Il-qorti tgħid li Yorgen Fenech ma nkissrulux id-drittijiet tiegħu meta ma ngħatax bail: imma suġġettivita’ fid-deċiżjonijiet tal-qorti fir-rigward tiegħu tibqa’

Illum kellna għal darba oħra sentenza tal-qrati tagħna li fiha, is-Sur Yorgen Fenech ma ngħatax raġun. Għall-inqas din is-sentenza rrikonoxxit il-fatt li s-Sur Yorgen Fenech huwa innoċenti sakemm jinsab ħati. Fl-istess waqt, il-qorti reġgħet qieset li d-delitt li huwa mixli bih huwa ikbar mill-oħrajn. Hawn ta’ min jistaqsi mela mhux kulħadd l-istess quddiem il-liġi? Mela għandha persuni aktar importanti minn oħrajn? Verament f’dan l-istat Repubblikan tagħna qed nitilfu kull sens ta’ ekwita.

Kull darba li l-qorti ttrattat xi talba marbuta mal-bail minħabba dan id-delitt, il-qorti tat dejjem l-istess tweġiba. Fit-tweġiba tagħha, il-qorti dejjem tirrikonoxxi dak kollu li jkun intqal mill-uffiċju tal-A.G. u tinjora t-talbiet tal-imputat. Dejjem għandna l-istess mantra. Fost l-oħrajn, il-qorti dejjem tgħid li f’dan il-każ, l-imputat ma jistax jingħata il-ħelsien mill-arrest għax dan hu każ uniku.

Infatti l-qorti tgħid li dan ir-reat ma jistax jiġi mqabbel ma’ reati oħrajn minħabba l-konsegwenzi soċjali li ġab. Imma kull każ hu differenti u kull persuna li tinqatel hija unika u kull każ iġib konsegwenzi uniċi miegħu. Imma mbagħad ma jintqalx għala dan il-każ huwa differenti minn każijet oħra ħlief, b’mod impliċitu għaliex il-media lokali u internazzjonali qed titkellem dwaru jew għaliex jista’ jkun hemm xi demostrazzjoni orkestrata.

Infakkar li l-ħelsien mill-arrest ingħata f’ħafna każijiet li kienu uniċi u ta’ natura ferm differenti minn xulxin. Mid-dehra dawk il-vittmi ma kienux important biżżejjed għaliex kieku l-akkużat ma kienx jingħata l-liberta proviżorja. Għaliex issa hekk wieħed ser ikollu jikkonkludi b’dan it-tip ta’ raġunar mill-qrati tagħna. Mela issa nistgħu nibdew ngħidu li meta l-qorti tagħti l-ħelsien mill-arrest ma tkunx qed turi rispett lejn il-familji tal-vittmi. U jekk il-familji tal-vittmi jkollhom mano in pasta f’delitt – u dan il-fatt jinżamm moħbi mill-prosekuzzjoni u l-pulizija – x’ser tagħmel il-qorti? 

Naħseb li għandna naqblu li dan mhux l-uniku każ ta’ ċertu serjeta’. Imma dan hu l-uniku każ li l-qrati tagħna, mid-dehra ma jistgħux jagħtu l-ħelsien mill-arrest, għaliex għandhom idejhom marbuta. Hawn wieħed jistaqsi kemm verament huma ħielsa l-qrati tagħna? Huwa komdu tinħeba wara skuża konvenjenti bħal din – jiġifieri li dan hu qtil differenti – meta taf li suppost il-ħelsien mill-arrest għandu jingħata, aktar u aktar wara l-ħafna nuqqasijiet li seħħew min-naħa tal-prosekuzzjoni f’dan il-każ.

Jekk il-qorti qed tibża’ li jekk jingħata l-bail, il-kors tal-gustizzja jkun ostakolat, intenni, x’qed iżomm il-qorti milli tispjega u timponi kundizzjonjiet stretti biex dan l-ostaklu jixxejjen? Jew forsi din hija biss skuża komda? X’qed iżomm l-imħallfa li ser tippresedi l-ġuri – la darba ma tridx tagħti lil Yorgen Fenech il-ħelsien mill-arrest – biex tibda l-ġuri? Jaqaw dan l-akkużat ser jinżamm arrestat ad infinitum u l-ġuri tiegħu ser jibda xi mitt sena oħra? U jekk meta jsir il-ġuri joħroġ liberat, x’ser jagħmlu l-maġistrati u l-imħallfin li jkunu nnegaw din il-liberta’ lill-akkużat? Ser jieħdu r-risponsabilita’ tagħhom u jirreżenjaw?

Infakkar li l-att ta’ akkuża inħareġ mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali f’Awwissu li għadda. Sallum, dan il-ġuri għadu ma bediex.  

Il-qorti ma sabet l-ebda punt ta’ serħan il-moħħ fil-fatt li s-Sur Fenech ma ppruvax jaħrab meta kien mogħti ‘police bail’ fil-bidu nett. Infakkar li f’dak iż-żmien l-avukat tiegħu kien qed jinsisti mal-pulizija biex il-klijent tiegħu jingħata maħfra presidenzjali. Infakkar li f’dak il-perjodu, il-familja tiegħu kienet taħt għassa mill-pulizija għas-sigurta’ tagħhom! Għalhekk qed ninsisti li l-qorti qed tagħmel taha l-konklużjonijiet tal-uffiċju tal-avukat ġenerali li mhumiex veritieri. Li mhux qed tara l-qorti f’dan il-każ, li dawn il-konklużjonijiet huma frott ta’ preġudizzju enormi.

Il-qorti kontinwament qed tgħid li mill-kumpilazzjoni tal-provi jidher li l-imputat kien qed jipprova jaħrab u għalhekk ma tistax tagħti l-ħelsien mill-arrest. Barra li din hi ħrafa, dan kien frame-up kontra l-imputat. Imma donnu punti ta’ natura loġistika u ta’ natura emozzjonali ma jeżistux f’dan il-każ. Ma ssemmi xejn dwar kemm hi mpossibli li l-imputat jitlaq minn Malta u jaħbi l-passi tiegħu jew kemm hu diffiċli li jinqata’ kompletament mill-familja tiegħu. Jew kemm hu mpossibli li jinħbew jekk dawn imorru miegħu.

Fl-opinjoni tiegħi, aktar mal-prosekuzzjoni tibqa’ ttenni l-istess affarijiet u dawn il-punti msemmija hawnhekk, aktar qed tkun ikkonfermata li dan kien biss frame-up orkestrat kontra l-akkużat fejn b’kumbinazzjoni tinbena n-narrattiva li ried jaħrab. Infakkar li dak in-nhar tas-suppost ħarba, saħanistra kien hemm ġurnalista li wara ħareġ li dan ma kien xejn kumbinazzjoni fuq il-post! Għalhekk hawn ta’ min wieħed iżid li għandna nofs veritatjiet u nofs veritajiet huma agħar minn gidba!

Imma anki meta l-uffiċju tal-avukat ġenerali jgħid li Yorgen Fenech ma għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest għaliex dan il-każ huwa differenti jispiċċa jikkontradiċi lilu nnifsu. Waqt li jsemmi li dan hu differenti, ma jiddejjaq xejn jirreferi għat-talba mill-ħelsien mill-arrest li għamel Alfred Degiorgio. Mela mhux kull każ huwa uniku jew inkella m’huwiex? 

Jissemmgħu iċ-ċirkostanzi uniċi ta’ dan il-każ għax jirrigwarda l-qtil ta’ ġurnalista, pero’ hija verament inġust illi l-qorti qed tagħti x’tifhem li dawk in-nies li sfaw vittmi ta’ qtil, anki b’mezzi simili, ma kinux rikonoxxuti bħala ‘uniċi’ biżżejjed mill-qorti u l-ħelsien mill-arrest ingħata f’dawk il-każijiet. Din hija suġġettivita kbira u preġudizzju sfrenat. Nemmen li l-qorti mhix qed iżżomm quddiem għajnejha li trid tkun imparzjali. Nemmen li f’dan il-każ hawn wisq intriċi ta’ poter li ser ikun diffiċli biex il-verita’ toħroġ kollha. Imma nemmen ukoll, li din il-verita’ għad toħroġ fil-beraħ.

Dan il-każ qed juri li hu ferm faċli biex iżżomm persuna fil-ħabs meta l-awtoritajiet jinħbew wara l-interessi taċ-ċittadini u tas-soċjeta’. Is-soċjeta’ teżiġi proċess ġudizzjarju ekwu u mhux ostakolat jew ippreġudikat. Ara meta l-media kienet titkellem fuq dan il-każ biss għad-danni tal-imputat, fejn kienet il-qorti biex tipproteġi l-interessi tiegħu?

Għalhekk nemmen li l-ġustizzja kienet – u għadha – ippreġudikata bla preċedent kontra Yorgen Fenech u għalhekk qed nitkellem kif qed nitkellem dwar dan il-każ. Ara meta sar kull attentat possibli biex ikun oskurat l-imputat u l-media għaddietu bħalha ħati mill-ewwel, ħadd ma fetaħ ħalqu biex jgħid li l-gustizzja kienet qed tkun ostakolata b’mod serju u abbużiv għaliex l-imputat għandu jkun mitqies innoċenti sakemm jinstab ħati. L-anqas mal-media ma pprotestat li l-bilanċ bejn id-dritt tal-persuna akkużata u d-dritt taċ-ċittadin u tas-soċjeta’ għall-gustizzja kien qed ikun ippreġudikat b’mod serju.    

Nemmen li dawn it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest qed ikunu miċħuda lill-akkużat għax, fost l-oħrajn, hemm interess li ċ-ċittadini jibqgħu jemmnu li Yorgen Fenech mhux innoċenti. Għalhekk, qatt ma nista’ naċċetta li l-qorti titkellem għan-nom taċ-ċittadini – meta fiż-żgur, li ħafna ċittadini illum qed jaħsbu b’mod differenti. 

Dak li nista’ ngħid mill-mod kif ħafna mill-qarrejja ta’ dan il-blog qed jirreaġixxu, dawn qed jaraw bħalha att redikolu u ngust li ngħatat maħfra lil Melvin Theuma u lil ħaddieħor le. Għaliex lil Melvin Theuma – li ġa nqabad jigdeb ingħatat din il-maħfra u lill-aħwa De Giorgio le? Jien ma naqbilx li s-Sur Fenech għandu jingħata l-maħfra. Jien nemmen li Fenech għandu każ b’saħħtu biżżejjed biex ġurija serja tagħtih il-ħelsien.

Illum, ħafna aktar ċittadini qed jirrispettaw lis-Sur Fenech għaliex qed jaraw fih dik il-persuna, li bħalhom, il-qrati tagħna qed tittrattahom b’mod inġust. Ħafna ċittadini qed jgħarfu li huwa persuna ta’ qalb tajba u li anki għen lil ħafna. Illum qed jiżdiedu in-numru ta’ ċittadinin li qed jagħrfu li hemm bias kontra s-Sur Fenech u dan qiegħed issa ddejjaq lin-nies. Illum ħafna qed jirrealizzaw li hemm nies ta’ qalb ħażina li għandhom interess dirett f’dan il-każ. Wara kollox, lill-istess imputat ġa kien hemm rappreżentanti tal-ġustizzja li tawh il-bail għaliex ma emmnux it-teorija li jista’ jaħrab. Dan jikkonferma li hemm ħafna suġġettivita’ f’dawn id-deċiżjonijiet tal-qrati tagħna.

In-numru ta’ ċittadini li tilfu l-fiduċja fil-qrati tagħna qiegħed dejjem jikber. Għalhekk l-interess fil-ħaqq qed jiżdied. Iċ-ċittadini jistennew li jsibu fil-qrati ħajt ta’ kenn. Iċ-ċittadini li m’għandhomx xi pożizzjoni jew protezzjoni jistennew li l-qrati tagħna jipproteġuhom.

Imma jidher li l-gvern hu kuntent minn din is-sistema għaliex illum, kull sens ta’ kontabilita’ fil-qasam tal-ġustizzja huma nieqes. Ma hemm l-ebda ‘watchdog’ biex jara li jkun hemm kontabilita’ anki min-naħa tal-qrati tagħna. Jidher li l-gvern hu kuntent wisq b’din is-sitwazzjoni u xi drabi naħseb, li sentenzi jingħataw kif jingħataw għaliex hemm il-biża’ li jekk ma jżommux man-narrativa ta’ min qed jiġbed l-ispag, jistgħu jissugraw li toħroġ xi storja fuqhom bħal ma kien ġara lil wieħed imħallef li ttratta t-talba tal-bail ta’ Yorgen Fenech! 

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading