Il-Partit Nazzjonalista żied id-distakk fuq l-elezzjoni l-oħra u Bernard Grech xorta jrid jibqa’ hemm
Minn osservatur politiku
Jekk partit politiku jitlef elezzjoni nazzjonali b’distakk tant qawwi, li jissejjaħ storiku, u jaħseb li mhix raġuni biżżejjed biex il-mexxej ta’ dak il-partit ma jiġix imġiegħel jirreżenja, allura ma nafx x’irid ikun biex l-istess mexxej jitwarrab minn dik il-pożizzjoni. Jista’ dan l-istess partit jasal f’sitwazzjoni tant redikola li lest li jagħti lill-kap tiegħu vot ta’ fiduċja dan kollu għax ser itellaq waħdu? Jistgħu l-partitarji tal-istess Partit jibdew leġislatura ġdida b’persuna telliefa bi stil storiku?
Jekk kien hemm żmien propizju biex il-Partit Nazzjonalista jaqbad il-barri minn qrunu u jagħmel tindifa tajba, huwa dan il-mument. Jekk kien hemm rappreżentanti tal-Partit li ħadmu kemm felħu biex itajjru lil Adrian Delia minħabba dak li seta jiġrilu fl-elezzjoni ġenerali, illum għandu ikun hemm l-istess nies li jwarrbu lill-kap tal-lum għax dak li beżgħu minnu qabel, ma’ kap ieħor, seħħ tassew ma’ Bernard Grech. Infakkar li Adrian Delia kien qalha ċara li jekk jitlef l-elezzjoni kien ser jirreżenja. Imma ma riedux jisimgħu. Xorta neħħew mingħajr ma ħalluh imur għal test elettorali bħala kap. Illum dawn l-istess nies iridu li Bernard Grech jibqa’ fit-tmexxija.
L-elezzjoni ġenerali li għadha kif għaddiet uriet ċar li l-elettorat talab tindifa. Ir-rappreżentanti kienu qalu li ma jridux jissograw li jitilfu l-elezzjoni b’40,000 jew 50,000 elf vot b’Adrian Delia kap. Issa li l-Partit tilef b’40,000 b’Bernard Grech u l-istess rappreżentanti jridu jħallu lil Dr Grech hemm. U wisq probabbli li l-partitarji tal-Partit Nazzjonalista mhux ser jingħataw id-dritt jekk jħallux jibqa’ ggranfati mas-siġġu tal-poter. Dan tilef fl-aktar għan tiegħu li jnaqqas id-distakk fl-elezzjoni ġenerali.
Meta ħa t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista f’idejh kien qal li ser jagħmel ħiltu kollha biex inaqqas id-distakk tal-2017. Imma minflok, hu irnexxielu jżid id-distakk b’4000 vot. Kif jista’ jkun li jibqa’ jmexxi lill-Partit jekk il-votant tah messaġġ ċar li l-politika tiegħu mhix meqjusa bħala rebbieħa. Kif tista’ d-deċiżżjoni li ħa Dr Bernard Grech li jibqa’ kap tinfluenza tajjeb lil dik il-kategorija ta’ votanti li tant għandu bżonn li jiġbed lura lejh il-Partit Nazzjonalista jekk xi darba jrid jerbaħ il-Gvern!
Kif sejrin iħarsu dawk in-Nazzjonalisti mdejqin, li vvutaw Labour din id-darba, meta jaraw bniedem tellief jibqa’ fit-tmun ħames snin oħra? Din ma tibgħatx messaġġ li l-kap biss jaf l-aħjar, jew li l-arroganza hija straordinarja? Din ma turix li ma nbidel xejn fis-suppervja tat-tmexxija li għadu kif ġarrab telfa stratoferika?
B’din id-deċiżżjoni li donnha ser tittieħed mit-tmexxija preżenti tal-Partit Nazzjonalista, ma tagħmel xejn ħlief turi li t-tmexxija tiġi altament titmellaħ minn telfa storika, ma tagħtix importanza lill-messaġġ li bagħat il-poplu, tiġi taqa’ u tqum minn dak li qalilha l-votant Nazzjonalista bl-abbandun tiegħu u turi li t-tmexxija mhux vera jinteressa l-ġid tal-partit imma tagħti aktar importanza lill-impenn personali milli dak kollettiv.