L-infrastruttura: il-kejl tas-suċċess huwa l-kwalità tal-ħajja, mhux il-wegħdiet

Minn Osservatur Politiku

Pajjiż ma jitkejjilx biss bil-ġid li jiġġenera, bl-investiment li jattira jew bil-proġetti li jħabbar il-Gvern. Pajjiż jitkejjel ukoll mill-mod kif jgħixu n-nies tiegħu kuljum. Jitkejjel mill-ħin li jqattgħu fit-traffiku, mill-affidabbilta’ tas-servizzi pubbliċi, mill-kwalita’ tal-ilma u tal-enerġija, u mill-kapaċita’ tal-infrastruttura li tlaħħaq mal-ħtiġijiet reali tal-popolazzjoni.
F’Malta, wasal iż-żmien li ndaħħlu aktar dixxiplina fil-mod kif nippjanaw u nwettqu l-investiment fl-infrastruttura. Għal wisq żmien, id-diskussjoni ffukat fuq dak li se jsir, fuq il-proġetti li se jitnedew u fuq l-ammont ta’ flus li se jintefqu. Iżda l-mistoqsija fundamentali għandha tkun waħda: dawn l-investimenti qed jagħmlu l-ħajja tan-nies aħjar?
Il-Gvern jista’ jħabbar toroq ġodda, proġetti enerġetiċi, investimenti fl-ilma u inizjattivi fis-servizzi pubbliċi. Madankollu, jekk wara dawn l-investimenti ċ-ċittadin jibqa’ jqatta’ sigħat fit-traffiku, jekk il-familji jibqgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw is-servizzi u jekk il-pressjoni fuq l-infrastruttura tkompli tiżdied, allura rridu nistaqsu jekk hux qed nippjanaw tajjeb biżżejjed.
L-ewwel pass għandu jkun li nifhmu x’inhuma l-ħtiġijiet reali ta’ Malta. L-infrastruttura ma tistax tiġi ppjanata separatament mill-iżvilupp ekonomiku, mit-tkabbir tal-popolazzjoni, mill-kostruzzjoni u mill-mod kif in-nies jgħixu u jaħdmu. Kull deċiżjoni dwar l-iżvilupp għandha tqis jekk it-toroq, it-trasport, l-enerġija, l-ilma u s-servizzi pubbliċi humiex kapaċi jlaħħqu mad-domanda li se tinħoloq.
Ma jagħmilx sens li nkomplu nżidu l-attivita’ ekonomika u l-popolazzjoni mingħajr ma nkunu ċerti li l-infrastruttura meħtieġa tkun qed tiżviluppa bl-istess ritmu. Inkella, il-pajjiż jispiċċa jħallas darbtejn: l-ewwel biex jiffaċilita t-tkabbir u mbagħad biex jipprova jsewwi l-problemi li dak it-tkabbir ikun ħoloq.
Barra minn hekk, irridu nħarsu lejn l-infrastruttura bħala sistema waħda, mhux bħala ġabra ta’ proġetti separati. Triq ġdida tista’ ttejjeb il-fluss tat-traffiku f’post partikolari, iżda jekk ma tkunx parti minn pjan usa’ għat-trasport, tista’ sempliċement iċċaqlaq il-konġestjoni minn post għal ieħor. Bl-istess mod, żvilupp ġdid għandu jkun akkumpanjat mill-kapaċita’ meħtieġa fl-enerġija, fl-ilma u fis-servizzi pubbliċi. L-ippjanar irid jiġi qabel il-problema, mhux warajha.
It-trasport huwa wieħed mill-aktar eżempji ċari. Għal ħafna familji, il-vjaġġ bejn id-dar u x-xogħol sar piż ta’ kuljum. Il-ħin mitluf fit-traffiku mhuwiex sempliċement inkonvenjent. Huwa ħin meħud mill-familja, mill-mistrieħ u mill-ħajja personali. Jaffettwa wkoll il-produttivita’ tan-negozji u l-kwalita’ tal-arja.
Għalhekk, is-suċċess tal-politika tat-trasport ma għandux jitkejjel biss mill-ammont ta’ toroq li nbnew jew twessgħu. Għandu jitkejjel minn kemm jonqsu l-ħinijiet tal-vjaġġ, kemm it-trasport pubbliku jsir affidabbli, kemm in-nies ikollhom alternattivi reali għall-karozza privata u kemm il-komunitajiet ikunu jistgħu jiċċaqalqu b’mod aktar sigur u effiċjenti. Jekk il-vjaġġ ta’ kuljum jibqa’ jieħu aktar ħin minkejja l-investiment, irridu nkunu lesti neżaminaw x’mar ħażin u nibdlu d-direzzjoni fejn ikun meħtieġ.
