L-ewġenika u ċ-ċaħda li l-bnedmin kollha jitwildu l-istess

Minn John Spiteri Gingell

Ir-raba’ parti

Fl-essenza tagħha, l-ewġenika ċaħdet  il-kunċett li l-bnedmin jitwieldu ugwali, xi ħaġa li l-liberali tal-lum, li dejjem huma minn ta’ quddiem biex jgħajtu għall-ugwaljanza, konvenjament jinsew.  Din l-idea rnexxielha tikkonvinċi lil ħafna li l-moralità l-ġdida ma kienet ibbażata fuq xejn aktar mill-propagazzjoni tal-ġenetika korretta.

Dan huwa punt fundamentali li hemm bżonn nifhmuh u nżommuh dejjem f’moħħna.  Mela, il-Ministru Chris Fearne qalilna li “huwa immorali jekk ma nisfruttawx l-avvanzi fit-teknoloġija”. Jien konvint li għalih bil-kelma moralità kien qed jifhem xi ħaġa tassew differenti minn dik li jifhem biha n-nisrani.  Fil-fehma tiegħi, b’moralità, is-Sur Fearne qed juża l-kelma f’termini ta’ xjentiżmu.  Mill-aspett nisrani, dik id-dikjarazzjoni m’għandha l-ebda sens ieħor.

Biex inkomplu mexjin mal-istorja, kien hemm attentat mill-organizzazzjoni msejħa “Is-Soċjetà għall-Edukazzjoni Ewġenika” sabiex l-istat Ingliż jintroduċi steralizzazzjoni volontarja. Dan kien megħlub wara resistenza qawwija kemm mill-Kattoliċi fir-Renju Unit kif ukoll mill-Partit Laburista Ingliż, li fehem mill-ewwel li l-aktar nies li kienu ser jiġu abbużati ma kienu ser ikunu ħadd ħlief l-ifqar fost il-fqar fil-klassi tal-ħaddiema.

B’hekk l-ewġenika hija primarjament proġett elitista.  Wara kollox, ħafna minn dawn il-karateristiċi mixtieqa, ngħidu aħna it-tul ta’ persuna jew jekk bniedem hux dgħajjef jew b’saħħtu, ma huma karatteristiċi bijoloġiċi xejn u jiddependu ħafna miċ-ċirkustanzi fejn wieħed jitrabba u jgħix.  L-istorja u l-ħajja mimlija ironiji u l-ironija hawn hija li f’Malta tal-lum l-ewġenika daħħalha l-Partit Laburista Malti bl-għajnuna ta’ Oppożizzjoni dejjem aktar moribonda u rrelevanti u l-iskiet li jtarrax tal-istituzzjonijiet u rgħajja Kattoliċi li kull ma donnu jinteressahom huwa li jibqgħu fil-kwiet u l-paċi anki jekk dan huwa ta’ detriment etern tal-merħla tagħhom.

L-ewgeniżmu ma damx ma nfirex u akkwista popolarità madwar id-dinja hekk imsejħa ċivilizzata kollha u f’ħafna pajjiżi inkluż l-Amerika, il-Kanada u pajjiżi Skandinavi addottaw programmi kemm ta’ ewġenika volontarja kif ukoll dik sforzata, b’miljuni jiġu steralizzati kontra r-rieda u saħansitra l-għarfien tagħhom. Kienet il-Knsija Kattolika li dak iż-żmien żammet sod u baqgħet l-akbar forza t’oppożizzjoni u din ikkulminat fl-enċiklika papali  Casti Connubii li ġiet ppubblikata fl-1930  u li fiha kkritikat bl-aħrax l-inumanità ta’ din il-politika krudili u psewdo-xjentifika. 

M’għandniex xi ngħidu li l-pubblikazzjoni ta’ din l-enċiklika ġabet kritika qawwijja mill-’intellettwali’ ta’ dak iż-żmien, fosthom kien hemm Margaret Sanger li 1948 iffundat l-International Committee on Planned Parenthood, li wara evolva f’International Planned Parenthood, li llum hija l-akbar fornitriċi tal-abort non-governattiva, fid-dinja.  F’artiklu pubblikat fl-1932, fir-revista prestiġġjuża The Nation, Sanger qalet li l-enċiklika kienet ostaklu serju għall-approvazjoni ġenerali tal-politika li tirregola t-tnissil tal-ulied mhux lanqas fost politiċi li kienu għadhom influwenzati mill-awtorità morali tal-Knisja Kattolika.  F’dan l-artiklu, Sanger għamlet id-dikjarazzjoni li llum tant nisimgħuha li t-tagħlim tal-Knisja “jmur kontra x-xjenza u hu ta’ ostaklu għall-miljorament kemm tal-ġid soċjali u tar-razza”.  Il-biċċa dwar ir-razza, illum, l-appostli ta’ Sanger m’għadhomx isemmuha, għax ma jixtiequx ifakkruna fir-rwol fundamentali tax-’xjenza’ fil-politika razzista Nazista li kkulmina fl-olokawst.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *