Hemm weġgħat kbar fil-Partiti l-kbar: imma l-qasma fil-PN bejn il-Liberali u l-Konservattiv ma jistax tibqa’ tkun injorata
L-elezzjoni ġenerali li għada kif għaddiet tat rebħa kbira lill-Partit Laburista. Meta tħares lejn dan ir-riżultat tgħid li dan il-Partit għaddej kollox ward u żahar. Biss pero’ xorta wieħed jinnota li hemm ċertu weġgħat li l-Partit Laburista jrid jieħu ħsiebhom. Per eżempju dawk il-votanti kollha li ma vvutawx jew dak id-disa’ t’elef li l-istess Partit Laburista naqqas bħala voti. Għalhekk ikun diffiċli li wieħed jgħid li l-Partit Laburista jibqa’ daqshekk b’saħħtu jekk ma jagħtix każ ta’ dawn in-nies.
Min-naħa l-oħra għandek lill-Partit Nazzjonalista li għaddej qiesu ma ġara xejn u kif jgħid l-Ingliż ‘business as usual’. Kif jista’ partit li jitlef b’dak id-distakk idaħħal rasu fir-ramel wara li rnexxielu jagħmel l-impossibbli; dak li jitlef b’distakk storiku! Dan huwa partit li rnexxielu saħansitra jmur agħar f’din l-elezzjoni mir-riżultati diżastrużi tal-2013 u l-2107.
Bħalissa hemm partitarji li jgħidulek li l-Partit Nazzjonalista jista’ jirranġa fiż-żmien li ġej. Eżattament kif kien intqal wara l-aħħar żewġ telfiet kbar. Imma mill-esperjenza ta’ żewġ telfiet kbar qabel, l-affarijiet ma rranġawx. Allura kif għadhom isostnu dawn in-nies li jistgħu jittranġaw issa? Minn kif jidhru l-affarijiet ma naħsibx li hu il-każ. Il-Partit Nazzjonalista huwa maqsum f’żewġ fazzjonijiet kbar li qiegħdin wisq il-bogħod minn xulxin.
Il-qasma bejn il-fazzjoni konservattiva u li hija maġġoritarja u dik liberali li hija minoritarja. Din il-qasma qatt ma kienet daqshekk fil-miftuħ daqs kemm kienet f’dawn l-aħħar xhur.
Il-liġi tal-kannabis hija eżempju ta’ dan. Hemm issa fuq ix-xefaq il-liġi tal-abort. Imma l-akbar sfortuna hi li dawn iż-żewġ fazzjonijiet ma baqgħalhom xejn komuni. Forsi l-uniku ħaġa li tgħaqqadhom hija l-mod kif iħarsu lejn il-Partit Laburista u s-sostenituri tiegħu.
Dawn iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista għandhom attitudni ħażina ħafna u għandhom ukoll intolleranza lejn l-istess nies li ma jaqblux magħhom. Biss ma jistgħux jirrealizzaw li jekk dawn l-affarijiet jgħaqqduhom bħala fazzjonijiet, huma dawn l-istess affarijiet li tant qed ibiegħduhom mill-elettorat.
U dawn l-affarijiet, flimkien ma’ oħrajn li qed ikomplu jitfaċċaw, tant qed idgħajjfu lill-Partit Nazzjonalista li b’mod awtomatiku qed isaħħu lill-Partit Laburista, għax ħafna votanti mhux qed isibu ħajt ta’ kenn mill-Partit Nazzjonalista. Qed joħroġ ċar li n-nies tant mhux qed jafdaw lill-Partit Nazzjonalista, li qed jippreferu jingħaqdu mal-Partit Laburista fit-tajjeb u l-ħażin tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista sar qisu partit politiku tal-biża’ u ħafna mill-elettorat qed jibżgħu minn ċertu elementi li għandu fih il-Partit Nazzjonalista. L-elezzjoni ġenerali għadha kif tat riżultat ta’ dan. Ittajru ħafna irjus u kien hemm ħarsa ċara lejn il-ġodda. Imma issa dawn ser ikunu b’saħħithom biżżejjed biex inaqqsu l-inkompetenza u taħwid li kien qed jirrenja fil-Partit Nazzjonalista speċjalment matul il-kampanja elettorali?