L-Edukazzjoni u l-Iskola tal-Futur

Minn Osservatur Politiku

Meta nitkellmu dwar l-edukazzjoni, ħafna drabi niffukaw fuq il-problemi tal-lum: ir-riżultati tal-eżamijiet, in-nuqqas ta’ għalliema, il-kurrikulu jew il-faċilitajiet tal-iskejjel. Dawn kollha huma importanti. Iżda hemm mistoqsija ferm akbar li rridu nagħmlu lilna nfusna: l-iskola ta’ llum qed tipprepara lit-tfal għad-dinja ta’ għada?

Din mhijiex mistoqsija sempliċi. Id-dinja qed tinbidel b’pass mgħaġġel. It-teknoloġija qed tbiddel il-mod kif naħdmu, nikkomunikaw u ngħixu. L-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, l-awtomazzjoni u d-diġitalizzazzjoni se jbiddlu ħafna mill-impjiegi li nafu llum. Xi xogħlijiet jisparixxu, oħrajn ġodda se jinħolqu, u ħafna oħrajn jinbidlu kompletament.

Dan ifisser li l-iskola tal-futur ma tistax tibqa’ sempliċement tgħallem lill-istudenti kif jgħaddu mill-eżamijiet. Trid tgħallimhom kif jaħsbu, kif jadattaw u kif jibqgħu jitgħallmu tul ħajjithom kollha.

L-edukazzjoni m’għadhiex biss kwistjoni soċjali. Hija wkoll kwistjoni ekonomika. Il-pajjiżi li se jirnexxu fis-snin li ġejjin se jkunu dawk li jkollhom l-aktar nies kapaċi, kreattivi u innovattivi. Ir-riżorsi naturali għandhom il-limiti tagħhom, iżda l-kapaċita’ tal-bniedem li jitgħallem u joħloq hija kważi bla limitu. Għalhekk l-edukazzjoni għandha titqies bħala l-akbar investiment li pajjiż jista’ jagħmel.

L-iskola tal-futur trid tibda billi tagħraf li kull student huwa differenti. Għal ħafna snin il-mudell edukattiv kien wieħed li jittratta lill-istudenti kollha bl-istess mod. Illum nafu li dan mhux dejjem jagħti l-aħjar riżultati. Hemm studenti li jitgħallmu aktar permezz tal-qari, oħrajn permezz tal-esperjenza prattika, oħrajn permezz tat-teknoloġija jew tax-xogħol fi grupp.

L-edukazzjoni moderna trid tkun aktar personalizzata. Dan ma jfissirx li kull student ikollu kurrikulu differenti, iżda li s-sistema tkun kapaċi tagħraf it-talenti differenti u tagħtihom spazju jikbru.

L-istess jgħodd għall-valutazzjoni. Għal snin twal il-kejl tas-suċċess kien jiddependi kważi esklussivament mill-eżamijiet. Iżda l-ħajja ma teżaminaniex darba fis-sena. Teżaminana kuljum. Il-kapaċita’ li ssolvi problema, li taħdem ma’ oħrajn, li tmexxi tim, li tikkomunika tajjeb jew li tieħu deċiżjonijiet responsabbli huma kollha ħiliet essenzjali li ħafna drabi ma jidhrux f’ċertifikat. Dan ma jfissirx li għandna nneħħu l-eżamijiet. Ifisser biss li rridu nagħrfu li huma biss parti mill-istampa.

L-iskola tal-futur trid tagħti importanza akbar lill-ħsieb kritiku. Qed ngħixu f’epoka fejn kulħadd għandu aċċess għal ammont enormi ta’ informazzjoni. Il-problema mhijiex li nsibu l-informazzjoni. Il-problema hija kif nagħrfu bejn dak li hu minnu u dak li hu falz.

L-istudenti għandhom jitgħallmu jistaqsu, janalizzaw u jivverifikaw. Dawn huma l-ħiliet li jagħmlu ċittadini responsabbli. Naturalment, it-teknoloġija għandha tkun parti importanti minn din il-bidla.

L-intelliġenza artifiċjali mhux se tissostitwixxi lill-għalliem. Iżda tista’ tgħinu jagħti attenzjoni aktar individwali lill-istudenti, tipprovdi tagħlim personalizzat u tagħmel il-lezzjonijiet aktar interattivi.

Madankollu rridu noqogħdu attenti li t-teknoloġija tibqa’ għodda u mhux l-għan. L-edukazzjoni tibqa’ relazzjoni bejn il-bniedem u l-bniedem. Ebda skrin ma jista’ jissostitwixxi għalliem li jispira, jisma’, jinkoraġġixxi u jemmen fl-istudent tiegħu. Huwa għalhekk li l-għalliem jibqa’ l-aktar pilastru importanti tas-sistema edukattiva.

Jekk irridu skejjel aħjar, irridu wkoll nagħtu aktar appoġġ lill-għalliema. Mhux biss permezz ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, iżda wkoll permezz ta’ taħriġ kontinwu u rispett lejn il-professjoni tagħhom. Soċjeta’ li tapprezza lill-għalliema hija soċjeta’ li tapprezza l-futur tagħha.

L-iskola tal-futur trid tagħti wkoll aktar spazju lill-edukazzjoni emozzjonali. Mhux biżżejjed li student ikun tajjeb fil-matematika jew fix-xjenza jekk ma jkunx jaf kif jimmaniġġja l-istress, ir-relazzjonijiet jew il-kunflitti.
Illum qed naraw aktar sfidi relatati mas-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ. Għalhekk l-iskola trid tkun ukoll post fejn wieħed jitgħallem ir-reżiljenza, l-empatija u r-rispett lejn l-oħrajn.

L-edukazzjoni għandha tifforma persuni sħaħ, mhux biss ħaddiema effiċjenti. Importanti wkoll li l-iskola ssaħħaħ ir-rabta tagħha mad-dinja tax-xogħol. Dan ma jfissirx li l-edukazzjoni għandha tkun immexxija biss mill-ħtiġijiet tas-suq. Iżda hemm bżonn li ż-żgħażagħ jifhmu aħjar ir-realta’ ekonomika, l-intraprenditorija u l-opportunitajiet li jeżistu. Esperjenzi prattiċi, internships u kollaborazzjoni mal-industrija jistgħu jagħmlu differenza kbira.

Fl-istess ħin m’għandniex ninsew is-suġġetti umanistiċi. Il-letteratura, l-istorja, il-filosofija, il-lingwi u l-arti jibqgħu fundamentali biex nibnu persuni b’valuri, sens kritiku u identita’ kulturali.

L-edukazzjoni mhijiex biss biex insibu xogħol. Hija wkoll biex nifhmu min aħna. Pajjiż li jinvesti fl-edukazzjoni jkun qed jinvesti fid-demokrazija tiegħu. Ċittadini edukati huma aktar kapaċi jieħdu deċiżjonijiet infurmati, jipparteċipaw fil-ħajja pubblika u jiddefendu l-valuri demokratiċi.

Għal Malta, l-isfida hija akbar minħabba d-daqs tagħha. Ma nistgħux nikkompetu fuq il-kwantita’. Irridu nikkompetu fuq il-kwalita’. L-akbar riżorsa tagħna mhijiex l-art jew il-minerali. Hija l-intelliġenza tan-nies tagħna. Għalhekk kull student li ma jilħaqx il-potenzjal tiegħu mhuwiex biss telf personali. Huwa wkoll telf għall-pajjiż kollu.

L-edukazzjoni trid tibda titqies bħala investiment fil-produttivita’, fl-innovazzjoni u fil-kompetittivita’ tal-ekonomija tagħna. Imma fuq kollox hija investiment fil-bniedem.

L-iskola tal-futur m’għandhiex tkun magħrufa għall-binjiet moderni biss jew għall-aħħar teknoloġija. Għandha tkun magħrufa għax toħroġ minnha ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ li jkunu kapaċi jaħsbu b’mod indipendenti, jadattaw għall-bidla, jirrispettaw lill-oħrajn u jemmnu fil-kapaċita’ tagħhom li jagħmlu differenza.

Meta jasal dak il-jum, inkunu nistgħu ngħidu li verament bnejna skola tal-futur. Għax l-aqwa skola mhijiex dik li tipprepara lill-istudenti għall-eżami li jmiss, iżda dik li tippreparahom għall-ħajja li għad trid tiġi.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading