljat bil-kbir. Huwa fil-fatt id-Darwiniżmu li kien l-idea wara ’l hekk imsejħa ‘class wars’ u fil-fatt l-istess ideat razzisti kienu jipproliferaw bl-istess entużjażmu mħaddan min-Nażismu. Marx u Engels kienu ddikjaraw li l-Islavi bħala ‘żibel etniku’ u pubblikament għamlu l-każ li kien hemm il-bżonn ta’ ġenoċidju razzjali. Lenin kien jobgħod lis-suwed u nistgħu nibqgħu nagħtu eżempji oħrajn s’għada filgħodu. Il-verità hi li kien hemm iżjed ideat komuni bejn in-Nażiżmu u l-Komuniżmu milli kien hemm ideat jifirduhom.
Ma ninsewx lanqas, li waħda mir-raġunijiet ewlenin wara t-twaqqif ta’ Planned Parenthood ta’ Margaret Sanger li semmejna f’artiklu ieħor, ma kien xejn ħlief għar-raġunijiet ta’ iġjene razzjali. Disproporzjonalment, il-vittmi tagħha ma kienu ħadd ħlief trabi ta’ minoranzi etniċi b’mod partikolari l-Ispaniċi u fuq kollox is-Suwed.
Hitler, il-ġenoċidju ewġeniku tiegħu wettqu fil-beraħ u bl-aktar mod krudili mentri Margaret Sanger u sħabha, kif ukoll gvernijiet madwar id-dinja minn dak taċ-Ċina Komunista sa’ dak tal-Amerika Kapitalista, il-ġenoċidju jipprovaw jaħbuh wara s-sofistrija u l-ħitan tal-kliniċi tal-abort il-bogħod mill-għajnejn tal-pubbliku. Imma jidher u ma jidhirx, isirx fi klinika jew kamp tal-konċentrament, hux imponut minn stat dittatorjali jew mitlub mill-konsumatur ma jibdilx in-natura tiegħu; jibqa’ qtil indiskriminat fuq skala industrijali.
Jekk l-ewġenika titwettaqx fuq bniedem ex post facto – jiġifieri wara li persuna tkun twieldet – jew iseħħx kif ħa nagħmlu f’pajjiżna qabel ma titwieled – ma jibdel xejn mill-intenzjonijiet jew il-konsegwenzi ta’ dan il-att.
Li kieku Hitler kellu t-teknoloġija tal-genetic screening, ibqgħu ċerti li kien jużaha. Ma kienx ikollu għalfejn jiggassja jew jgħallaq lil ħadd, għax lil dawk mhux mixtieqa kien jeqridhom qabel ma jitwieldu.