In-Nuqqas ta’ Qbil fil-Politika Qatt Ma Għandu Jsir Wieħed Personali

Minn Osservatur Politiku
Id-demokrazija hija mibnija fuq id-differenza fl-opinjonijiet. Hija sistema li tagħraf li mhux kulħadd jaħseb bl-istess mod u li l-konfront ta’ ideat differenti huwa essenzjali biex jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet. Mingħajr dibattitu ma jkunx hemm skrutinju. Mingħajr skrutinju ma jkunx hemm kontabbilta’. U mingħajr kontabbilta’ d-demokrazija titlef wieħed mill-pilastri fundamentali tagħha.
Għalhekk, il-fatt li l-Gvern u l-Oppożizzjoni ma jaqblux fuq diversi kwistjonijiet mhux biss huwa normali, iżda huwa wkoll meħtieġ. Il-problema tibda meta n-nuqqas ta’ qbil ma jibqax wieħed politiku u jsir wieħed personali. Meta d-dibattitu jinbidel f’ostilita’. Meta l-għan ma jibqax li tinstab l-aħjar soluzzjoni għall-pajjiż, iżda li jiġi megħlub jew umiljat l-avversarju politiku. Meta jiġri hekk, il-partiti jistgħu jaħsbu li jkunu qed jirbħu xi battalja politika, iżda min jitlef ikun dejjem il-pajjiż.
Il-ftuħ ta’ din il-leġiżlatura ġdida ta xi sinjali pożittivi. Rajna mumenti fejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dehru lesti li jaħdmu flimkien fuq ċerti kwistjonijiet. Rajna wkoll ton aktar moderat milli kien hemm f’ċirkostanzi oħra fil-passat. Dan huwa żvilupp li għandu jiġi mfaħħar.
Iżda l-isfida vera mhijiex il-bidu tal-leġiżlatura. L-isfida hija jekk dan l-ispirtu ta’ rispett u kooperazzjoni hux se jibqa’ ħaj meta jibdew il-konfronti politiċi inevitabbli.
Għax dawk se jiġu. Se jkun hemm dibattiti iebsin. Se jkun hemm differenzi kbar fuq il-politika ekonomika. Fuq il-governanza. Fuq l-ambjent. Fuq l-immigrazzjoni. Fuq is-saħħa. Fuq l-edukazzjoni. Hekk għandu jkun.
Iżda l-mistoqsija hija kif se niddibattu. Il-livell tad-dibattitu politiku jgħid ħafna dwar il-livell ta’ maturità ta’ pajjiż. Pajjiż matur ma jibżax mill-kritika. Lanqas ma jqis kull kritika bħala attakk.
Bl-istess mod, Oppożizzjoni responsabbli ma topponix għal kollox sempliċement għax il-proposta tkun ġejja mill-Gvern. L-Oppożizzjoni għandha dmir tikkritika fejn hemm bżonn. Iżda għandha wkoll dmir tappoġġja fejn ikun fl-interess nazzjonali.
L-istess jgħodd għall-Gvern. Gvern b’saħħtu m’għandux jibża’ minn suġġerimenti tajbin sempliċement għax ikunu ġejjin mill-Oppożizzjoni. L-aqwa deċiżjonijiet kultant jitwieldu proprju minn dan l-iskambju ta’ ideat.
Sfortunatament, il-politika Maltija kultant waqgħet fin-nasba tal-polarizzazzjoni żejda. Kważi kull suġġett spiċċa jinqasam fuq linji partiġġjani. Kull proposta tiġi ġġudikata skont min ressaqha u mhux skont il-mertu tagħha. Din mhijiex politika b’saħħitha. Hija politika difensiva. Il-pajjiż ma jistax jimxi ’l quddiem jekk kull deċiżjoni tkun meqjusa bħala rebħa jew telfa ta’ partit.
Hemm kwistjonijiet li għandhom ikunu ferm akbar mill-politika partiġġjana. L-edukazzjoni hija waħda minnhom. Is-saħħa hija oħra. Il-produttivita’. L-ambjent. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ir-riforma tal-ġustizzja. L-ippjanar fit-tul. Dawn huma suġġetti li jeħtieġu kontinwita’.
Il-pajjiż ma jistax ibiddel id-direzzjoni tiegħu kull ħames snin. L-investituri jfittxu stabbilta’. Iċ-ċittadini jfittxu ċertezza. Il-familji jfittxu serħan il-moħħ. Dan kollu jinbena biss meta jkun hemm ċertu livell ta’ qbil fuq il-prinċipji fundamentali. Naturalment, il-qbil ma jfissirx li kulħadd jaħseb l-istess. Lanqas ma jfisser li l-Oppożizzjoni titlef ir-rwol tagħha.
Anzi. Oppożizzjoni effettiva hija waħda li tgħolli l-livell tad-dibattitu. Li ġġib ideat ġodda. Li tissuġġerixxi alternattivi. Li żżomm lill-Gvern responsabbli. Mhux waħda li tgħid “le” għal kollox.
Bl-istess mod, Gvern matur huwa wieħed li jisma’. Li jikkunsidra. Li jirrikonoxxi meta jkun hemm suġġeriment validu. Li ma jqisx kull kritika bħala attentat biex idgħajfu. Dan huwa l-livell ta’ politika li ċ-ċittadini qed jistennew.
Speċjalment wara elezzjoni ġenerali. Il-poplu ma jivvotax biex jara ġlied kontinwu. Jivvota biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem.
Dan ma jfissirx li l-konfront għandu jisparixxi. Konfront serju huwa meħtieġ. Iżda għandu jkun konfront ta’ argumenti. Mhux ta’ insulti. Ta’ fatti. Mhux ta’ slogan. Ta’ rispett. Mhux ta’ mibegħda.
Hemm ukoll aspett ieħor importanti. Il-mod kif iġibu ruħhom il-politiċi jinfluwenza lis-soċjeta’ kollha. Meta fil-Parlament ikun hemm rispett, dak ir-rispett jinħass ukoll barra. Meta l-lingwaġġ politiku jkun moderat, anke d-diskors pubbliku jsir aktar ċivili. Meta l-politika ssir tossika, it-tossiċita’ tinfirex.
Il-midja soċjali tagħmel din il-problema aktar akuta. Illum kumment wieħed jista’ jinfirex fi ftit minuti. L-emozzjonijiet ħafna drabi jegħlbu r-raġuni. Huwa għalhekk li l-mexxejja politiċi għandhom responsabbilta’ akbar minn qatt qabel. Iridu jagħtu eżempju. Iridu juru li huwa possibbli li ma taqbilx ma’ xi ħadd mingħajr ma tobgħodu. Li tista’ tkun kritiku mingħajr ma tkun offensiv. Li tista’ tkun sod fil-prinċipji tiegħek mingħajr ma titlef ir-rispett lejn min jaħseb differenti.
Din hija l-maturita’ politika. U hija meħtieġa aktar minn qatt qabel. Il-leġiżlatura li għadha kemm bdiet se tkun waħda mimlija sfidi. Il-produttivita’. Il-kapaċita’ tal-pajjiż. L-ispiża tal-għajxien. L-akkomodazzjoni. L-immigrazzjoni. Il-klima. Il-finanzi pubbliċi.
L-ebda wieħed minn dawn is-suġġetti ma jista’ jiġi indirizzat biss bil-politika tal-konfront. Jeħtieġ viżjoni. Jeħtieġ djalogu. Jeħtieġ kuraġġ. Jeħtieġ ukoll umilta’ biex kultant wieħed jammetti li l-oħrajn jistgħu jkollhom idea aħjar.
Mhijiex sinjal ta’ dgħufija li taċċetta proposta tajba tal-avversarju. Huwa sinjal ta’ maturita’. Fuq kollox il-poplu ma jinteressahx min ħareġ bl-idea. Jinteressah jekk l-idea ttejjibx ħajtu. Dan għandu jkun il-kejl ta’ kull deċiżjoni politika. Mhux jekk tagħtix punti lil partit jew tnaqqsilhom. Imma jekk tagħmilx il-pajjiż aħjar.
Il-Parlament għadu kif fetaħ il-bibien tiegħu għal leġiżlatura ġdida. Issa jibda x-xogħol veru. Nittamaw li l-ispirtu ta’ rispett li rajna fil-bidu ma jkunx episodju qasir, iżda kultura ġdida li takkumpanja din il-leġiżlatura kollha. Għax il-konfront huwa essenzjali għad-demokrazija. Imma l-ostilita’ qatt ma bniet pajjiż.
Ir-rispett, id-djalogu u l-kuraġġ li wieħed jaħdem flimkien meta jkun meħtieġ, huma dawk il-valuri li jagħmlu demokrazija tassew b’saħħitha. U fuq kollox, huma dawk il-valuri li l-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt jistenna mingħand dawk li eleġġa biex jirrappreżentawh.
