Iktar ma jitkellem Bernard Grech, iktar jitfa’ dubji fuq l-integrita’ tiegħu: dan hu dak li kellu jinvestiga l-amministrattiv
Blog post minn osservatur politiku
Aktar ma jitkellem Dr Bernard Grech aktar qed jitfa’ d-dubji fuq is-serjeta’ tiegħu. Waqt l-intervista ma’ Saviour Balzan qalilna li hu kien iddeċieda qabel l-elezzjoni li ser jibqa’ kap tal-Partit Nazzjonalista għaliex żmienu għadu ma skadix. Imbagħad mar fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi biex il-Knisja tagħtih spallata u spiċċa għaxxaqha. Spiċċa daħal f’kontroversja ikbar, din id-darba ma’ sieħbu Jason Azzopardi wara li qallu li żmienu fil-politika skadilu.
Meta tisma’ diskorsi bħal dawn, tirrealiżża kemm Bernard Grech hu komdu finanzjarjament fil-pożizzjoni ta’ kap. Illum qed jinkixfu anki n-nies li qed isostnuh. Dan hu nuqqas serju ta’ serjeta’ min-naħa tiegħu. Imma din l-attitudni ta’ Bernard Grech, li jiġri x’jiġri, jrid jagħti l-impressjoni li jiġi jitmellah għax ser jibqa’ hemm, irid jibdilha.
Ilna nisimgħu affarijiet xokkanti minn għand Bernard Grech. Issa anki bdejna nisimgħu affarijiet tal-blieh fuq Bernard Grech innifsu. Ma kienx importanti għalih ir-riżultat elettorali għax hu ddeċieda li ser jibqa’ kap, imma issa ħiereġ għaliex irid jibqa’ hemm. Għaliex ġa sar ftehim ma’ negozjanti kbar u b’saħħithom. Ma kienx importanti għalih jerbaħx jew jitlifx għax hu kien ser jibqa’ kap la darba hemm negozjanti li lesti jwieżnuh.
Dan jispjega għala, wara li qala’ tkaxkira ta’ 40,000 elf vot, huwa ma rreżenjax u l-anqas ħa t-tort tat-telfa. L-ewwel ħaġa li qal kienet li jrid mandat b’saħħtu u dan baqa’ jtennih f’kull intervista li ta.
Imma dan ser jispiċċa kap li qatt ma rajna bħalu. Dan huwa kap li jagħġbek fin-negattiv u wisq aktar dwar l-iskalettri li għandu fil-armadju. Il-mod kif qed iġib ruħu huwa ta’ bniedem li qed jaqa’ u jqum mill-Partit Nazzjonalista. L-aqwa li jkun komdu hu. Dan huwa kap li ma jinteressahx l-vot tal-poplu, l-aqwa li jibqa’ fuq il-pultruna tal-poter. Dan huwa kap li ma jagħtix każ kif jivvota l-poplu f’elezzjoni ġenerali, l-aqwa li jibqa’ jirrenja. Dan huwa kap li ma jasallu ebda messaġġ mill-poplu waqt elezzjoni ġenerali, l-aqwa li hu jibqa’ jikkmanda.
U hawn fejn jidħol l-amministrattiv, x’ser jagħmel issa? X’ser jagħmel l-amministrattiv quddiem akkużi serji bħal ma qed nisimgħu? Ser jibqa’ ma jgħid xejn u jħalli f’idejn il-kunsilliera? Hemm bżonn urġenti li kull membru tal-Partit Nazzjonalista jsemma leħnu u jesprimi l-ħafna dubji li Bernard Grech qed ixerred mal-erba’ ħitan ta’ Malta u Għawdex issa anki dwar l-integrita’ tiegħu. Hemm bżonn li l-kunsilliera u t-tesserati jifhmu x’inhu jagħmel dan il-kap li mingħalih li hu s-salvatur tal-Partit Nazzjonalista. Hemm bżonn li l-Amministrattiv jieħu azzjoni.
Possibbli l-Amministrattiv, għax fuqu taqa’ r-responsabilita’ tal-investigazzjoni ta’ allegazzjoni serja bħal ma għamel Azzopardi, ser jibqa’ ċass quddiem dawn il-manuvri kollha u ser jibqa’ jaċċetta li jkun pupazz ta’ Bernard Grech? Possibbli l-membri tal-Amministrattiv ma tuġagħahomx rashom meta jisimgħu dawn l-istejjer? Possibbli l-membri tal-Amministrattiv ser iħallu lill-Partit Nazzjonalista jegħreq, anzi se jagħtu palata fil-qerda tal-istess partit?
Hemm bżonn li l-membri tal-Amministrattiv jirrealiżżaw x’qed jagħmel dan ir-raġel, li bil-paroli u l-azzjonijiet tiegħu, qed iwassal messaġġ ċar li ma għandux imħabba sinċiera lejn il-Partit Nazzjonalista, imma għandu pultruna li hi komda għalih u ser ikun qed jisforza lill-kunsilliera biex iħalluh fiha.
L-Amministrattiv irid iqum minn hemm. Dawk kollha li jħobbu lill-Partit Nazzjonalista ma jistgħux iħallu lil Bernard Grech jeqred lil dan l-istess partit.
