Id-Dawl: Blackouts u t-Tbatijiet tal-Poplu Malti

Minn Osservatur Politiku

Meta nitkellmu dwar il-qtugħ tad-dawl, ħafna drabi d-diskussjoni tiffoka fuq il-cables, is-substations, il-ġeneraturi u n-networks. Dawn huma kollha elementi importanti. Iżda hemm aspett ieħor li kultant jintilef fid-dibattitu tekniku: il-persuni.
Wara kull blackout hemm familja. Hemm anzjan li qed jipprova jorqod f’dar li saret forn. Hemm omm u missier li qed jippruvaw iserrħu lit-tfal tagħhom. Hemm pazjent li jiddependi fuq apparat mediku. Hemm persuna b’diżabilita’ li qed tistenna li jerġa’ jiġi s-servizz essenzjali li fuqu tiddependi.

Għax il-prezz veru tal-blackouts ma jitkejjilx biss f’kilowatt hours jew f’miljuni ta’ ewro ta’ investiment. Jitkejjel fil-kwalita’ tal-ħajja tan-nies.
Il-mewġa ta’ sħana li laqtet lil Malta ġabet magħha temperaturi li qabżu l-40 grad. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-arja kkundizzjonata ma tibqax kwistjoni ta’ kumdita’. Issir kwistjoni ta’ saħħa. Speċjalment għall-anzjani.

Il-ġisem tal-bniedem, hekk kif javvanza fl-eta’, isir inqas kapaċi jirregola t-temperatura tiegħu. Dan ifisser li anzjan huwa ħafna aktar espost għar-riskju ta’ deidrazzjoni, heat exhaustion u heat stroke.

Meta f’dawn il-kundizzjonijiet jinqata’ d-dawl għal sigħat twal, il-konsegwenzi jistgħu jkunu serji ħafna. Għal ħafna anzjani li jgħixu waħedhom, kull siegħa mingħajr elettriku tfisser siegħa oħra ta’ riskju. Ħafna minnhom ma jistgħux sempliċement jitilqu mid-dar u jfittxu post frisk. Ħafna jiddependu fuq qraba jew ġirien. Oħrajn ma jkollhom lil ħadd. Dan għandu jqanqal riflessjoni nazzjonali.

L-istess jgħodd għat-tfal. It-tfal żgħar huma wkoll aktar vulnerabbli għat-temperaturi estremi. Meta jqattgħu sigħat twal f’ambjent sħun ħafna, isibuha aktar diffiċli biex jorqdu, jieklu jew jistrieħu. Ġenituri madwar Malta rrakkontaw kif uliedhom qattgħu ljieli sħaħ jibku jew jitqallbu fis-sodda minħabba s-sħana. Meta t-tfal ma jorqdux sew għal diversi jiem konsekuttivi, il-konsegwenzi jinħassu fuq is-saħħa tagħhom, fuq il-konċentrazzjoni u fuq il-benesseri tal-familja kollha.

Blackout ma jaffettwax biss il-mument meta jintefa d-dawl. L-effetti tiegħu jkomplu jinħassu anke wara.
Hemm ukoll il-persuni li jgħixu b’kundizzjonijiet mediċi. F’Malta hemm mijiet ta’ persuni li jiddependu fuq apparat mediku li jaħdem bl-elettriku. Xi wħud jużaw oxygen concentrators. Oħrajn jużaw apparat għall-irqad jew tagħmir ieħor indispensabbli għat-trattament tagħhom. Għalihom, il-kurrent mhuwiex sempliċement servizz. Huwa parti mill-kura medika tagħhom.

Meta jinqata’ d-dawl, il-livell ta’ ansjeta’ jiżdied immedjatament. Il-mistoqsija ma tkunx kemm se jdum il-blackout. Il-mistoqsija tkun jekk l-apparat hux se jibqa’ jaħdem. Dan għandu jfakkarna li n-network tal-elettriku huwa wkoll parti mis-sistema tas-saħħa.

