Chris Said huwa vittma ta’ Bernard Grech u tal-manuvri ta’ Claudio Grech
Minn osservatur politiku
Il-bieraħ qrajt l-artiklu li kiteb eks-membru tal-esekuttiv. Nifhem is-sentiment ta’ din il-persuna, anki jekk naħseb li l-Partit Nazzjonalista għandu jħares ’il quddiem. Illum nistgħu nistqarru iktar minn qatt qabel li Chris Said huwa l-vittma ta’ Bernard grech. Imma Chris Said irid jgħid ukoll mea culpa ta’ li gralu. Kulħadd jaf li ħadem ħafna biex ifarrak lil Dr Adrian Delia. Ma għandix dubju li llum jiddispjaċih.
Infakkar li ħames snin ilu, Chris Said kien sfidant ewlieni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Illum, Bernard Grech l-anqas post fix-shadow cabinet tiegħu m’hemm għalih. Chris Said qala’ tisbita kbira. Tisbita li ma’ tahielu ħadd ħlief persuna li ħadem biex jaraha tmexxi lill-Partit Nazzjonalista. Bil-Malti, ngħidu, li Chris Said daħħal il-lifgħa f’ħobbu.
Hawn fejn naqbel mal-eks-membru tal-esekuttiv. Iva, l-umiljazzjoni lil Chris Said ma tahielu ħadd ħlief Bernard Grech. L-istess Bernard Grech li Said tgħidx kemm appoġġja kontra Adrian Delia.
Huwa fatt magħruf li Bernard Grech, fil-kampanja ta’ kap, ma kienx jgħaddi mingħajr il-pariri ta’ Chris Said. U fl-ewwel ġimgħat tat-tmexxija ta’ Bernard Grech kien imexxi kollox Said għax Grech kien għadu jikkuntenta bil-pożi waqt li ħaddieħor jaħdem għalih.
Imma sfortunatament għal Said daħlulu ħafna kompetituri oħra fin-nofs. Claudio Grech, il-filjozz ta’ Austin Gatt beda jinfluwenza lil Bernard Grech b’ħafna xinxilli ta’ clusters u proposti, li wara rriżulta li kienu mimlija żbalji. Imma Claudio Grech ma setax iħalli lil Said, il-filjozz tal-kardinal Cachia Caruana, jħawwad l-biegħa waħdu.
Fin-nofs daħal ukoll Louis Galea il-kardinal l-ieħor tat-tradimenti politici. Lil Bernard Grech ġebbduh f’kull direzzjoni skont kif jaqblilhom. Imma llum huwa biss Bernard Grech li għadu jiggalleġġa f’dak li baqa mill-Partit Nazzjonalista. Fuq dan il-punt, wieħed għandu jneħħi l-kappell lil Bernard Grech.
Claudio Grech qabeż mill-vapur kif ra li Clyde Puli, Mario Galea u Kristy Debono ħarġuh ta’ tifel meta iddeċidew qablu li jagħmlu spazju mingħjar ħafna ċerimonji. Claudio Grech induna wkoll li ma kellux ċans jerġa’ jitla’ f’din l-elezzjoni.
Louis Galea baqa’ bit-tama li xi kap Nazzjonalista fl-aħħar itih dak li ma tahx Gonzi, jiġifieri li l-PN imur fil-gvern u jagħmlu President. Baqa’ bix-xewqa li jsir President tar-Republika. Imma Bernard Grech tilef bi tnax il-elf vot aktar milli tilef Simon Busuttil u din il-ħolma qed tisfumalu mar-riħ. Louis Galea issa qed jikber sew.
Issa ġiet id-daqqa finali lil Chris Said. Din tahielu Bernard Grech stess u ħadd ħliefu. Chris Said uża lil Bernard Grech biex ikisser lil Adrian Delia u minflok spiċċa tkisser kompletament minn Bernard Grech. Hemm qawl ieħor li jispjega din is-sitwazzjoni: min xarrbu kielu l-bakkaljaw.