L-istess prinċipju japplika għall-enerġija. Malta teħtieġ provvista affidabbli, affordabbli u sostenibbli. Investiment fl-enerġija ma għandux ikun biss reazzjoni għall-problemi tal-lum, iżda parti minn strateġija fit-tul li tnaqqas il-vulnerabbilta’ tagħna għal kriżijiet internazzjonali u tipprepara lill-pajjiż għall-ħtiġijiet futuri. Dan jitlob ippjanar serju, infrastruttura moderna, aktar effiċjenza u użu aħjar tar-riżorsi disponibbli.
L-ilma huwa riżorsa oħra li ma nistgħux nieħdu bħala fatt. F’pajjiż żgħir b’riżorsi naturali limitati, il-ġestjoni tal-ilma għandha tkun prijorita’ nazzjonali. Irridu nkomplu ninvestu fit-tnaqqis tat-telf min-netwerk, fl-użu effiċjenti tal-ilma u f’sistemi li jnaqqsu l-ħela. L-għan għandu jkun li jkollna provvista affidabbli u sostenibbli, mhux biss illum iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dan jeħtieġ ukoll li l-ħtiġijiet futuri jiġu kkalkulati b’mod realistiku, filwaqt li l-investiment ikun immirat fejn jista’ jagħti l-akbar benefiċċju.
Imbagħad hemm is-servizzi pubbliċi. L-infrastruttura mhijiex biss konkos, toroq u bini. Hija tinkludi wkoll il-kapaċita’ tal-isptarijiet, l-iskejjel, is-servizzi soċjali u l-amministrazzjoni pubblika li jwieġbu għall-ħtiġijiet tan-nies. Jekk il-popolazzjoni tikber, irridu nippjanaw minn qabel il-kapaċita’ meħtieġa. Mhuwiex biżżejjed li nistennew li jinħolqu l-problemi u mbagħad nippruvaw insolvu l-emerġenza.
Dan ifisser li kull żvilupp għandu jkun akkumpanjat minn valutazzjoni serja tal-impatt tiegħu fuq il-komunita’. Qabel ma tittieħed deċiżjoni, għandu jkun ċar jekk iż-żona għandhiex biżżejjed kapaċita’ fit-toroq, fit-trasport, fl-iskejjel, fis-servizzi tas-saħħa u fin-netwerks tal-ilma u tal-enerġija. B’dan il-mod, nevitaw li l-komunitajiet iġorru l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu mingħajr ma tqiesu l-ħtiġijiet tagħhom.
Dan kollu jeħtieġ aktar dixxiplina, koordinazzjoni u trasparenza. Il-proġetti għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni ċara tal-ħtiġijiet, prijoritajiet stabbiliti u skadenzi realistiċi. Għandhom jiġu evalwati mhux biss skont kemm jiswew jew kemm idumu biex jitlestew, iżda skont il-benefiċċju konkret li jagħtu lill-pubbliku.
Il-Gvern għandu wkoll ikun lest li jispjega r-riżultati. Kemm naqas il-ħin medju tal-vjaġġ? Kemm tjiebet l-affidabbilta’ tas-servizzi? Kemm tnaqqas il-ħela tal-ilma? Kemm sar aktar effiċjenti l-użu tal-enerġija? U kemm qed jinħass dan kollu fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin?
Dawn il-miri għandhom ikunu pubbliċi u jitkejlu regolarment. Fejn proġett ma jkunx qed jilħaq l-għanijiet tiegħu, il-Gvern għandu jispjega għaliex u x’se jagħmel biex jirranġa s-sitwazzjoni. Din mhijiex talba għal aktar burokrazija, iżda għal aktar responsabbilta’. Il-flus li jintefqu huma flus il-poplu, u l-poplu għandu dritt ikun jaf x’qed jikseb għalihom.
Malta ma għandhiex nuqqas ta’ ideat jew ta’ avviżi. Dak li għandna bżonn huwa ppjanar li jorbot kull proġett ma’ ħtieġa konkreta, u sistema li tkejjel b’mod onest dak li nkunu ksibna.
Għax l-infrastruttura għandha sservi lin-nies, mhux in-nies jispiċċaw ibatu minħabba nuqqas ta’ ppjanar. Ma nistgħux nibqgħu nkejlu s-suċċess bin-numru ta’ proġetti mħabbra jew biċ-ċifri tal-investiment waħedhom. Irridu nkejluh minn servizzi aktar affidabbli, vjaġġi iqsar, riżorsi ġestiti aħjar u ħajja ta’ kuljum aktar komda.
Għax avviż mhuwiex kisba, u wegħda mhijiex riżultat. Il-kisba vera tidher meta n-nies iħossu d-differenza f’ħajjithom.

Leave a Reply