L-Intelligenza Artifiċjali

Minn Osservatur Politiku
L-intelliġenza artifiċjali m’għadhiex xi kunċett li nsibu biss fil-films tax-xjenza fittizja. Illum hija parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Meta nużaw applikazzjoni li tissuġġerilna l-aħjar rotta biex naslu fid-destinazzjoni tagħna, meta pjattaforma ta’ streaming tirrakkomandalna film, meta bank jidentifika tranżazzjoni suspettuża jew meta tabib juża sistema biex tanalizza riżultati mediċi, hemm ċans kbir li wara dawn is-servizzi jkun hemm forma ta’ intelliġenza artifiċjali.
F’dawn l-aħħar sentejn, iżda, il-pass tal-iżvilupp teknoloġiku aċċellera b’mod straordinarju. Għodod ġodda kapaċi jiktbu testi, joħolqu stampi, janalizzaw ammonti enormi ta’ informazzjoni u saħansitra joffru soluzzjonijiet għal problemi kumplessi fi ftit sekondi. Din ir-rivoluzzjoni qed tqajjem mistoqsija fundamentali: l-intelliġenza artifiċjali hija opportunita’ kbira għall-umanita’ jew theddida li għadna ma fhimniex biżżejjed?
Bħal kull innovazzjoni kbira fl-istorja, it-tweġiba mhijiex sempliċi. Meta dehret il-magna tal-fwar, ħafna beżgħu li kienet se teqred l-impjiegi. Meta daħlu l-kompjuters, kien hemm min bassar li miljuni ta’ ħaddiema kienu se jispiċċaw bla xogħol. Madankollu, kull rivoluzzjoni teknoloġika ġabet magħha wkoll professjonijiet ġodda, industriji ġodda u opportunitajiet li qabel ma kinux jeżistu.
L-intelliġenza artifiċjali għandha potenzjal enormi biex ittejjeb il-kwalita’ tal-ħajja. Fil-qasam tas-saħħa, pereżempju, tista’ tgħin lit-tobba jidentifikaw mard fi stadju bikri permezz ta’ analiżi preċiża ta’ immaġini mediċi. Fil-qasam tal-edukazzjoni tista’ toffri tagħlim personalizzat skont il-ħtiġijiet ta’ kull student. Fl-industrija tista’ tnaqqas l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol billi tieħu f’idejha kompiti perikolużi jew ripetittivi. Fl-amministrazzjoni pubblika tista’ tnaqqas il-burokrazija u tagħmel is-servizzi aktar effiċjenti.
Anke għal pajjiż żgħir bħal Malta, din tista’ tkun opportunita’ importanti. Pajjiżna dejjem irnexxielu jadatta għal setturi ekonomiċi ġodda. Rajna dan fis-servizzi finanzjarji, fl-industrija tal-logħob diġitali u fis-servizzi professjonali. Jekk ninvestu fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali tista’ ssir mutur ġdid tat-tkabbir ekonomiku u tattira investiment ta’ kwalita’.
Iżda kull opportunita’ ġġib magħha wkoll responsabbilta’. L-aktar tħassib komuni huwa dak relatat max-xogħol. Ħafna impjiegi li jinvolvu kompiti ripetittivi jew amministrattivi jistgħu jinbidlu b’mod radikali jew saħansitra jisparixxu.
Mhux bilfors għax il-bniedem se jiġi sostitwit kompletament, iżda għax il-mod kif isir ix-xogħol se jinbidel.
Din mhijiex raġuni biex nibżgħu mit-teknoloġija, iżda hija raġuni biex nippreparaw ruħna. L-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu se jsiru aktar importanti minn qatt qabel. Il-ħiliet tekniċi jibqgħu essenzjali, iżda se jiżdied il-valur ta’ dak li l-magni għadhom ma jistgħux jagħmlu bl-istess mod bħall-bniedem: il-kreattivita’, il-ħsieb kritiku, l-empatija, il-komunikazzjoni u l-kapaċita’ li nieħdu deċiżjonijiet etiċi.
Aspett ieħor li ma jistax jiġi injorat huwa dak tal-privatezza. Is-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jitħarrġu fuq ammonti enormi ta’ dejta. Dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar min għandu aċċess għal din l-informazzjoni, kif tintuża u kif jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini. F’era fejn id-dejta saret waħda mill-aktar riżorsi prezzjużi fid-dinja, il-protezzjoni tagħha trid tibqa’ prijorita’.
Hemm ukoll il-kwistjoni tal-informazzjoni falza. Illum diġa’ huwa possibbli li jinħolqu ritratti, vidjows u reġistrazzjonijiet tal-vuċi li jidhru kompletament veri minkejja li jkunu ffabbrikati. Dan jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq il-fiduċja pubblika, fuq il-ġurnaliżmu u saħansitra fuq il-proċessi demokratiċi. Aktar ma t-teknoloġija ssir sofistikata, aktar ikun importanti li ċ-ċittadini jitgħallmu jivverifikaw is-sorsi tal-informazzjoni tagħhom.
Ma nistgħux ninsew lanqas il-kwistjoni etika. Min għandu jkun responsabbli meta sistema ta’ intelliġenza artifiċjali tieħu deċiżjoni żbaljata? Min iwieġeb jekk algoritmu jiddiskrimina kontra persuna jew jieħu deċiżjoni inġusta? Dawn huma mistoqsijiet li għadhom qed jiġu diskussi madwar id-dinja kollha u li jeħtieġu qafas legali ċar u aġġornat.
Għalhekk, il-vera sfida mhijiex jekk għandniex nużaw l-intelliġenza artifiċjali jew le. Dik il-ferrovija diġa’ telqet. L-isfida hija kif nużawha b’mod responsabbli. It-teknoloġija fiha nnifisha la hija tajba u lanqas ħażina. Dak li jagħmel id-differenza huwa kif tintuża, min jikkontrollaha u liema valuri jiggwidaw l-iżvilupp tagħha.
Il-gvernijiet għandhom rwol importanti billi joħolqu regolamentazzjoni li tipproteġi liċ-ċittadini mingħajr ma toħnoq l-innovazzjoni. L-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jippreparaw lill-ġenerazzjonijiet futuri għal suq tax-xogħol differenti minn dak tal-lum. In-negozji għandhom jadottaw dawn l-għodod b’mod trasparenti u responsabbli. U ċ-ċittadini għandhom jiżviluppaw kultura ta’ tagħlim kontinwu biex ma jibqgħux lura.
F’Malta wkoll irridu nibdew naħsbu fit-tul. Mhuwiex biżżejjed li nimportaw teknoloġija żviluppata barra minn xtutna. Għandna ninvestu fil-kapaċita’ tagħna stess li noħolqu innovazzjoni, nappoġġjaw ir-riċerka fl-universitajiet u nattiraw talent internazzjonali filwaqt li niżviluppaw dak lokali. Pajjiż żgħir jista’ jkun kbir fl-innovazzjoni jekk jagħmel l-għażliet it-tajba.
L-istorja turi li kull rivoluzzjoni teknoloġika ġabet magħha kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi. L-istess se jiġri bl-intelliġenza artifiċjali. Dawk li jibżgħu minn kull bidla jirriskjaw li jitħallew lura. Dawk li jħaddnu t-teknoloġija mingħajr ebda regoli, min-naħa l-oħra, jistgħu joħolqu problemi serji għall-ġid komuni.
L-aktar approċċ għaqli huwa wieħed ibbilanċjat: li nħaddnu l-potenzjal enormi tal-intelliġenza artifiċjali, iżda fl-istess ħin nibnu salvagwardji b’saħħithom biex nipproteġu d-dinjita’ tal-bniedem, il-privatezza, il-ġustizzja u d-demokrazija.
L-intelliġenza artifiċjali mhijiex destin li rridu naċċettaw passivament. Hija għodda qawwija f’idejn il-bniedem. U bħal kull għodda, il-valur tagħha ma jiddependix fuq il-magna nnifisha, iżda fuq l-għerf, ir-responsabbilta’ u l-valuri ta’ dawk li jagħżlu kif jużawha. Jekk nagħmlu l-għażliet it-tajba llum, l-intelliġenza artifiċjali tista’ tkun waħda mill-akbar opportunitajiet għall-progress tal-umanita’. Jekk infallu, tista’ ssir waħda mill-akbar sfidi tagħha.
