Għal tar-Repubblika li tissotta deputati Nazzjonalisti mhux att demokratiku, imma jekk tagħmel hekk lejn dawk Laburisti jsir att demokratiku
Id-Direttur għall-Istudju fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati ta’ Malta, is-Sur John Cassar Ellul, għadda kumment mhux mistenni. Il-kumment li għadda dan id-direttur ma tistennihx minn bniedem kwalunkwe, aħseb u ara minn persuna li qiegħda f’kariga influwenti. L-eżempju ta’ dan id-direttur żgur mhux ta’ min ifaħħru. Anzi għal kuntrarju, huwa kumment ta’ min jistkerrħu. Hu qal lil-Laburisti biex jitfgħu bajd u tadam lejn il-membri eletti Nazzjonalisti.

Imma din is-saga ma tieqafx hawn. Verament affarijiet tal-iskantament kif kumment kontra membri tal-Parlament tal-Partit Nazzjonalista joħroġ kontrih il-President tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina. Possibbli ħadd mill-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ma ħassu offiż b’diskors bħal dan? Naf li Joe Giglio tella’ kumment kontra dak li qal Cassar Ellul. Imma l-mistoqsija tiġi waħidha. Għala l-Partit Nazzjonalista ma jistax jikkummenta?
B’mod kontroversjali ngħid li l-Partit Nazzjonalista għamel sew li ma kkummentax. Waqt li dan hu diskors deplorevoli, xorta l-Oppożizzjoni ma għandix kredenzjali biex titkellem kontra tiegħu. Tiftakru meta l-Għaqda Repubblika, flimkien ma’ għaqdiet oħra, kienet torganiżża l-protesti quddiem il-Parlament u quddiem Kastilja? Ma nafx x’ma ġiex issuttat. Ara hemmhekk, li wieħed jissotta kienet xi ħaġa admirevoli u demokratika.
Nixtieq ngħid li mhux il-grupp Nazzjonalista kienu kollha ma’ Repubblika f’dik il-ħabta. Imma il-Blue Heroes kienu parti minnhom. Għalhekk ma tantx jidher sabiħ li s-soċjeta’ ċivili jew Repubblika tidħol għad-difiża ta’ partit politiku u fuq kollox hija għamlet agħar minn hekk għaliex mill-paroli għaddiet għall-azzjoni.
Dan ma tantx jawgura tajjeb li għaqda suppost indipendenti mill-politika, toħroġ tattakka diskors li ntqal kontra membri ta’ partit politiku. Dan jikkonferma kemm Repubblika hija parti mill-Partit Nazzjonalista. Anzi din hija mażżra ma’ għonq il-PN.
Fuq kollox, mela tliftu lsienhom? Mela tliftu l-ħeġġa li tiddefendu lilkom infuskom? Hemm għalfejn tħallu f’idejn ħadd ieħor biex juri d-dispjaċir tiegħu? Dak li qed joħroġ ċar li minħabba l-azzjonijiet passati ta’ Repubblika u s-Soċjeta Ċivili u l-mod vjolenti li dawn organiżżaw ċertu protesti, il-Partit Nazzjonalista ġie bla leħen. Issa s-sitwazzjoni qed issir agħar għaliex ta’ Repubblika qed jidhru bħala l-porta vuċi tal-PN.
B’hekk dawn il-fatti jkomplu jikkonfermaw kemm din il-viċinanza hija perikoluża għall-Partit Nazzjonalista. Tant hu hekk li f’din il-kwestjoni Repubblika saret titkellem f’isem il-Partit Nazzjonalista. Dak kollu li qal Robert Aquilina stennejtu jiġi min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Stennejt li toħroġ stqarrija iebsa kontra persuna li għandha influwenza kbira fuq il-membri tal-pulizija, s-suldati u l-membri tal-korpi dixxiplinati. Stennejt li l-Partit Nazzjonalista joħroġ kontra l-atteġġjament ta’ persuna li qed titħallas minn flus il-poplu ta’ xogħlu. Imma minħabba din il-qrubija ma’ Repubblika, il-Partit Nazzjonalista ma setax jagħmilha għax deputati bħal Jason Azzopardi kienu ħadu pjaċir li n-nies kienu qed jissuttaw deputati Laburisti.
Inħeġġeġ lid-deputati tal-Partit Nazzjonalista biex jiddefendu d-dinjita tagħhom u ma jħallux lil ħaddieħor jagħmilhom xogħolhom. Xi kultant pjaċir mhux mitlub aħjar ma jsir xejn. Id-deputati tal-Oppożizzjoni ma għandhomx għalfejn lil min jindaħlilhom. Darba għal dejjem hemm bżonn li dawn l-istess deputati jinfatmu minn dan l-avviċinament li ma hu qed iwassal imkien, imma qed jibgħat messaġġ li d-deputati nazzjonalisti qed iħallu lil min jiġbdilhom l-ispaga.
Anzi kieku kienu intelliġenti, kien jieħdu din l-okkażżjoni biex jikkundannaw dawn it-tip ta’ protesti, kemm dawk preżenti, futuri u anki dawk li seħħu fl-imgħoddi. Imma nibża’ li kieku kkundannaw dawk passati, tar-Repubblika kienu jduru kontra l-PN. Għaliex tar-Repubblika jistgħu jipprotestaw u jgaraw bajd, tadam, boldijiet, u bewl. Imma allaħares ħaddieħor jagħmel bħalhom għax jgħajruh Faxxista.