L-istess jgħodd għas-servizzi essenzjali. L-isptarijiet għandhom sistemi ta’ emerġenza u generators, iżda ċ-ċentri tas-saħħa, il-kliniċi, l-ispiżeriji, id-djar tal-anzjani u ħafna servizzi oħra wkoll jiddependu fuq provvista stabbli tal-elettriku. Meta l-elettriku jsir instabbli, il-pressjoni fuq dawn is-servizzi tiżdied.
Fl-istess waqt, jiżdied ukoll il-piż fuq il-ħaddiema tas-saħħa u tal-protezzjoni ċivili li jridu jirrispondu għal aktar emerġenzi. Dan kollu għandu spiża. Mhux biss finanzjarja. Iżda wkoll umana.

Il-blackouts iqajmu wkoll kwistjoni ta’ ugwaljanza. Mhux kulħadd għandu l-istess mezzi biex ilaħħaq magħhom. Familja b’riżorsi finanzjarji tista’ tixtri generator, batteriji jew sistemi ta’ backup. Tista’ saħansitra tmur tqatta’ l-lejl f’lukanda. Iżda ħafna familji m’għandhomx din il-possibbilta’. Għandhom jibqgħu fid-dar u jistennew.

Dan ifisser li l-konsegwenzi tal-blackouts jolqtu b’mod aktar qawwi lil dawk li diġa’ huma l-aktar vulnerabbli. Din hija wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali. L-aċċess għal servizzi essenzjali m’għandux jiddependi fuq kemm tiflaħ tonfoq. L-elettriku għandu jkun affidabbli għal kulħadd. Dan huwa wieħed mill-obbligi fundamentali ta’ Stat modern.
F’dawn il-jiem rajna wkoll ħafna stejjer ta’ solidarjeta’. Ġirien li fetħu djarhom lil anzjani. Familji li qasmu generators. Voluntiera li marru jiċċekkjaw persuni vulnerabbli. Dawn huma stejjer sbieħ li juru l-ġenerożita’ tal-poplu Malti. Iżda solidarjeta’ spontanja ma tistax tieħu post ippjanar serju.

Ma nistgħux nibnu sistema nazzjonali fuq il-premessa li l-ġirien dejjem ikunu jistgħu jsolvu l-problema. Il-politika pubblika għandha tkun ibbażata fuq il-prevenzjoni. Dan ifisser li għandu jkun hemm pjanijiet speċifiċi għal persuni vulnerabbli waqt mewġiet ta’ sħana. Għandu jkun hemm reġistri aġġornati ta’ persuni li jiddependu fuq apparat mediku. Għandu jkun hemm protokolli ċari għal intervent rapidu. Għandhom jiġu identifikati ċentri ta’ emerġenza fejn persuni vulnerabbli jistgħu jsibu kenn temporanju jekk il-blackout idum għal ħafna sigħat.

Pajjiżi oħra ilhom jagħmlu dan. Malta għandha tagħmel l-istess.

Din il-kriżi għandha twassalna wkoll biex nirriflettu fuq il-kunċett tar-reżiljenza. Reżiljenza ma tfissirx biss cables aktar b’saħħithom jew substations ġodda. Tfisser ukoll sistemi soċjali li jipproteġu lill-aktar dgħajfa. Għax il-kejl ta’ pajjiż ma jsirx minn kif jittratta l-ġranet normali. Isir minn kif jirreaġixxi meta jaslu l-kriżijiet.

Għax il-blackouts tal-aħħar ġimgħat ma kinux biss test għall-infrastruttura. Kienu test għall-prijoritajiet tagħna.

Meta niddiskutu investiment fin-network tal-elettriku, m’għandniex narawh bħala nefqa teknika jew amministrattiva. Irridu narawh bħala investiment fil-benesseri tan-nies. Investiment biex anzjan ikun jista’ jgħix b’dinjita’. Biex tarbija tkun tista’ torqod. Biex pazjent ikollu s-serħan tal-moħħ li l-apparat li fuqu tiddependi ħajtu se jibqa’ jaħdem. Biex kull familja tkun taf li s-servizzi essenzjali mhux se jonqsuha meta jkollha l-aktar bżonnhom.

Għax il-kwistjoni mhijiex biss kemm għandna megawatts jew kemm għandna substations. Il-kwistjoni hija x’tip ta’ pajjiż irridu nkunu. Pajjiż fejn l-infrastruttura tkun mibnija madwar il-bżonnijiet tan-nies. Jew pajjiż fejn in-nies ikollhom jadattaw għan-nuqqasijiet tal-infrastruttura. L-għażla hija waħda ċara. U hija għażla li ma tistax tibqa’ tiġi posposta.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading