Il-Maġġoranza Jemmnu li Malta Bbenifikat mill-Unjoni Ewropea

Minn Osservatur Politiku
Riżultat wieħed li għadda kważi inosservat fost il-ħafna aħbarijiet politiċi u ekonomiċi tal-aħħar ġimgħat jistħoqqlu attenzjoni partikolari. Skont stħarriġ reċenti, 91% tal-Maltin jemmnu li Malta bbenefikat mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea. Din hija waħda mill-ogħla rati ta’ appoġġ fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni.
Din iċ-ċifra hija sinifikanti mhux biss minħabba d-daqs tagħha, iżda wkoll minħabba l-messaġġ li qed twassal. Għoxrin sena wara li Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, il-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti għadha temmen li s-sħubija kienet deċiżjoni tajba għall-pajjiż. Dan waħdu għandu jwassal għal riflessjoni importanti.
Meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004, id-dibattitu kien wieħed intens. Kien hemm min kien jemmen bis-sħiħ fil-proġett Ewropew u kien hemm min kellu dubji serji. Kien hemm argumenti ekonomiċi, politiċi u soċjali minn kull naħa.
Illum, wara aktar minn għoxrin sena ta’ sħubija, il-poplu jidher li ta l-ġudizzju tiegħu. Disgħa minn kull għaxar persuni jqisu li Malta ħarġet rebbieħa minn dik l-għażla storika.
Dan ma jfissirx li l-Unjoni Ewropea hija perfetta. Lanqas ma jfisser li kull deċiżjoni li tittieħed fi Brussell hija dejjem korretta. Iżda jfisser li l-Maltin qed jagħrfu li l-benefiċċji ġenerali tas-sħubija kienu ferm akbar mill-isfidi li ġabet magħha. Fil-fatt, diffiċli wieħed jimmaġina kif kienet tkun Malta llum mingħajr l-Unjoni Ewropea.
Matul dawn is-snin, Malta bbenefikat minn fondi Ewropej li għenu biex jitjiebu t-toroq, l-infrastruttura, l-ambjent, l-iskejjel u numru kbir ta’ proġetti oħra. Ħafna mill-investiment li naraw madwarna kien possibbli grazzi għall-finanzjament Ewropew.
Iżda l-benefiċċji jmorru ferm lil hinn mill-fondi. Is-sħubija fetħet opportunitajiet ġodda għall-istudenti Maltin. Eluf ta’ żgħażagħ ibbenefikaw minn programmi ta’ studju, taħriġ u skambju barra minn Malta. L-esperjenza Ewropea fetħet orizzonti ġodda għal ġenerazzjoni sħiħa.
L-istess jgħodd għan-negozji. L-aċċess għas-suq uniku Ewropew ippermetta lill-kumpaniji Maltin jilħqu swieq ferm akbar minn dawk li kienu jistgħu jilħqu qabel. Għal pajjiż żgħir bħalma huwa Malta, dan huwa vantaġġ enormi.
L-ekonomija Maltija kibret b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar għoxrin sena, u għalkemm diversi fatturi kkontribwew għal dan it-tkabbir, is-sħubija Ewropea kienet bla dubju wieħed minnhom.
Madankollu, dan ir-riżultat għandu wkoll dimensjoni politika importanti. F’ħafna pajjiżi Ewropej qed naraw żieda fix-xettiċiżmu lejn l-istituzzjonijiet Ewropej. F’xi stati membri hemm sentiment dejjem jikber kontra ċerti aspetti tal-integrazzjoni Ewropea. Malta tidher li qed timxi f’direzzjoni differenti.
Il-fatt li 91% tal-popolazzjoni tqis li l-pajjiż ibbenefika mis-sħubija juri li l-proġett Ewropew għadu jgawdi kredibilita’ qawwija fost il-poplu Malti. Dawn huwa fatti li għandhom jiġu mħarsa.
Iżda dan ma jfissirx li għandna naċċettaw kollox mingħajr mistoqsijiet. Li tkun favur l-Unjoni Ewropea ma jfissirx li wieħed għandu jkun passiv. Għall-kuntrarju. Pajjiż li jemmen fil-proġett Ewropew għandu jkun aktar attiv biex jiddefendi l-interessi tiegħu fi ħdan dak il-proġett.
Malta għandha tkun vuċi b’saħħitha fuq kwistjonijiet li jolqtu direttament lill-pajjiż. Fuq il-migrazzjoni. Fuq il-politika marittima. Fuq il-kompetittivita’ ekonomika. Fuq il-politika ambjentali. Fuq il-futur tas-suq tax-xogħol. Fuq il-politiki fiskali.
Li tkun membru leali tal-Unjoni ma jfissirx li taċċetta kollox. Ifisser li tipparteċipa b’mod attiv u kostruttiv fid-diskussjoni Ewropea.
Għandna wkoll nifhmu li l-isfidi tal-futur se jkunu dejjem aktar Ewropej. L-enerġija. Is-sigurta’. Il-klima. L-intelliġenza artifiċjali. Il-kompetizzjoni globali. L-immigrazzjoni. L-ebda wieħed minn dawn il-fenomni ma jista’ jiġi indirizzat minn Malta waħedha.
F’dinja dejjem aktar globalizzata, il-kapaċita’ ta’ pajjiż żgħir li jinfluwenza l-avvenimenti internazzjonali hija limitata. Permezz tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha pjattaforma ferm aktar b’saħħitha biex tiddefendi l-interessi tagħha.
Madankollu, hemm aspett ieħor li għandu jkun parti minn din id-diskussjoni. Il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx jitqiesu bħala xi ħaġa garantita għal dejjem. Sabiex Malta tkompli tibbenefika, trid tibqa’ kompetittiva.
Trid tibqa’ tattira investiment. Trid tkompli tinvesti fl-edukazzjoni. Trid tkompli ttejjeb il-governanza tagħha. Trid tkompli ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tagħha. L-Unjoni Ewropea tipprovdi opportunitajiet. Iżda hija r-responsabbilta’ tagħna li nagħmlu l-aħjar użu minnhom.
Forsi waħda mill-akbar lezzjonijiet ta’ dawn l-aħħar għoxrin sena hija li Malta rnexxielha meta kienet lesta tadatta u tħares ’il quddiem. Meta daħlet fl-Unjoni Ewropea, ħafna kienu jibżgħu li pajjiż żgħir bħal tagħna ma kienx se jkun kapaċi jikkompeti. Ir-realta’ uriet mod ieħor. In-negozji Maltin adattaw. Il-ħaddiema Maltin adattaw. L-istudenti Maltin adattaw. U l-pajjiż kompla javvanza.
Naturalment, għad hemm sfidi. Mhux kulħadd iħoss li bbenefika bl-istess mod. Hemm oqsma fejn il-politiki Ewropej jistgħu jkunu aktar sensittivi għar-realtajiet ta’ stati żgħar bħal Malta.
Hemm ukoll dibattiti leġittimi dwar id-direzzjoni futura tal-Unjoni. Dawn huma diskussjonijiet validi u neċessarji. Iżda ma jbiddlux il-fatt fundamentali li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin illum tqis is-sħubija Ewropea bħala storja ta’ suċċess.
Il-91% mhumiex biss statistika. Huma riflessjoni ta’ esperjenza kollettiva. Esperjenza li rat lil Malta tikber ekonomikament, tiftaħ aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħha, tattira investiment u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja.
Għalhekk, waqt li nibqgħu kritiċi fejn hemm bżonn u nkomplu niddefendu l-interessi nazzjonali tagħna, għandna wkoll nirrikonoxxu realta’ ċara. L-Unjoni Ewropea kienet waħda mill-aktar għażliet strateġiċi importanti li għamel pajjiżna fl-istorja moderna tiegħu.
U jekk 91% tal-Maltin illum jemmnu li Malta bbenefikat minn dik l-għażla, allura dak huwa messaġġ li jistħoqqlu mhux biss li jiġi nnutat, iżda wkoll li jiġi mifhum u apprezzat fil-kuntest tal-futur li rridu nibnu għal pajjiżna.
