Malta Ghandha l-Għola Densità’ tal-Popolazzjoni fl-Ewropa

Minn Osservatur Politiku

Pajjiżna llum qed jiffaċċja realta’ li ftit kienu jimmaġinaw għoxrin sena ilu. Malta mhux biss għandha waħda mill-ogħla densitajiet tal-popolazzjoni fid-dinja, iżda issa qed tirreġistra l-ogħla rata ta’ densita’ tal-popolazzjoni fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, Malta hija wkoll il-pajjiż Ewropew li qed jesperjenza l-aktar żieda mgħaġġla sena wara sena fin-numru ta’ residenti għal kull kilometru kwadru.

Din mhijiex sempliċement statistika interessanti. Hija realta’ li qed tinħass kuljum minn kull min jgħix f’pajjiżna. Tinħass fit-traffiku. Tinħass fil-prezzijiet tal-proprjeta’. Tinħass fil-pressjoni fuq l-infrastruttura. Tinħass fuq is-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Tinħass fil-komunitajiet tagħna. U fuq kollox, tinħass fil-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadini.

Għal ħafna snin, il-politika ekonomika ta’ Malta kienet mibnija fuq tkabbir kontinwu. Aktar investiment, aktar attivita’ ekonomika, aktar impjiegi u aktar nies. Dan il-mudell wassal għal riżultati pożittivi f’ċerti oqsma. Il-qgħad naqas għal livelli baxxi ħafna, diversi setturi ekonomiċi espandew u l-ekonomija Maltija kompliet tikber. Iżda kull mudell ekonomiku għandu l-limiti tiegħu.

Meta pajjiż żgħir bħalma huwa Malta jibda jesperjenza tkabbir rapidu fil-popolazzjoni għal perjodu twil ta’ żmien, inevitabbilment jibdew jidhru pressjonijiet ġodda li ma jistgħux jiġu injorati.

Il-mistoqsija li rridu nistaqsu llum mhijiex jekk it-tkabbir ekonomiku kienx importanti. Il-mistoqsija hija jekk il-livell attwali ta’ tkabbir demografiku huwiex sostenibbli. Din hija mistoqsija li qed issir dejjem aktar relevanti.

Malta għandha territorju limitat ħafna. Ma nistgħux noħolqu aktar art. Ma nistgħux nespandu l-fruntieri tagħna. Ir-riżorsi naturali tagħna huma limitati. L-infrastruttura tagħna għandha kapaċita’ limitata. Is-servizzi pubbliċi għandhom il-limiti tagħhom. Meta l-popolazzjoni tikber aktar malajr mill-kapaċita’ tal-pajjiż li jadatta, il-problemi jibdew jakkumulaw.

Wieħed mill-aktar eżempji ovvji huwa t-traffiku. Matul dawn l-aħħar snin rajna investimenti sostanzjali fit-toroq. Inbnew flyovers, twessgħu arterji ewlenin u saru diversi proġetti infrastrutturali. Madankollu, minkejja dawn l-investimenti kollha, il-konġestjoni fit-toroq tibqa’ waħda mill-akbar ilmenti tan-nies. Għaliex? Għax il-problema mhijiex biss in-numru ta’ toroq. Il-problema hija wkoll in-numru dejjem jikber ta’ nies u vetturi li qed jużawhom.
L-istess japplika għall-akkomodazzjoni. Iż-żieda fil-popolazzjoni żiedet id-domanda għall-proprjeta’ b’mod sostanzjali. Dan wassal għal żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-bejgħ u tal-kera. Għal ħafna żgħażagħ, ix-xiri tal-ewwel dar sar sfida ferm akbar milli kien għal ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom. Ħafna koppji qed isibuha aktar diffiċli biex jibdew il-ħajja indipendenti tagħhom. Ħafna familji qed jintefqu porzjon dejjem akbar mid-dħul tagħhom fuq l-akkomodazzjoni. Dan mhux biss argument ekonomiku. Huwa wkoll argument soċjali. Għax meta l-akkomodazzjoni ssir inqas affordabbli, jinħolqu inugwaljanzi ġodda fis-soċjeta’.

Imbagħad hemm il-kwistjoni tal-ambjent. Pajjiżna ilu għal snin jiddiskuti l-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ħarsien tal-ambjent. Madankollu, aktar ma tikber il-popolazzjoni, aktar tikber il-pressjoni fuq l-użu tal-art, fuq il-ġestjoni tal-iskart, fuq il-konsum tal-ilma u fuq il-produzzjoni tal-enerġija.
Kull resident ġdid għandu bżonn dar. Għandu bżonn servizzi. Għandu bżonn infrastruttura. Għandu bżonn trasport. Dawn huma realtajiet li ma nistgħux ninjoraw. Għalhekk qed nisimgħu dejjem aktar lill-esperti jitkellmu dwar il-kunċett tal-carrying capacity. Fi kliem sempliċi, carrying capacity tfisser kemm jiflaħ pajjiż mingħajr ma l-kwalita’ tal-ħajja tibda tonqos.

Din mhijiex mistoqsija ideoloġika. Hija mistoqsija ta’ ppjanar. Hija mistoqsija ta’ governanza. Hija mistoqsija dwar il-futur.

Sfortunatament, għal ħafna snin konna nitkellmu dwar it-tkabbir ekonomiku mingħajr ma nitkellmu biżżejjed dwar il-limiti fiżiċi tal-pajjiż. Konna niċċelebraw iż-żieda fil-popolazzjoni bħala sinjal ta’ attivita’ ekonomika mingħajr ma nistaqsu jekk il-pajjiż kienx qed jadatta bl-istess pass. Illum qed nibdew naraw il-konsegwenzi ta’ dik l-attitudni.
Dan ma jfissirx li għandna nkunu kontra l-investiment jew kontra l-attivita’ ekonomika. Lanqas ma jfisser li għandna nħarsu lejn il-kwistjoni minn perspettiva anti-immigrazzjoni. Il-kontribut ta’ ħafna ħaddiema barranin għall-ekonomija Maltija huwa fatt li ħadd ma jista’ jiċħad.

Iżda l-fatt li dawn il-ħaddiema kienu importanti għall-ekonomija ma jneħħix il-ħtieġa li niddiskutu l-kapaċita’ tal-pajjiż. Fil-fatt, il-vera mistoqsija hija differenti. Nistgħu nibqgħu nibnu l-ekonomija tagħna primarjament fuq żieda kontinwa fin-numru ta’ ħaddiema? Jew wasal iż-żmien li nibdew nibnuha aktar fuq il-produttivita’?

Din hija mistoqsija li l-Malta Fiscal Advisory Council, il-Kummissjoni Ewropea u diversi istituzzjonijiet oħra ilhom iqajmu għal diversi snin.

L-ekonomija Maltija kibret b’mod impressjonanti, iżda l-produttivita’ baqgħet tikber b’pass ħafna aktar kajman. Dan ifisser li ħafna mit-tkabbir ġej minn aktar nies fis-suq tax-xogħol aktar milli minn effiċjenza akbar, innovazzjoni jew teknoloġija. Mudell bħal dan għandu limiti naturali.

Pajjiż żgħir ma jistax ikompli jikber indefinittivament billi jżid in-numru ta’ residenti tiegħu. F’xi punt ikun meħtieġ li l-fokus jinbidel. Minn kwantita’ għal kwalita’. Minn espansjoni għal produttivita’. Minn tkabbir numeriku għal tkabbir sostenibbli.

Dan huwa l-veru dibattitu li għandna bżonn illum. Mhux kemm kibret il-popolazzjoni. Imma x’tip ta’ pajjiż irridu nkunu għaxar, għoxrin jew tletin sena oħra.
Irridu pajjiż fejn il-progress jitkejjel biss bin-numru ta’ residenti u bil-GDP? Jew irridu pajjiż fejn il-progress jitkejjel ukoll bil-kwalita’ tal-ħajja, bis-sostenibbilta’, bil-produttivita’ u bil-benesseri tan-nies?

Dawn huma mistoqsijiet li ma jistgħux jibqgħu jiġu evitati. Għax il-fatti huma ċari. Malta llum għandha l-ogħla densita’ tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Qed tesperjenza waħda mill-aktar żidiet mgħaġġla fil-popolazzjoni fuq il-kontinent. U l-pressjonijiet li dan qed joħloq qed jinħassu dejjem aktar.
Għalhekk wasal iż-żmien li niftħu diskussjoni nazzjonali serja dwar il-futur demografiku ta’ pajjiżna. Mhux b’biża’. Mhux b’populiżmu. Imma b’responsabbilta’.

Għax il-futur ta’ Malta ma jistax ikun ibbażat biss fuq kemm nikbru. Irid ikun ibbażat ukoll fuq kemm nikbru b’għaqal. U fuq kemm inkunu kapaċi niżguraw li l-ġid ekonomiku jimxi id f’id ma’ kwalita’ ta’ ħajja li tixraq lill-poplu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading