Where your opinion counts

Il-Prim Ministru għandu jieqaf jimmanipula l-co-option biex jaqta’ saqajn kandidati li ma jridhomx fil-parlament

Tliet ijiem ilu, il-Prim Ministru tkellem dwar dak li qal li għamlet Janice Chetcuti. Hu insista li dan seta’ ġie evitat. Mhux ser nidħol fid-diskussjoni li wara li nħoloq dan il-mekkanizmu kellna inqas nisa li telgħu fil-parlament milli kellna qabel permezz tal-proċess elettorali – jew dik magħrufa bħala l-ewwel fażi. Hawn qed nirreferi għal dawk il-kandidati li jiġu eletti deputati mal-ewwel ħamsa fuq kull distrett. Dan fih innifsu juri li l-mekkaniżmu mhux qed jaħdem.

Imma l-anqas nippretendi li l-Prim Ministru jagħti lezzjonijiet fuq mekkaniżmi elettorali, meta hu stess użahom anki a skapitu tal-preżenza femminili fil-Parlament. Fil-leġislatura li għaddiet, kellna numru ta’ co-options li seħħu fil-Partit Laburista. Nistieden lill-Prim Ministru jgħid kemm minn dawn il-co-options li għamel għażel nisa. Xejn.

Bdiet leġislatura oħra. Saret manuvra mill-Lejber biex ikun hemm ġa co-option ġdida. Għal darba oħra ma ntgħażlitx mara. Hawn qed nirreferi għal dak li ġara fil-kamp Laburista fuq id-disa’ u l-għaxar distrett. Nemmen li dawn huma l-manuvri li għandhom jiġu evitati u jekk verament il-Partit Laburista jemmen fil-vot tal-mara, meta jkun hemm co-option jaħdem biex iqiegħed nisa fil-Parlament ħalli jindirizza l-iżbilanċ fil-kamp tiegħu.

Infakkar li fuq id-disa’ u l-għaxar distrett il-Partit Laburista kellu żewġ kandidati, jiġifieri Michael Falzon u Clifton Grima, li ġew eletti fuq it-tnejn. B’hekk kellhom iwaqqgħu wieħed minnhom. Il-Partit Laburista ddeċida li t-tnejn li huma jwaqqgħu d-disa’. L-ebda kandidat ma waqqa’ l-għaxar distrett, jew għall-inqas wieħed iwaqqa’ distrett u l-ieħor iwaqqa’ ieħor.

Ġara li l-Partit Laburista ddeċida li jwaqqgħu d-disa’ distrett, għax fuq dan id-distrett kien hemm biss kandidata waħda li ma telgħetx. B’hekk ġie kkreat post għal co-option li kulħadd jaf li ntgħażel mill-prim Ministru Randolph Debattista.

Kieku il-Partit Laburista talab biex wieħed minn dawn il-kandidati jwaqqa’ l-għaxra distrett, seta’ jidħol fiċ-ċans Evarist Bartolo jew Felix Busuttil. Jidher ċar li l-Prim MInistru lil dawn it-tnejn ma jridhomx u b’hekk uża l-mekkanizmu tal-co-option biex ma jitilgħux u jħallihom barra.

Il-verita’ hija li anki dan il-mekkaniżmu tan-nisa mhux qed jaħdem tant li waħda min-nisa li telgħet b’dan il-mekkaniżmu, Eve Borg Bonello, spiċċat fil-mira ta’ attakki mix-Xellugin li spiċċaw jgħajruha li ma għandix tkun fil-Parlament. Din hija mara li telgħet b’mod leġittimu. Wieħed tista’ togħġbu jew le. Dak diskors ieħor. Imma din turi ipokrezija.

Imma mhux l-ewwel tgħid li trid tagħti l-vot liż-żgħażagħ u trid aktar nisa fil-parlament mbagħad għax titla’ mara żagħżugħa u tispiċċa l-iżgħar deputat, jinqala’ l-maltemp kollu. Dan huwa l-vera’ fatt għax in-nisa ma jidħlux fil-politika u mhux l-azzjoni ta’ Janice Chetcuti li kull ma għamlet kienet li tat lid-deputati tat-tielet distrett, kemm nisa u rġiel aktar ċans li jitilgħu fil-parlament bis-saħħa tagħhom u mhux għax qed jiġu aġevolati bil-vot tan-nisa!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *