Passaport li ġibnih ma jiswa xejn

Minn Romegas

Jien qatt ma qbilt mal-bejgħ tal-passaport Malti għax iċ-ċittadinanza ta’ pajjiż hija privileġġ, u mhux xi ħaġa li għandha qatt tinxtara – ċertament mhix xi ħaġa li tittraffika u tbiegħ daqs li kieku iċ-ċittadinanza kienet xi prostituta li nistgħu nqaħħbuha.

Fil-fehma tiegħi, iċ-ċittadinanza lill-barrani għandha tingħata biss meta il-barrani li ġie jgħix fostna jkun qatta’ diversi snin li fihom ikun ta l-kontribut tiegħu lis-soċjetà Maltija u allura jkun jista’ japplika għaliha jew inkella tingħata b’mod onorarju bħala rikonoxximent meta dak li ser jirċieviha jkun ta xi sehem straordinarju lejn pajjiżna fil-qasam internazzjonali jew almenu kontribut lejn l-umanità b’mod ġenerali, ngħidu aħna xi ħadd li sab xi kura għal xi marda. Kieku għamilna hekk, konna ngħollu l-prestiġju u l-profil tal-passaport fuq livell internazzjonali għax nkunu rbatna ċ-ċittadinanza Maltija mal-eċċellenza u skopijiet u kisbiet siewja , u l-flus kienu eventwalment jiġu xorta, b’mod probabbli aktar indirett imma b’mod aktar fit-tul u fis-sod – għax apparti li min probabbli jagħmel xi invenzjoni siewja u kbira probabbli jsir multi-miljunarju – probabbli wkoll jrabbi interess fil-qrib lejn dak in-nazzjon li jkun rrikonoxxih u onorah u jekk hu stess forsi ma jasalx biex jinvesti direttament, ċertament li jsir ambaxxatur ta’ pajjiżna.  

Għalhekk, il-bejgħ taċ-ċittadinanza huwa att tal-mistħija mhux biss għax jirrifletti fuq kollox  l-faqar tremend fl-apprezzament li l-Maltin tal-lum għandhom lejn pajjiżhom u lejn missirijiethom li letteralment ċarċru demmhom biex din il-gżira jibdluha f’nazzjon sovran iżda wkoll għax intilfet kull opportunità li ngħollu l-profil u l-prestiġju ta’ pajjiżna u dan kollu minħabba r-rgħiba.

Meta għamilna l-passaport għall-bejgħ – neżżajnih minn kwalunkwe prestiġju li kellu.

Imma, la darba addottajna skema merkantili bħal din, almenu għandna nkunu konsistenti – nuru li l-passaport Malti li issa m’għadx għandu valur ta’ prestiġju almenu jibqgħalu relevanza ekonomika. Għiduli inthom, la darba daħħalt tali skema, x’valur jibqgħalu l-passaport Malti jekk minkejja li tkun mxejt mar-regoli biex akkwistajtu, dan jista’ jiġi revokat għal raġunijiet arbitrarji? Saħansitra għar-raġunijiet li m’għandhom l-ebda leġittimità taħt il-liġi internazzjonali – u din hemm bżonn nifhmuha – li s-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja huma arbitrarju u unilaterali mingħajr il-leġittimità ta’ mandat mill-UN. Li kieku konna nirrispettaw lilna nfusna konna dan il-fatt nenfażizzawh u mhux indoqqu l-irtirata mal-ewwel ħsejjes ta’ tgergir mill-Ewropa jew l-Amerika jew biex nidhru sbieħ ma’ min irid jużana u jarmina. Min ser jixtrih iżjed issa l-passaport Malti meta jafu – li jekk ibossu l-Amerikani jew Brussel aħna mill-ewwel ser naġevolawhom billi nirtiraw passaport akkwistat legalment skont il-leġislazzjoni tagħna? U lil min ser jiġi rtirat l-passaport ser jingħata lura l-investiment li għamel biex jakkwistah? – jew ser inżommu l-flus li ħadna – ta’ merċinarji kodardi li sirna? Min fid-dinja, saħansitra anki jekk ikun ħalliel irid jiġi misruq?

Iċ-ċittadinanza hija waħda mill-ftit kompetenzi sovrani li fadallu l-gvern Malti wara d-dħul ta’ pajjiżna fl-UE. Imma donnu anki fuq dan il-fatt tant baziku lesti nċedu.

X’jiswa passaport ta’ pajjiż li kulma jgħaddi ż-żmien nirrealiżżaw kemm tassew m’għadux sovran?

Pajjiż fejn huwa ħaddieħor li issa b’mod ċar jiddeċiedi min jista’ jew ma jistax ikun ċittadin tiegħu?

B’dan l-aġir fejn nakkomodaw l-interessi ta’ ħaddieħor qabel tagħna, mhux biss neħħejna l-prestiġju li darba kellu l-passaport Malti, iżda issa neżżajnih minn kull valur ekonomiku wkoll.

Il-Passaport Malti ġibnih ma jiswa xejn.

Forsi fl-aħħar mill-aħħar huma mumenti bħal dawn li jiftħulna għajnejna iżda jien m’għandix wisq fiduċja – l-orizzont tal-maġġoranza tal-Maltin illum donnu jasal biss kif ser ibiegħ appartament daqs gabuba bl-aktar prezz oxxen; li frott l-edukazzjoni medjokra u t-tnawwir fil-valuri, m’għadux kapaċi iżjed li jara ‘l hinn mill-ponta ta’ mnieħru.   

It-traġedja hi, li  dan l-episodju ser idejjaq in-nies l-aktar minħabba l-flus li potenzjalment ser nitilfu, u mhux minħabba l-implikazzjonijiet li fil-fatt għandu fuq id-dritt tal-Maltin li jmexxu pajjiżhom kif jidhrilhom huma.

B’din ir-rata, mhux wisq fil-bogħod, minkejja l-pretenzjonijiet kollha, kulma jmur, xi darba ħa nqumu mir-raqda u l-aljenazzjoni u niskopru, li pajjiżna m’għadux tagħna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *