Sitwazzjoni Serja fil-Ħabs: Aktar Tgħarif Dwar Dak li Ġara l-Bieraħ fil-Ħabs

Dan is-sit irrapporta kif il-bieraħ reġa’ seħħ inċident serju ieħor fil-ħabs. Dan l-inċident serju seħħ fid-Diviżjoni 13. Dak li ġara kompla jixhed ir-realtà diffiċli li qed jiffaċċjaw l-uffiċjali korrettivi kuljum. Ilbieraħ, dan is-sit irrapporta dwar ġlieda li qamet bejn priġunieri fejn fiha intużaw ukoll oġġetti li jaqtgħu, x’aktarx iċ-ċappetti tal-gwardarrobi u rriżulta li kien hemm 2 priġunieri feruti. Is-sitwazzjoni kienet tant gravi li kellha tiġi msejħa l-pulizija biex tinvestiga, u anke ammont ta’ demm mal-art.
Dan l-iżvilupp ma ġiex bħala sorpriża għal ħafna mill-uffiċjali li ilhom jesprimu t-tħassib u r-rabja tagħhom dwar kif qed jitmexxa l-ħabs. Meta tnaqqas il-poteri tal-uffiċjal u tpoġġih f’pożizzjoni fejn ma jistax jinforza d-dixxiplina b’mod effettiv, ir-riżultat inevitabbli jkun kaos u nuqqas ta’ kontroll. L-uffiċjali qed iħossuhom abbandunati, b’sens dejjem jikber li m’għadhomx appoġġjati kif suppost fit-twettiq ta’ xogħolhom.
Sempliċiment jekk tuża l-pepper spray tispiċċa tkun investigat, qalilna uffiċjal. Dan l-aħħar spiċċa tkeċċa uffiċjal għax ħa stsnd u uża forża minima. Ta’ min jgħid li diviżjoni 13 hija waħda partikolari minħabba priġunieri li jkunu fiha bħala kastig wara diviżjoni 6.
Huwa ta’ tħassib ukoll li, skont uffiċjali veterani, prattiċi essenzjali fid-divisions bħala s-searches fuq skala kbira naqsu drastikament, jew xejn. Dawn huma għodod kruċjali biex tinżamm l-ordni u jiġu evitati sitwazzjonijiet perikolużi bħal dawk li rajna l-bieraħ. Meta dawn jitħallew lura, il-messaġġ li jintbagħat huwa wieħed ta’ dgħufija.
Ħafna qed iqabblu s-sitwazzjoni attwali ma’ żminijiet preċedenti, fejn taħt tmexxija aktar soda u strutturata, inċidenti bħal dawn kienu ferm inqas komuni., bħal fi żmien Kurunell Dalli. Illum, hemm sens li l-bilanċ bejn il-kontroll u r-riabilitazzjoni tilef l-ekwilibriju tiegħu, u li ċertu deċiżjonijiet qed jersqu aktar lejn li jiffavorixxu lill-priġunieri milli jżommu l-ordni. Ma’ trid xejn li jiġu l-professjonisti u jwaqqlawlek il-kelma.
Fl-aħħar mill-aħħar, hemm realtà umana li ma tistax tintesa: l-uffiċjali huma nies b’familji li jistennewhom id-dar. Huma għandhom id-dritt li jaħdmu f’ambjent sigur u li jirritornaw lura mingħajr ġrieħi. Meta dan ma jkunx garantit, il-problema ma tibqax biss istituzzjonali, issir kwistjoni ta’ sigurtà u ġustizzja fundamentali.
Wasal iż-żmien li dawn il-vuċijiet jinstemgħu u li jittieħdu passi konkreti biex terġa’ tinbena sistema li tħares kemm is-sigurtà tal-uffiċjali kif ukoll l-ordni fil-ħabs.
