Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni mblokka l-aċċess ta’ dan is-sit minn fuq computers tas-sistema tiegħu

Din il-website mhix aċċessibbli minn fuq computers li huma fuq is-sistema tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Computer imqabbad mas-sistema tal-edukazzjoni governattiva ma jistgħux jaċċessaw dan is-sit bħal ma jistgħux jaċċessaw sites, per eżempju ta’ natura pornografika, imma mbagħad sites oħra ta’ aħbarijiet huma aċċessibbli fuq din is-sistema.

Mela biex niftehmu, jekk persuna tmur bil-computer jew laptop tagħha personali u tidħol fis-sistema tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, hija jkollha aċċess għal dan is-sit. Imma jekk hija tuża l-computers tad-dipartiment li għandu fl-iskejjel, dan is-sit mhux aċċessibbli. Din il-website hija bblokkjata fuq din is-sistema. Din hi ċensura bil-pulit.

Dan is-sit jinsab infurmat li n-network tal-edukazzjoni hija maqsuma fi tnejn. Hemm dawk immaniġġjat mill-MITA u dak immaniġġjat mill-iskejjel imma mhux mill-MITA. B’hekk hemm setups differenti. Waqt li l-infrastruttura tal-ministeru nnifsu f’Belt is-Sebħ hija mmaniġjata mill-MITA, dik tal-iskejjel mhix. L-infrastruttura u l-aċċessi għall-computers tal-iskejjel huma immaniġjati mill-IT unit tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Ma naħsibx li din iċ-ċensura ġiet ordnata mill-Ministru Clifton Grima jew in-nies tiegħu. Naħseb li din tmur lura għal żmien meta dan id-dipartiment kien immexxi minn ministeri u min-nies oħrajn fil-ministeru. B’hekk ma nafx fi żmien liema ministru saret, għaliex kien hemm ħafna tibdil ta’ ministri. Dak li nista’ ngħid li l-Ministru Grima jaqra dak li qed jinkiteb fuq dan is-sit f’dak li għandu x’qasam tal-edukazzjoni u qed jagħti kas għaliex ninsab infurmat li qed jieħu interess fih u qed ikun għaqli u jixtarr dak li qed jinkiteb fuq dan is-suġġett.

Ma għandix dubju li din iċ-ċensura ma saritx minħabba li dan is-sit qed jikteb fuq il-politika jew qed jattakka lil Bernard Grech. L-anqas għaliex ikollu artikli kontra l-covid. Biss dan is-sit jagħti spazju lil kulħadd u fih qed jidhru artikli li huma kritiċi ħafna għar-riformi li saru fil-qasam tal-edukazzjoni li llum, kulħadd qed jibda jirrikonoxxi li huma falliment totali. Għalhekk nemmen li din iċ-ċensura saret minħabba dawn l-artikli biex nies li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni ma jkollhomx aċċess għalihom. Jekk dan huwa l-każ, verament dawn in-nies ma għandhomx viżjoni għaliex illum kulħadd għandu computer id-dar u xorta l-ħaddiema jew l-istudenti jistgħu jidħlu f’dan is-sit mill-computer tad-dar tagħhom.

Id-daħqa hija li din iċ-ċensura saret mill-Gvern tal-Lejber li jiftaħar li hu kontra ċ-ċensura. Xi ħadd fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni ried li jagħmel ban fuq il-qari ta’ dawn l-artikli fuq l-edukazzjoni, waqt li artikli tal-media l-oħra huma aċċessibli fuq is-sistema ta’ dan id-dipartiment.

Imbagħad Robert Abela jiftaħar li l-media hija r-raba’ pilastru tad-demokrazija u l-media tal-istess Partit Laburista xebgħet tikkwota artikli ppubblikati f’dan is-sit imma mbagħad l-istess gvern ma jridx li l-impjegati jew l-istudenti jaċċessaw dawn l-artikli mis-sistema tiegħu stess bħal ma jistgħu jaċċessaw gazzetti oħra. Imbagħad nies li suppost qed jgħallmu lit-tfal x’inhuma l-pilastri tad-demokrazija ma jridux li jkun hemm aċċess għal dan is-sit mill-komputers tad-Dipartment tal-Edkukazzjoni li suppost qed jgħallem lit-tfal tagħna biex jagħmilhom in-nisa u l-irġiel ta’ għada.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *