Il-Ġimgħa l-Kbira ta’ Fr. David Muscat: għandu jmur Strassbourg jekk ma jingħatax raġun mill-qrati Maltin

Ħames xhur ilu, Fr. David Muscat kien tella’ video dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista. Hu kien attakka lil-Liberali fil-Partit Nazzjonalista. Jidher li l-elettorat Nazzjonalista aktar qed jagħti każ ta’ x’inhu jgħid Fr. David Muscat u dawk li jaħsbuha bħalu milli qed jagħtu kas ta’ Manuel Delia & co u l-mainstream media, inkluż dik tal-knisja, li tappoġġjahom. Jidher ċar li l-elettorat Nazzjonalista ma jridx kandidati li jissapportjaw l-abort.

 Mela Fr. David Muscat u dawk li jaħsbu bħalu għandhom raġun. Wieħed illum jifhem għalfejn dawn riedu joqtlu lil Fr David Muscat billi jagħmlu show bih fil-qorti għax hemm il-Liberali Nazzjonalisti jingħaqdu max-xellugin li jissapportjaw lill-Partit Laburista!

Minħabba l-pożizzjonijiet li Fr David Muscat ħa, irnexxilu jgħaqqad warajh żewġ gruppi li huma normalment kontra xulxin, jiġifieri lill-Laburisti ta’ Muscat u dawk ta’ Repubblika. Normalment, dawn ma jaqblux ma’ xulxin, imma fuq il-punt ta’ Fr. David Muscat jidher li jaqblu. Insomma ġara bħal fi żmien Kristu, fejn żewġ gruppi opposti tal-kleru Lhudi, li ma kienux jaraw għajn m’għajn ingħaqdu biex joqtlu lil Kristu.

Imma Fr. Muscat baqa’ kostanti mal-ħsieb politiku tiegħu. Hu attakka l-korruzzjoni, jagħmilha min jagħmilha, kemm jekk hija ġejja mill-Gvern ta’ Joseph Muscat u kemm jekk ġejja mill-Kurja ta’ l-Arċisqof Scicluna.

Nifhem li jkun hemm min ma jaqbilx miegħu, imma li tintuża liġi li għadda dan il-Gvern biex jiġi magħluq ħalq dan il-qassis mhux aċċettabbli. Minflok il-Partit Nazzjonalista ddefenda l-liberta’ tal-espressjoni ta’ dan ir-raġel, mar ma’ Repubblika u dawk fost il-Lejber – għax mhux kulħadd – li ħadu gost li tellgħuh il-qorti. Dan hu wkoll legat ta’ Bernard Grech.  

Illum jidher ċar li hemm kemm x’uħud fil-Knisja u anki fost il-politiċi taż-żewġ naħat li jibżgħu minnu. L-istorja qed tagħtih raġun. Ġewwa l-Ingilterra ġa bdiet din id-diskussjoni kollha kontra l-Woke society li d-Demokratiċi Amerikani mexxew, jiġifieri li jekk ma taqbilx mal-idea tagħhom, inti Faxxista. Jekk ma taqbilx ma’ dak li qed jgħidu fuq il-ġeneru, inti omofobiku, transfobiku, etc.

Ara x’inhu qed jiġri fi Franza. Tant kemm iddejqu n-nies, li Marine Le Pen miexja mal-elettorat Franċiż. Il-bieraħ kellha meeting kolossali f’Avignon. Is-sala kienet mimlija żgħażagħ. In-nies xebgħu minn din id-dittatura tar-relattiviżmu. Ma għandhom xejn kontra li wieħed ikun gay etc. imma jekk persuna ma taqbilx li t-tfal jiġu ndottrinati jew tgħid li din it-tip ta’ sesswalita’ hija dnub, wieħed jiġi mgħajjar omofobiku anki jekk mhux. L-omofobija għamilnieha reat, għaliex hekk riedu d-demokratiċi u tal-Open Society bir-riżultat li qed nikkreaw Ġimgħa Kbira lil dawk li għandhom opinjonijiet differenti. Fl-istess waqt qed nipprovaw nibbulljawhom biex joqogħdu kwieti għax inkellha ntellgħuhom il-qorti u nipprovaw nagħmlu show bihom. Dawn huma l-martri tal-Liberali.

Infakkar li minn barra ħafna Laburisti (mhux kollha), Manuel Delia u ta’ Repubblika ferħu meta Fr. David Muscat tressaq il-qorti dwar hate speech

Jekk Fr. David Muscat jinħeles – u nemmen li għandu jinħeles – l-arċisqof Scicluna jispiċċa jitlef wiċċu. Hu fatt magħruf minn kulħadd, li l-arċisqof Scicluna jsegwi u joqgħod fuq il-parir ta’ Repubblika. Għamilha fil-każ ta’ Fr. David Muscat u għamilha fil-każ ta’ Adrian Delia. Issa ġie f’lose, lose situation. Infakkar li Scicluna kien wieħed minn dawk li ħareġ jikkundannahom lil dawn it-tnejn, wara li l-media tat spin. Fil-każ ta’ Fr. Muscat kien fuq dak li kien kiteb fuq Abner Aquilina. Infakkar li kemm fuq Fr. Muscat u anki fuq Adrian Delia, wara ħareġ li dak li għamlu kien biss frott il-kompassjoni u ma kienx hemm qerq. Infakkar li l-istess media, wara ftit kienet waqfet titkellem fuq dawn il-każijiet.

Jekk Fr. David Muscat jirbaħ fil-qorti, Scicluna jaqa’ għaż-żufjett. Jekk Fr. Muscat jitlef jaqa’ iżjed għaċ-ċajt għaliex jiġi mad-dinja Kattolika li kkoopera ma’ aġenda tal-ġeneru li ma tirriflettix il-ħsibijiet Kristjani li suppost dan l-arċisqof qed jiddefendi u jħaddan. Fi kliem ieħor, dan l-arċisqof ser jidħol fl-istorja li ngħaqad max-Xellugin, l-atei u l-anti klerikali liberali biex isallab qassis għaliex żamm mal-maġisteru tal-knisja kattolika.

Ma għandix dubju, li jekk Fr David jitlef dan il-każ, u jappella u jerġa’ jitilfu fl-appell għandu jieħu l-każ tiegħu quddiem il-qorti tad-drittijiet tal-bniedem ġewwa Strasburgu. B’hekk dawk li riedu jagħmlu show bih lokalment, huwa jagħmel show bihom internazzjonalment. U jekk tkun leħqet telgħet Marine Le Pen fi Franza, din l-aġenda tal-ġeneru li qed titmexxa mill-Kummissjoni Ewropea – jiġifieri bit-taxxi tagħna – tmur il-baħar.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading