L-Era Diġitali

Minn Osservatur Politiku

“Nibgħathielek issa.” “Jeħtieġ sal-aħħar tal-ġurnata.” “Tweġibni kemm jista’ jkun malajr.” Dawn huma frażijiet li llum saru parti mill-vokabularju ta’ kuljum. Kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja personali, il-kelma urġenti tintuża tant ta’ spiss li kważi tilfet it-tifsira tagħha. Il-konsegwenza hija waħda ċara: meta kollox jitqies bħala prijorita’ assoluta, jispiċċa diffiċli nagħrfu x’inhu tassew importanti.

L-era diġitali bidlet il-mod kif nikkomunikaw u naħdmu. Illum nistgħu nibagħtu messaġġ jew dokument fi ftit sekondi, nattendu laqgħa minn kull rokna tad-dinja u nirċievu aġġornamenti kontinwament. Din il-konvenjenza, iżda, ġabet magħha aspettattiva ġdida: dik li nkunu dejjem disponibbli. It-telefon ċellulari m’għadux biss mezz ta’ komunikazzjoni; sar uffiċċju, kalendarju u ċentru tan-notifiki li jakkumpanjana kull minuta tal-ġurnata.

Dan il-fenomenu qed ibiddel ukoll il-kultura tax-xogħol. Ħafna impjegati jirrappurtaw li l-lista tal-kompiti tagħhom qatt ma tispiċċa. Kull email tidher li teħtieġ risposta immedjata, kull laqgħa tiġi ppreżentata bħala essenzjali u kull skadenza tidher li ma tistax tiġi mċaqalqa. F’dan l-ambjent, il-kelma “urġenti” tintuża b’mod kważi awtomatiku, ħafna drabi mingħajr ma wieħed jieqaf jikkunsidra jekk il-kompitu jistax verament jistenna.

Esperti fil-ġestjoni tal-ħin ilhom iwissu dwar il-periklu ta’ din il-mentalita’. Meta kull kompitu jingħata l-istess livell ta’ prijorita’, il-ħaddiema jispiċċaw jaħdmu taħt pressjoni kontinwa. Minflok ma jiffokaw fuq xogħol ta’ kwalita’, ikunu mġiegħla jirreaġixxu għal dak li jidher l-aktar urġenti f’dak il-mument. Dan mhux biss inaqqas il-produttivita’, iżda jżid ukoll ir-riskju ta’ żbalji u deċiżjonijiet mgħaġġlin.

L-effetti ma jieqfux fuq il-post tax-xogħol. Il-ħajja personali wkoll qed tħoss il-piż ta’ din il-kultura tal-għaġla. In-notifiki tal-midja soċjali, il-messaġġi istantanji u l-aġġornamenti kontinwi joħolqu sensazzjoni li rridu nkunu dejjem konnessi. Ħafna nies iħossuhom skomdi jekk ma jwieġbux messaġġ fi ftit minuti jew jekk ma jkunux aġġornati bl-aħħar aħbarijiet. Il-biża’ li titlef xi ħaġa importanti qed issir realta’ għal ħafna.

Psikologi jispjegaw li din l-espożizzjoni kostanti għal stimoli differenti żżomm lill-moħħ fi stat ta’ allert permanenti. Maż-żmien, dan jista’ jwassal għal għeja mentali, tnaqqis fil-konċentrazzjoni u livelli ogħla ta’ ansjeta’. Mhux ta’ b’xejn li każijiet ta’ burnout u stress relatat max-xogħol qed isiru dejjem aktar komuni f’diversi pajjiżi.

Ironikament, il-ġirja kontinwa biex nagħmlu kollox aktar malajr mhux dejjem twassal għal aktar riżultati. Riċerka turi li l-moħħ tal-bniedem ma jaħdimx b’mod effettiv meta jkun qed jaqbeż kontinwament minn kompitu għal ieħor. Kull interruzzjoni teħtieġ ħin biex wieħed jerġa’ jikkonċentra, u għalhekk il-multitasking ħafna drabi jwassal għal tnaqqis fil-produttivita’ aktar milli għal żieda fiha.

Il-mistoqsija li għandna nagħmlu hija waħda sempliċi: x’inhu tassew urġenti? Emerġenza medika, sitwazzjoni li tista’ tikkawża ħsara immedjata jew skadenza li ma tistax tinbidel huma eżempji ċari ta’ urġenza vera. Madankollu, ħafna emails, telefonati jew talbiet jistgħu jistennew ftit sigħat mingħajr ma jiġri xejn. Li nagħrfu din id-distinzjoni huwa pass essenzjali biex nieħdu lura l-kontroll tal-ħin tagħna.

L-esperti jirrakkomandaw ukoll li l-organizzazzjonijiet jirrevedu l-mod kif jikkomunikaw il-prijoritajiet. Meta kull kompitu jiġi mmarkat bħala urġenti, l-impjegati jitilfu l-abbilta’ li jagħmlu għażliet infurmati. Minflok, għandhom jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari, b’komunikazzjoni trasparenti dwar dak li tassew jeħtieġ attenzjoni immedjata u dak li jista’ jiġi ppjanat.

Fuq livell personali, hemm passi sempliċi li jistgħu jagħmlu differenza. Li wieħed jistabbilixxi ħinijiet speċifiċi biex jiċċekkja l-emails, inaqqas in-notifiki mhux essenzjali u jħalli spazju għall-mistrieħ huma drawwiet li jgħinu biex jitnaqqas is-sens ta’ pressjoni kontinwa. L-istess jgħodd għall-ħila li wieħed jgħid “le” meta t-talbiet jaqbżu l-kapaċita’ tiegħu.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-progress teknoloġiku għandu jkun għodda li ttejjeb il-kwalita’ tal-ħajja u mhux fattur li jżid il-piż fuq il-bniedem. Il-veloċita’ hija vantaġġ, iżda ma tistax issir l-uniku kejl tas-suċċess. Xi drabi, l-aħjar deċiżjonijiet jittieħdu wara mument ta’ riflessjoni u mhux taħt il-pressjoni tal-ħin.

Meta kollox isir urġenti, l-urġenza titlef il-valur tagħha. Forsi wasal iż-żmien li nerġgħu nitgħallmu nagħmlu distinzjoni bejn dak li hu importanti u dak li sempliċement jidher urġenti. B’hekk inkunu nistgħu naħdmu b’aktar għaqal, ngħixu b’aktar bilanċ u nagħtu valur akbar lill-ħin – l-aktar riżorsa prezzjuża li għandna.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading