Il-problemi veri tal-PN: l-elitiżmu, il-fissazzjoni fuq Daphne u l-kattiverija
Opinjoni ta’ persuna li taqra dan il-blogg u qed jiffirma bin-nom de plume Ġwakkin il-Mastrudaxxa
Fl-opinjoni tiegħi hemm tliet problemi kbar, interkonnessi, fil-PN.
1. L-elitiżmu.
Il-PN inħakem minn nies li jaħsbu li huma aħjar minn kulħadd. Għandhom imneħirhom imxammar u ma jaħmlux lin-nies li huma jqisu “baxxi”, jiġifieri dawk tal-klassi tan-nofs u l-ħaddiema.
Dawn l-elite għandhom opinjoni tagħhom infushom ibbażata fuq id-duħħan, għax meta tqis kollox ma għandhom xejn aħjar minn ħaddieħor. Vince Marmarà, pereżempju, wera li hu bniedem ta’ stoffa avolja mhux ġej mill-elite. Marmarà għandu abbiltà kbira – x’għandhom dawn il-pampaluni tal-elite, apparti rjus kbar?
2. Fissazzjoni fuq Daphne Caruana Galizia.
Verament kulħadd dispjaċut li Daphne Caruana Galizia nqatlet. Imma l-qtil tagħha ma jfissirx li kienet xi qaddisa. Caruana Galizia kienet mara kattiva, u weġġgħet lil ħafna nies, Laburisti u Nazzjonalisti. Dil-fissazzjoni fuqha li għandha tiġi kanonizzati, biex issir Santa Deffni, hi fissazzjoni li tqażżeż lill-maġġoranza tal-Maltin. Huma biss dawk tal-Milner Street u l-inħawi li jridu lil Santa Deffni. Il-bqija ta’ Malta trid li Caruana Galizia titqies ta’ li kienet: mara kattiva li iżda kellha l-kuraġġ tesponi l-korruzzjoni u qatluha. Xejn aktar, xejn anqas. Ma kinitx qaddisa miexja fl-art. Caruana Galizia, barra mill-pinna kattiva tagħha, kienet favur l-abort u favur ideat li jmorru kontra l-valuri tal-PN. Hi stess kienet tiftaħar li tivvota lin-Nazzjonalisti mhux għax taqbel magħhom, imma sforz kemm tobgħod lil-Laburisti.
3. Kattiverja.
Hemm element ta’ kattiverja kbir fil-PN, li joħroġ fl-atteġġjament ta’ nies bħal Karol Aquilina u Jason Azzopardi. Dan l-element dejjaq bil-kbir lill-votanti li ma vvutawlhomx, minkejja li dawn iż-żewġ deputati kellhom exposure inkredibbli matul il-leġislatura li għaddiet. B’exposure bħal dik, wieħed jistenna li dak li jkun jitla’ sparat. Minflok, baqgħu l-art. Karol Aquilina rnexxilu jilta’ biss permezz ta’ by-election. Fl-opinjoni tiegħi, ir-raġuni hi li dawn it-tnejn għandhom element ta’ kattiverja fil-karattru tagħhom. Jiġifieri l-elettorat irreaġixxa għall-personalità mhux għall-issues. Il-PN jeħtieġ li jitbiegħed mill-kattiverja. Jeħtieġ li jgħin lin-nies, mhux li jħares bl-ikrah lejhom għax forsi dak li jkun kien dari jivvota Labour jew ġej minn familja “baxxa”. Din il-kattiverja trid tispiċċa.
Dawn it-tliet elementi – l-elitiżmu, il-fissazzjoni fuq Santa Deffni, u l-kattiverja – swew lin-Nazzjonalisti ħames snin oħra minn ħajjithom. Grazzi u prosit ta, Dottori!
Fl-opinjoni tiegħi, aħjar iwarrbu. Jason Azzopardi jidher li warrab. Karol Aquilina għandu hemm. Fl-opinjoni tiegħi għandu jwarrab ukoll u kien żball li ngħata x-shadow tal-ġustizzja. Nies bħal Aquilina u Azzopardi mhux biss mill-Parlament għandhom iwarrbu imma wkoll mill-Partit Nazzjonalista, għax magħhom iġibu negattività u kattiverja.
Il-ħdura fl-għelieqi postha, mhux f’qalb il-bniedem.
Good advise in my opinion
Min kiteb dan l artiklu ghandu ragun mijja fil mijja.
Minn angolu partiggjan nghid “hallihom…ghalina ahjar”.
Però ghal pajjiz mhux sew. Laqqas xejn.
#barra