Il-Qtugħ tad-Dawl Elettriku

Minn Osservatur Politiku
Il-mewġa ta’ sħana li laqtet lil Malta kienet waħda intensa, iżda ma kinitx xi avveniment imprevedibbli. Għal snin sħaħ ix-xjentisti ilhom iwissu li temperaturi estremi se jsiru aktar frekwenti minħabba t-tibdil fil-klima. F’pajjiż bħalma hu tagħna, fejn is-sajf huwa twil u sħun, il-mistoqsija qatt ma kienet jekk kinitx se tasal mewġa ta’ sħana. Il-mistoqsija kienet jekk il-pajjiż kienx ippreparat għaliha.
L-avvenimenti tal-aħħar jiem taw risposta ċara. Mijiet ta’ toroq spiċċaw mingħajr elettriku, għexieren ta’ eluf ta’ residenti sfaw fid-dlam, negozji kellhom jagħlqu jew inaqqsu l-operat tagħhom, filwaqt li familji sħaħ spiċċaw għal sigħat twal mingħajr arja kkundizzjonata f’temperaturi li qabżu l-40 grad.
Kien hemm min għaġġel jgħid li l-ħtija kienet tas-sħana. Iżda dik hija spjegazzjoni faċli wisq.
Is-sħana kienet biss il-katalist. Il-kawża vera kienet ħafna aktar profonda: nuqqas ta’ ppjanar fit-tul u nuqqas ta’ investiment preventiv f’infrastruttura kritika.
Meta sistema tfalli taħt pressjoni prevedibbli, il-problema ma tkunx il-pressjoni nnifisha. Il-problema tkun li s-sistema ma ġietx mibnija biex tiflaħ għaliha.
Malta ilha snin tesperjenza tkabbir ekonomiku mgħaġġel. Il-popolazzjoni kibret b’mod sostanzjali. Inbnew eluf ta’ appartamenti ġodda. Żdiedu l-lukandi, l-uffiċċji, il-fabbriki u ċ-ċentri kummerċjali. Fl-istess ħin żdied ukoll l-użu tal-arja kkundizzjonata, tat-tagħmir elettroniku u, aktar reċentement, tal-vetturi elettriċi.
Kull waħda minn dawn il-bidliet kienet tfisser ħaġa waħda: domanda dejjem tikber fuq in-network tal-elettriku.
Din ma kinitx realta’ li ħadd ma seta’ jbassar. Kien magħruf li l-popolazzjoni kienet qed tikber. Kien magħruf li l-iżvilupp kien qed jiżdied. Kien magħruf li t-tibdil fil-klima kien se jwassal għal aktar ġranet b’temperaturi estremi.
Meta dawn il-fatturi kollha kienu magħrufa minn qabel, il-problema ma tistax tkun is-sħana. Il-problema hija li l-ippjanar ma mexiex bl-istess pass tat-tkabbir.
L-akbar żball fil-politika pubblika hu meta l-investiment isir biss wara li sseħħ il-kriżi. Meta jinkiser cable, nibdluh. Meta tfalli substation, nibnu oħra. Meta jinqata’ d-dawl, inħabbru investiment ġdid.
Imma infrastruttura nazzjonali ma tistax titmexxa b’dan il-mod. Il-funzjoni tagħha hija li tipprevjeni l-kriżijiet, mhux li tirreaġixxi għalihom.
Investiment preventiv mhux lussu. Huwa parti mill-governanza responsabbli. Kull euro investit qabel il-kriżi jista’ jiffranka ħafna aktar fi ħsarat, f’telf ekonomiku, f’ħin mitluf u fid-diffikultajiet li jġarrbu n-negozji u l-familji.
Hawnhekk tinsab id-differenza bejn pajjiż li jippjana u pajjiż li jirreaġixxi.
Il-pjanijiet fit-tul jeħtieġu kuraġġ politiku. L-investiment fl-infrastruttura ħafna drabi ma jagħtix riżultati immedjati jew qligħ elettorali. Iżda huwa proprju dak l-investiment li jagħmel il-pajjiż aktar reżiljenti u aktar preparat għall-isfidi li ġejjin.
Sfortunatament, ħafna drabi rajna l-prijorita’ tingħata lil proġetti li jidhru aktar milli lil dawk li jsaħħu l-pedamenti tal-pajjiż.
L-infrastruttura mhix spiża. Hija investiment. Pajjiż ma jistax jattira investiment ta’ kwalita’ jekk ma jiggarantixxix provvista stabbli tal-elettriku. Kumpaniji internazzjonali ma jħarsux biss lejn ir-rati tat-taxxa jew lejn l-inċentivi finanzjarji. Jistaqsu wkoll jekk is-servizzi essenzjali humiex affidabbli u jekk il-pajjiż jistax joffri ċertezza.
L-istess jgħodd għaċ-ċittadini. Meta familja tispiċċa sigħat twal mingħajr elettriku f’nofs mewġa ta’ sħana, il-problema ma tkunx biss inkonvenjent. Għall-anzjani, għat-trabi u għal persuni b’kundizzjonijiet mediċi, tista’ ssir kwistjoni ta’ saħħa u sigurta’.
Meta negozju jitlef il-prodotti tiegħu jew ikollu jwaqqaf il-produzzjoni, il-ħsara ma taffettwax biss lis-sid. Taffettwa wkoll lill-ħaddiema u lill-ekonomija kollha.
Il-problema mhijiex biss teknika. Hija wkoll problema ta’ koordinazzjoni.
Meta jinbnew eluf ta’ residenzi ġodda, min qed jivverifika jekk in-network għandux biżżejjed kapaċita’? Meta l-popolazzjoni tiżdied sena wara sena, min qed jippjana d-domanda futura fuq l-elettriku? Meta jinħarġu permessi għal żviluppi ġodda, qed jiġu kkunsidrati wkoll il-konsegwenzi fuq l-infrastruttura? Dawn huma mistoqsijiet li kull gvern għandu jkun kapaċi jwieġeb.
L-ippjanar ma jistax jibqa’ maqsum bejn ministeri u entitajiet differenti li jaħdmu għal rashom. L-iżvilupp ekonomiku, il-politika tal-popolazzjoni, l-ippjanar urban u l-investiment fl-enerġija għandhom jimxu flimkien. Jekk le, il-kriżijiet isiru inevitabbli.
It-tibdil fil-klima mhux skuża. Anzi, huwa argument favur aktar investiment u aktar ppjanar.
Jekk nafu li mewġiet ta’ sħana se jsiru aktar frekwenti, allura n-network għandu jkun mibni biex jiflaħ għal dawn il-kundizzjonijiet. Ma nistgħux nibqgħu nittrattaw kull sajf bħala sorpriża.
L-aħħar blackouts għandhom ikunu mument ta’ riflessjoni nazzjonali. Mhux biex infittxu skużi jew nitfgħu t-tort fuq it-temp, iżda biex nifhmu li l-pajjiż għandu bżonn kultura ġdida ta’ ppjanar.
Infrastruttura moderna ma tinbeniex f’ġurnata. Tieħu snin biex tiġi ddisinjata, iffinanzjata u implimentata. Aktar ma nistennew, aktar il-problemi jsiru għaljin u aktar il-konsegwenzi jinħassu minn kulħadd.
Malta għandha bżonn viżjoni li tħares lil hinn mil-leġiżlatura li jmiss. Il-mistoqsija m’għandhiex tkun kif insolvu l-problema tal-lum biss, iżda kif niżguraw li għaxar snin oħra l-pajjiż ikun kapaċi jlaħħaq mad-domanda li inevitabbilment se tkompli tikber.
Il-blackouts li esperjenzajna ma kinux katastrofi naturali. Kienu twissija. Twissija li t-tkabbir ekonomiku waħdu mhux biżżejjed. Pajjiż jista’ jibni aktar, jikkonsma aktar u jiġġenera aktar ġid, iżda jekk l-infrastruttura ma tikbirx bl-istess pass, il-pedamenti jibdew juru x-xquq.
Is-sħana ma qatgħetx il-kurrent. Is-sħana sempliċement żvelat il-konsegwenzi ta’ snin twal ta’ nuqqas ta’ ppjanar. U jekk ma nitgħallmux minn din il-lezzjoni, il-mistoqsija mhijiex jekk il-kriżi terġax isseħħ. Il-mistoqsija hija meta.
