L-ewġenika fis-seklu dsatax u t-teorija tal-evoluzzjoni

It-tielet parti.

Minn John Spiteri Gingell

Fil-bidu tas-seklu dsatax, l-pendlu kien donnu beda jxeqleb totalment in-naħa l-oħra meta tfaċċa ir-Romantiċiżmu, fejn b’reazzjoni għall-eċċessi ta’ revoluzzjoni Franċiża  ċaħad b’saħħa  l-ideat tal-illuminiżmu u razzjonaliżmu xjentifiku tan-natura.  Fi kliem ieħor, il-ħsieb mar l-estrem l-ieħor u nfexx billi jitfa’ l-emfażi kollha fuq l-emozzjoni u l-individwaliżmu, fl-idealizzazzjoni tan-natura u l-glorifikazzjoni kemm tal-passat kif ukoll tan-nazzjonaliżmu.

Il-bniedem la darba jitlef il-bilanċ donnu diffiċli jerġa’ jsibu bħal persuna li mhix imdorrija tibqa’ bil-wieqfa f’dagħjsa meta jkun hemm l-imbatt.  Donnu jitfixkel u fl-attentat biex jibqa’ fuq saqajh, l-ewwel jinxteħet naħa u imbagħad l-oħra.  Donnu inkapaċi jsib il-via media.

Ma’ nofs is-seklu 19, ir-Romantiċimu beda jiddgħajjef sew u r-razzjonaliżmu, il-fidi għamja fir-raġuni u l-progress miftum minn kull xkiel bibbliku kien rabba għeruq fondi u xtered taħt diversi forom u titli, sakemm ikapparat l-isem rispettabli ta’ xjenza għaliha nnifisha. Imma jekk irridu nkunu korretti, din kellha tissejjaħ xjentiżmu: għax ix-xjenza hija sempliċiment proċess empiriku mentri x-xjentiżmu huwa att ta’ fidi.

Id-daqqa mortali kemm għar-Romatintiċiżmu u b’mod ferm aktar importanti għad-dinjità tal-bniedem ġiet f’Novembru tal-1859, meta Charles Darwin ippubblika “On the Origin of Species”.  Minkejja t-titlu, dan il-ktieb ma jressaq l-ebda spjegazzjoni ta’ kif oriġinat il-ħajja bijotika fid-dinja.  Minkejja li dawn l-ideat kienu ilhom jiċċirkulaw fil-gruppi elitisti, kien Darwin li fformula ipoteżi sempliċi iżda potenti ta’ kif l-ispeċi kollha evolvew minn organiżmi oħrajn qabilhom u li flimkien oriġinaw minn organiżmu b’ċellola waħda bis-saħħa ta’ proċess għami ta’ selezzjoni naturali, fejn n-natura tippremja lil dawk li kapaċi jaddattaw għaċ-ċirkostanzi ambjentali tagħhom permezz ta’ mutazzjonijiet ġenetiċi benefiċjali mentri telimina lil dawk li mhumiex kapaċi jadattaw.  Għalhekk b’dan il-proċess, il-ġeni tal-ewwel jiġu ppropagati u tal-aħħar le. Kien argument sempliċi imma b’saħħu.

Tajjeb li ngħidu, li t-teorija tal-evoluzzjoni għadha preċiżament teorija u xejn aktar, jekk xejn id-diżgwid bejn ix-xjenzati dwar il-validità tagħha kiber mhux naqas minn żmien Darwin ‘l hawn.  Mhux lanqas, għax illum nafu li l-organiżmi huma ferm iżjed kumplessi minn dak li qatt seta jobsor Darwin u żviluppi ġodda f’oqsma oħra bħal ngħidu aħna l-”quantum laws” u s-similarità bejn id-DNA u d-dinja tal-informatika (l-informazzjoni mhix xi ħaġa materjali) komplew jikkumplikaw l-affari.  Però dan huwa suġġett vast u forsi tajjeb niddiskutuh separatament darb’oħra.

Hi x’inhi l-validità tagħha, it-teorija ta’ Darwin bidlet għal kollox id-dinja u ċertament il-kunċett li l-bniedem kien maħluq minn Alla u għalhekk imżewwaq bid-dinjità tiegħu għax kien maħluq fix-xbieha tiegħu. Imma dan din il-vizzjoni qalgħet daqqa ta’ ħarta li nistgħu ngħidu għadha ma rkuprax minnha minkejja li l-Knisja Kattolika sabet kompromess teoloġiku.

Bit-teorija tal-evoluzzjoni, il-bniedem wara sekli sħaħ mgħallem u jemmen li huwa kien maħluq personalment minn Alla bi pjan u intenzjoni sab ruħu jiffaċja l-possibbiltà li hu ma kien xejn aħjar mill-annimali kollha l-oħra, li ma kienx jiswa iżjed minn dubbiena, li kien sempliċiment skerz tan-natura, mingħajr skop jew destinazzjoni – u jekk kien xbieha ta’ xi ħaġa, din kienet ta’ xadina li ostenzjalment, skont din it-teorija, magħha jaqsam ġenituri komuni.

Darwin eventwalment kiteb ktieb ieħor jismu ‘The Descent of Man’, li llum ma tantx jissemma, fejn fih għamilha ċara li ma kienx jaqbel li għandna ngħinu l-fqar u nieħdu ħsieb il-morda għax tali għajnuna ma kenitx ta’ benefiċċju għall-evoluzzjoni  tal-umanita, peress li kienet tinterferi fix-xogħol tan-natura li kieku mingħajr dan l-indħil uman kienet awtomatikament teqred dawn il-klassijiet ‘inferjuri’. F’dan il-ktieb kiteb ukoll, li fil-fehma tiegħu fil-futur qarib kienet inevitabbli li ir-razzez ‘ċivilizzati’ jeqirdu dawk inferjuri.

L-Impatt ta’ din t-teorija tal-evoluzzjoni kien tremend, u wieħed minn dawk li mill-ewwel fehem l-implikazzjonijiet tagħha ma kien ħadd ħlief l-kuġin ta’ Darwin stess, Francis Galton, li abbażi ta’ din it-teorija ma damx ma kkonkluda, li dan it-tnissil selettiv tan-natura, seta’ jiġi mmanipulat mill-bniedem, dejjem skont hu għall-benefiċċju tal-ispeċi umana – mentri l-Knisja Kattolika rrikonċiljat ruħha ma’ din it-teorija billi rraġunat li Alla kien kapaċi jinqeda’ b’kollox anki bl-evoluzzjoni biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, Galton li kien kredent kbir tal-kunċett li l-bniedem huwa l-miżura ta’ kollox, naturalment rraġuna mod ieħor – li l-bniedem kellu l-jedd u l-obbligu li jmmanipula dan il-proċess hu stess, għall-fini tiegħu billi janalizza dawk il-katerestiċċi mqejusa minnu u nies bħalu bħala benefijali għall-umanità u jippropogahom.. Galton huwa l-bniedem li vvinta u ġġustifika l-ewġenika fl-iżvilupp modern tagħha.

L-Ewġenika ma damx ma sar suġġett akkademiku li beda jiġi mgħallem f’ħafna kulleġġi u universitajiet,  b’finanzjament qawwi minn ħafna sorsi entużjasti. Inħolqu organizzazzjonijiet apposta (l-NGOs mhumiex invenzjonijiet tal-lum) biex jirbħu l-appoġġ tal-pubbliku għall-politika li essenzjalment fil-qofol tagħha riedet tikkontrolla r-ripproduzzjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *