Li Tkun Kuntent

Minn Osservatur Politiku

F’ħafna mumenti tal-ħajja nisimgħu lil xi ħadd jgħid: “L-importanti li nkun kuntent.” Hija frażi sempliċi, iżda fiha mistoqsija kbira. X’jiġifieri tassew tkun kuntent? Hija kwistjoni ta’ flus? Ta’ saħħa? Ta’ suċċess? Jew hija xi ħaġa aktar profonda li ma tistax titkejjel b’dak li għandna jew b’dak li niksbu?

Ngħixu f’soċjeta’ li kontinwament tħeġġiġna nfittxu aktar. Aktar flus, aktar kumdita’, aktar suċċess, aktar segwaċi fuq il-midja soċjali, aktar esperjenzi. Donnu l-kuntentizza dejjem tinsab pass ieħor ’il quddiem. Meta niksbu dak li nixtiequ, malajr nibdew nixtiequ xi ħaġa oħra. Il-mira tinbidel u l-ġirja tkompli.

Imma jekk il-kuntentizza tkun dejjem marbuta ma’ dak li għad irridu niksbu, hemm ir-riskju li qatt ma naslu.

Dan ma jfissirx li l-ambizzjoni hija ħanżina. Bil-maqlub. Il-progress huwa importanti, kemm għall-individwu kif ukoll għas-soċjeta’. Iżda hemm differenza bejn li taħdem biex ittejjeb ħajtek u li tħalli l-kuntentizza tiegħek tiddependi biss fuq dak li għad irid iseħħ.

Wieħed mill-akbar żbalji li nagħmlu huwa li nqabblu ħajjitna ma’ dik ta’ ħaddieħor.

Illum, permezz tal-midja soċjali, naraw biss il-mumenti sbieħ tal-oħrajn. Il-vaganzi, il-promozzjonijiet, il-festi u s-suċċessi. Rari naraw il-biżgħat, il-fallimenti jew il-problemi. U mingħajr ma nintebħu, nibdew inkejlu l-kuntentizza tagħna skont stampa mhux kompluta tal-ħajja ta’ oħrajn.

Il-verita’ hija li kull persuna għandha l-piżijiet tagħha. Kulħadd għandu ġlied li mhux dejjem jidher. Il-kuntentizza ma tistax tinbena fuq il-paragun. Lanqas ma tista’ tinbena biss fuq il-ġid materjali.

Naturalment, il-flus huma importanti. Jgħinu biex ikollna sigurta’, saħħa aħjar, edukazzjoni u opportunitajiet. Min jgħid li l-flus ma jagħmlux differenza jkun qed jinjora r-realta’ ta’ ħafna familji li qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja.

Iżda hemm punt fejn aktar flus mhux bilfors ifissru aktar kuntentizza. Nafu b’persuni sinjuri li jgħixu f’ansjeta’ kontinwa u oħrajn b’mezzi limitati li jgħixu b’serenita’ kbira. Dan għaliex il-kuntentizza mhijiex biss dak li għandna, iżda wkoll kif inħarsu lejn dak li għandna.

Il-gratitudni hija waħda mill-akbar sorsi tal-kuntentizza. Meta nieqfu għal mument u napprezzaw dak li diġa’ għandna – il-familja, is-saħħa, il-ħbieb, ix-xogħol jew sempliċement il-paċi ta’ moħħna – nibdew nindunaw li ħafna mill-affarijiet li nieħdu for granted huma fil-fatt rigali kbar. Spiss inqattgħu ħafna ħin ninkwetaw dwar dak li jonqosna u ftit wisq ħin nirringrazzjaw għal dak li għandna.
Il-kuntentizza hija wkoll marbuta mar-relazzjonijiet tagħna.

L-ebda karriera, l-ebda proprjeta’ u l-ebda suċċess ma jistgħu jieħdu post il-familja, il-ħbiberija u l-imħabba. Meta jaslu l-mumenti diffiċli, dak li jibqa’ mhux il-kont bankarju, iżda n-nies li jkunu ħdejna.

Forsi għalhekk li ħafna mill-isbaħ memorji tagħna ma jkunux marbuta ma’ affarijiet li xtrajna, iżda ma’ mumenti li għexna ma’ dawk li nħobbu.

Il-ħin huwa wkoll parti mill-kuntentizza. Ngħixu f’epoka fejn kollox hu mgħaġġel. Dejjem hemm telefon li jdoqq, email x’twieġeb jew appuntament ieħor. Xi kultant insiru tant okkupati ngħixu li ninsew ngawdu l-ħajja.

Kemm-il darba nieqfu ngawdu tazza kafe’ fil-kwiet? Kemm-il darba noħorġu mixja mingħajr ma nħarsu lejn il-mobile? Kemm-il darba noqogħdu nitkellmu mal-familja mingħajr distrazzjonijiet? Il-kuntentizza ħafna drabi tinstab proprju f’dawn il-mumenti żgħar.

Hemm ukoll il-paċi mal-kuxjenza. Persuna li tgħix b’onesta’, li tirrispetta lill-oħrajn u li tagħmel il-ġid, ġeneralment torqod aktar trankwilla minn min jibni ħajtu fuq il-qerq jew l-egoiżmu. Il-valuri għandhom importanza li ħafna drabi ma napprezzawhomx biżżejjed.

Il-kuntentizza mhijiex biss emozzjoni. Hija wkoll il-frott tal-mod kif nagħżlu li ngħixu. Interessanti wkoll li ħafna studji juru li persuni li jagħtu sehemhom lill-komunita’ tagħhom huma aktar kuntenti. Volontarjat, għajnuna lil min hu fil-bżonn jew sempliċement kelma tajba lil min għaddej minn żmien diffiċli jistgħu jagħmlu differenza mhux biss fil-ħajja ta’ min jirċievi l-għajnuna, iżda wkoll ta’ min jagħtiha.

Meta nagħmlu l-ġid, ħafna drabi nkunu qed nagħmlu ġid lilna nfusna wkoll. Naturalment, il-kuntentizza ma tfissirx li wieħed qatt ma jkun imdejjaq. Kulħadd jgħaddi minn telf, mard, fallimenti jew diżappunti. Dawn huma parti inevitabbli mill-ħajja. Persuna kuntenta mhijiex dik li qatt ma tibki. Hija dik li, minkejja d-diffikultajiet, issib ir-raġuni biex tqum mill-ġdid u tkompli.

Ir-reżiljenza hija waħda mill-akbar forom ta’ kuntentizza. Hemm ukoll il-bżonn li nitgħallmu naċċettaw li mhux kollox jiddependi minna. Ħafna ansjeta’ tinħoloq meta nippruvaw nikkontrollaw affarijiet li ma nistgħux nikkontrollaw. Xi drabi rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu u mbagħad naċċettaw li l-bqija mhux f’idejna. Din l-aċċettazzjoni ġġib magħha paċi kbira.

F’Malta ħafna drabi nkejlu l-progress b’ċifri ekonomiċi. Nitkellmu dwar il-Prodott Gross Domestiku, l-impjiegi, il-pagi u l-investiment. Dawn huma importanti u ma jistgħux jiġu injorati. Iżda hemm mistoqsija oħra li għandna nagħmlu lilna nfusna bħala soċjeta’: il-progress ekonomiku qed iwassal ukoll għal aktar kuntentizza? Qed ikollna aktar ħin mal-familja? Qed ngħixu f’ambjent aktar nadif? Qed inħossuna aktar siguri? Qed ikollna aktar paċi ta’ moħħ?
Il-kwalita’ tal-ħajja ma titkejjilx biss b’dak li naqilgħu, iżda wkoll b’dak li ngħixu.

Forsi wasal iż-żmien li nibdew inkejlu s-suċċess ta’ pajjiż mhux biss mill-ġid li joħloq, iżda wkoll mill-benesseri tan-nies tiegħu. Għax l-iskop tal-ekonomija, tal-politika u tal-iżvilupp għandu jkun wieħed: li jgħin lin-nies jgħixu ħajja aħjar. U ħajja aħjar mhijiex neċessarjament dik li fiha għandek kollox. Hija dik li fiha tapprezza dak li għandek, tħobb lil min hu qrib tiegħek, tagħmel il-ġid, tgħix skont il-valuri tiegħek u ssib paċi ġewwa fik innifsek.

Il-kuntentizza mhijiex destinazzjoni li naslu fiha darba għal dejjem. Hija għażla li nagħmlu kuljum. Tinbena permezz ta’ deċiżjonijiet żgħar, relazzjonijiet sinċieri, gratitudni, bilanċ u tama. U forsi proprju għalhekk hija tant prezzjuża. Għax ma tistax tinxtara, ma tistax tingħata bħala rigal u ma tistax titkejjel. Tista’ biss tgħixha.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading