It-Tnaqqis fit-Twelid: Il-Familji Jeħtieġu Aktar minn Inċentivi Finanzjarji

Minn Osservatur Politiku
Meta nitkellmu dwar it-tnaqqis fit-twelid f’pajjiżna, ħafna drabi niffukaw fuq l-inċentivi finanzjarji, il-benefiċċji u l-għajnuna li l-Gvern jista’ jagħti lill-koppji biex ikollhom it-tfal. Dawn huma importanti, iżda ma jistgħux ikunu l-unika tweġiba. Il-verita’ hi li d-deċiżjoni ta’ koppja li jkollha t-tfal ma tiddependix biss minn kemm se tirċievi f’għajnuna finanzjarja. Tiddependi wkoll minn jekk tistax taffordja dar, jekk issibx servizz ta’ childcare li jaqbel mal-ħtiġijiet tagħha, jekk iż-żewġ ġenituri jistgħux jaħdmu mingħajr ma jgħixu taħt pressjoni kontinwa, u jekk uliedhom jistgħux jikbru f’ambjent san u sigur.
Dikjarazzjoni li ġiet ippubblikata dan l-aħħar tqiegħed dawn ir-realtajiet f’perspettiva ċara: ir-raġunijiet għaliex koppji Maltin qed jagħżlu li ma jkollhomx it-tfal huma marbuta mal-problema tad-djar, mal-kura tat-tfal, mal-fatt li ħafna drabi ż-żewġ ġenituri jkollhom jaħdmu full-time, u ma’ gżira li kull sena qed issir aktar iffullata. Dawn mhumiex problemi iżolati. Huma kollha marbuta ma’ mudell ta’ żvilupp li ma jistax jibqa’ jitkejjel biss minn kemm jikber il-prodott gross domestiku jew kemm jiżdiedu n-nies li jaħdmu u jgħixu f’Malta.
L-ewwel sfida hija l-akkomodazzjoni. Għal ħafna koppji żgħażagħ, li jkollhom dar tagħhom saret mira li teħtieġ snin ta’ sagrifiċċju u impenn finanzjarju kbir. Il-prezzijiet tal-proprjeta’, il-kirjiet u l-ispejjeż marbuta mat-tmexxija ta’ familja jagħmlu l-indipendenza dejjem aktar diffiċli. Koppja li ma tafx jekk tistax tlaħħaq mal-ħlasijiet ta’ dar, mal-kontijiet u mal-ispejjeż ta’ kuljum, naturalment taħsibha darbtejn qabel tieħu r-responsabbilta’ li trabbi t-tfal.
Ma nistgħux nistennew li ż-żgħażagħ jibnu familja jekk ma jkollhomx ċertezza bażika dwar fejn se jgħixu. Il-politika tad-djar għalhekk ma tistax tkun limitata għal skemi u għajnuniet finanzjarji. Irridu nindirizzaw il-kawżi li qed jagħmlu l-akkomodazzjoni dejjem inqas aċċessibbli, inżidu l-għażliet għal min irid jixtri jew jikri dar, u niżguraw li l-ippjanar urban ikun immexxi mill-ħtiġijiet tan-nies, mhux biss mill-interessi tas-suq.
It-tieni sfida hija l-kura tat-tfal. Is-servizzi taċ-childcare għenu lil ħafna ġenituri, speċjalment ommijiet, jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Iżda l-aċċess għal dawn is-servizzi mhux l-uniku konsiderazzjoni. Hemm il-ħinijiet, id-distanza mid-dar jew mill-post tax-xogħol, il-vaganzi, il-mard tat-tfal u l-ispejjeż li jibqgħu jeżistu lil hinn mill-għajnuna disponibbli. Il-ġenituri għandhom bżonn servizzi li tassew jaqdu r-rutina tagħhom, mhux sempliċement servizz li jidher tajjeb fuq il-karta.
F’ħafna familji, iż-żewġ ġenituri jaħdmu full-time. Dan ifisser li l-ġurnata tibda kmieni, tkompli bil-vjaġġ lejn ix-xogħol, bil-ħin imqatta’ fit-traffiku, u tispiċċa bejn il-ġbir tat-tfal, ix-xogħol tad-dar u r-responsabbiltajiet tal-familja. Fejn jibqa’ l-ħin biex il-ġenituri jkunu verament preżenti għal uliedhom? Fejn tibqa’ l-enerġija biex familja tgawdi ftit ħin flimkien?
Il-politika tal-familja għandha għalhekk tmur lil hinn mill-benefiċċji finanzjarji. Għandna ninkoraġġixxu arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u kundizzjonijiet li jippermettu lill-ġenituri jagħmlu xogħolhom mingħajr ma jkollhom iħossu li qed jitilfu l-aqwa snin tat-tfulija ta’ wliedhom. Ekonomija b’saħħitha mhijiex waħda fejn kulħadd jaħdem aktar sigħat, iżda waħda fejn ix-xogħol iwassal għal ħajja aħjar.
Imbagħad hemm il-kwistjoni tal-iffullar. Malta hija pajjiż żgħir b’riżorsi limitati, iżda għal snin twal komplejna nippjanaw l-iżvilupp bħallikieku l-ispazju, it-toroq u s-servizzi pubbliċi huma bla limitu. Żieda fil-popolazzjoni ġġib magħha domanda akbar għall-akkomodazzjoni, għall-iskejjel, għall-isptarijiet, għat-trasport u għall-infrastruttura. Meta dawn ma jikbrux bl-istess ritmu u bi ppjanar serju, il-pressjoni tinħass minn kulħadd.
L-aktar li jinkwetani hija l-kwalita’ tal-ambjent li qed inħallu lit-tfal tagħna. L-aktar żoni popolati ta’ Malta huma wkoll dawk li għandhom l-akbar bżonn ta’ spazji ħodor, iżda ħafna drabi huma l-aktar nieqsa minnhom. Spazju miftuħ mhux lussu jew dekorazzjoni. Huwa parti mill-kwalita’ tal-ħajja. It-tfal għandhom bżonn postijiet fejn jilagħbu, jiġru u jiltaqgħu ma’ tfal oħra. Il-familji għandhom bżonn ġonna pubbliċi, siġar u spazji fejn jistgħu jqattgħu ħin flimkien mingħajr ma jkollhom jiddependu dejjem fuq karozza biex joħorġu mill-lokalita’ tagħhom.
Għalhekk, meta nitkellmu dwar il-futur demografiku ta’ Malta, irridu nistaqsu x’tip ta’ pajjiż qed noffru lill-familji. Ma nistgħux minn naħa nilmentaw dwar it-tnaqqis fit-twelid u min-naħa l-oħra nibqgħu noħolqu kundizzjonijiet li jagħmluha aktar diffiċli biex koppja trabbi t-tfal. Ma nistgħux nitolbu liż-żgħażagħ ikollhom aktar fiduċja fil-futur jekk il-ħajja ta’ kuljum tagħhom qed issir aktar għalja, aktar mgħaġġla u aktar stressanti.
Dan jeħtieġ bidla fil-mod kif nifhmu s-suċċess ekonomiku. Il-progress ma għandux jitkejjel biss b’kemm nies jidħlu f’pajjiżna, kemm jinbnew appartamenti jew kemm tikber l-attivita’ ekonomika. Għandu jitkejjel ukoll minn kemm familji jistgħu jixtru jew jikru dar b’mod diċenti, kemm il-ġenituri għandhom ħin għal uliedhom, kemm it-tfal għandhom spazji fejn jikbru, u kemm is-servizzi pubbliċi kapaċi jlaħħqu mal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni.
Il-Gvern għandu r-responsabbilta’ li jippreżenta strateġija nazzjonali li tgħaqqad il-politika tad-djar, il-kura tat-tfal, ix-xogħol, it-trasport, l-ippjanar u l-ħarsien tal-ambjent. Mhux biżżejjed li kull ministeru jħabbar miżuri separati. Jeħtieġ viżjoni waħda, b’miri ċari u b’responsabbilta’ dwar ir-riżultati.
Il-familji Maltin ma jridux biss aktar flus fil-but. Iridu pajjiż fejn jistgħu jgħixu b’dinjita’, irabbu lil uliedhom fis-sliem u jħarsu lejn il-futur b’serħan il-moħħ. Jekk irridu li aktar koppji jħossuhom kapaċi jibnu familja, irridu nibdew billi nagħmlu lil Malta post fejn familja tista’ tassew tgħix u tiffjorixxi.
Għax il-kejl veru ta’ pajjiż ma huwiex kemm nies kapaċi jakkomoda, iżda kemm ħajja ta’ kwalita’ kapaċi joffri lil dawk li jgħixu fih.
