Kemmuna
Minn Osservatur Politiku

Il-verita’ dwar Malta li ħadd ma jgħidlek hija li Kemmuna sabiħa, imma m’hemmx fejn tieħu nifs. Dan kien il-kumment li akkumpanja filmat li f’dawn l-aħħar ġimgħat dar madwar il-midja soċjali u li ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna nies kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Il-filmat kien juri xena li sfortunatament saret wisq familjari: għexieren ta’ nies prattikament bilqiegħda fuq xulxin fil-Blue Lagoon, bil-baħar mimli dgħajjes u bl-ispazju disponibbli kważi ineżistenti.
U dan kollu seħħ f’Ġunju. Mhux f’Awwissu. Mhux fil-qofol tal-istaġun turistiku. Iżda fil-bidu tas-sajf. Min ra l-filmat seta’ faċilment jifhem il-kumment ta’ min ġibdu. Xi wħud saħansitra qalu li ħassew sens ta’ klaustrofobija sempliċement billi raw ix-xeni fuq l-iskrin.
Il-mistoqsija li għandna nagħmlu lilna nfusna hija waħda sempliċi: wasalniex f’punt fejn is-suċċess turistiku tagħna qed jibda jhedded dak stess li jagħmilna attraenti?
Kemmuna hija waħda mill-ġawhar naturali ta’ pajjiżna. Għal ħafna snin kienet sinonima ma’ baħar kristallin, trankwillita’ u ambjent naturali uniku. Kien post li jattira kemm lit-turisti kif ukoll lill-Maltin li kienu jfittxu ġurnata ta’ mistrieħ ’il bogħod mill-għaġla ta’ kuljum. Illum, iżda, ħafna qed jistaqsu jekk dik l-esperjenza għadhiex teżisti.
Meta wieħed jara l-folol li jinġabru fil-Blue Lagoon matul ix-xhur tas-sajf, diffiċli ma jħossx ċertu tħassib. Mhux għax in-nies m’għandhomx igawdu l-ġmiel ta’ pajjiżna. Lanqas għax it-turiżmu mhuwiex importanti għall-ekonomija tagħna. Iżda għax kull destinazzjoni għandha l-limiti tagħha.
Il-kunċett ta’ “overtourism” jew turiżmu eċċessiv illum sar realta’ f’ħafna bliet u destinazzjonijiet madwar id-dinja. Minn Venezja sa Barċellona, minn Santorini sa Dubrovnik, komunitajiet sħaħ qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ suċċess turistiku li ma jkunx immaniġġjat kif suppost.
Il-problema mhijiex it-turiżmu nnifsu. Il-problema hija meta n-numru ta’ viżitaturi jaqbeż il-kapaċita’ tal-post li jilqagħhom b’mod sostenibbli.
U proprju hawnhekk tidħol il-kwistjoni ta’ Kemmuna. Kemmuna hija gżira żgħira ħafna. Ir-riżorsi tagħha huma limitati. L-ekosistema tagħha hija sensittiva. L-infrastruttura tagħha hija minima. Minkejja dan, matul ċerti ġranet tas-sajf jilqgħu eluf kbar ta’ nies fl-istess ħin. Il-konsegwenzi huma viżibbli għal kulħadd. Spazji pubbliċi iffullati. Pressjoni fuq l-ambjent naturali. Żieda fil-ħmieġ. Tniġġis mill-attivita’ marittima.
Esperjenza li tkun ferm differenti minn dik li ħafna turisti jkunu qed jistennew meta jibbukkjaw il-vaganza tagħhom. Hawnhekk irridu nistaqsu mistoqsija importanti. X’tip ta’ turiżmu rridu għal Malta? Irridu nkomplu nkejlu s-suċċess biss bin-numru ta’ viżitaturi li jaslu kull sena? Jew wasal iż-żmien li nibdew niffokaw aktar fuq il-kwalita’ tal-esperjenza li qed noffru?
Għal ħafna snin il-politika ekonomika tagħna kienet ibbażata fuq tkabbir kontinwu. Aktar turisti. Aktar konsum. Aktar attivita’ ekonomika. Din l-istrateġija ġabet magħha benefiċċji ekonomiċi ċari. Iżda llum qed naraw ukoll il-limiti tagħha. Meta l-folol jibdew jagħmlu ħsara lill-esperjenza turistika nnifisha, inkunu qed noħolqu problema fit-tul.
Turist li jżur Kemmuna wara li jkun ra ritratti ta’ ilmijiet ċari u ambjent paċifiku, u mbagħad isib eluf ta’ nies miġbura fi spazju żgħir, jista’ jitlaq b’impressioni differenti ħafna minn dawk li kien jistenna. U llum, f’era tal-midja soċjali, dawk l-impressjonijiet jinfirxu malajr. Filmat wieħed jista’ jintlaħaq minn miljuni ta’ nies. Kumment wieħed jista’ jaffettwa l-perċezzjoni ta’ destinazzjoni sħiħa. Dan ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna mit-turiżmu. Bil-maqlub. Ifisser li għandna nibdew nippjanawh aħjar.
Ħafna pajjiżi diġa’ introduċew sistemi biex jikkontrollaw in-numru ta’ viżitaturi f’siti naturali sensittivi. Oħrajn daħħlu limiti fuq id-dgħajjes jew fuq l-aċċess f’ċerti ħinijiet.
L-għan mhuwiex li wieħed jeskludi lin-nies. L-għan huwa li jipproteġi l-post sabiex ikun jista’ jitgawda kemm illum kif ukoll fil-futur. Kemmuna mhijiex biss attrazzjoni turistika. Hija parti mill-wirt naturali tagħna. Hija parti mill-identita’ tagħna. Hija teżor li għandna d-dmir li nħarsu.
Sfortunatament, ħafna drabi niddiskutu dawn il-kwistjonijiet biss meta joħroġ xi filmat virali jew meta xi ġurnal barrani jippubblika rapport kritiku. Imma r-realta’ hija li l-problema ilha magħna għal snin. Kull sajf jerġgħu jidhru l-istess stampi. L-istess tħassib. L-istess mistoqsijiet. U kull sena jidher li s-sitwazzjoni qed issir aktar diffiċli.
Naturalment, il-kwistjoni mhijiex limitata għal Kemmuna biss. Hija riflessjoni usa’ dwar il-mudell ekonomiku u turistiku li rridu għall-pajjiż. Malta hija pajjiż żgħir. L-art tagħna hija limitata. Ir-riżorsi naturali tagħna huma limitati. L-infrastruttura tagħna għandha kapaċita’ limitata. Għalhekk ma nistgħux nibqgħu naħsbu li tkabbir bla limitu huwa dejjem sostenibbli.
F’ċertu punt irridu nibdew nistaqsu mhux kemm qed jiżdiedu n-numri, iżda x’impatt qed ikollhom dawk in-numri fuq il-kwalita’ tal-ħajja tagħna u fuq il-prodott turistiku nnifsu. Din hija diskussjoni li teħtieġ kuraġġ politiku. Għax mhux dejjem faċli tgħid li hemm bżonn limiti jew regolamentazzjoni. Iżda tmexxija responsabbli tfisser li wieħed jaħseb fit-tul. Tfisser li wieħed jara mhux biss il-profitti tal-lum, iżda wkoll il-konsegwenzi ta’ għada.
Jekk nibqgħu ninjoraw il-pressjonijiet li qed jiffaċċjaw postijiet bħal Kemmuna, nirriskjaw li nitilfu proprju dak li jagħmilhom speċjali. U ladarba l-ħsara ssir, ħafna drabi jkun diffiċli jew impossibbli li tissewwa kompletament.
Il-fatt li tant nies irreaġixxew għall-filmat li dar fuq il-midja soċjali juri li din mhijiex kwistjoni marġinali. Hija kwistjoni li tolqot il-mod kif naraw lil pajjiżna. Tolqot il-mod kif jarawna dawk li jżuruna. U tolqot il-futur tal-industrija turistika tagħna.
Kemmuna tibqa’ waħda mill-isbaħ postijiet fil-Mediterran. Il-mistoqsija hija jekk aħniex lesti nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex tibqa’ hekk. Għax il-ġmiel tagħha mhux garantit għal dejjem. Jiddependi fuq l-għażliet li nagħmlu llum. U forsi l-kumment li akkumpanja dak il-filmat għandu jservi bħala twissija għalina lkoll. “Il-verità dwar Malta li ħadd ma jgħidlek hija li Kemmuna sabiħa, imma m’hemmx fejn tieħu nifs.”
Jekk ma nagħmlu xejn, jista’ jasal il-jum meta n-nies ma jibqgħux jitkellmu biss dwar il-folol. Jistgħu jibdew jitkellmu dwar kif ħallejna wieħed mill-isbaħ teżori naturali tagħna jintilef quddiem għajnejna. U dik tkun telfa li ma tistax titkejjel bin-numru ta’ turisti jew bl-introjtu ekonomiku, iżda bil-valur ta’ dak li nkunu tlifna bħala pajjiż.
