Is-Social Media

Osservatur Politiku

F’dawn l-aħħar snin, il-midja soċjali saret parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum ta’ miljuni ta’ żgħażagħ madwar id-dinja. Dak li beda bħala mezz biex in-nies jikkomunikaw u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, illum sar spazju li jokkupa sigħat twal mill-ġurnata ta’ ħafna adolexxenti. Il-konsegwenzi ta’ dan il-fenomenu qed jibdew jinħassu dejjem aktar, speċjalment fuq is-saħħa mentali taż-żgħażagħ.

Diversi studji internazzjonali qed juru li numru dejjem jikber ta’ adolexxenti qed isibuha diffiċli biex jikkontrollaw il-ħin li jqattgħu fuq il-midja soċjali. Għal ħafna minnhom, il-mobile phone sar l-ewwel ħaġa li jħarsu lejh filgħodu u l-aħħar ħaġa li jaraw qabel jorqdu. Dak li suppost kien għodda sar dipendenza.

Din mhijiex biss problema ta’ ħela ta’ ħin. Hija kwistjoni li tmiss direttament il-benesseri emozzjonali, il-kunfidenza fihom infushom, il-kwalita’ tal-irqad u anke r-relazzjonijiet personali taż-żgħażagħ.

Wieħed irid jagħraf li l-midja soċjali għandha aspetti pożittivi. Tippermetti komunikazzjoni immedjata, tagħti aċċess għal ammont enormi ta’ informazzjoni u tista’ tgħin liż-żgħażagħ jibqgħu konnessi ma’ ħbieb u familjari. Matul il-pandemija, pereżempju, kienet għodda importanti biex ħafna nies iżommu kuntatt ma’ xulxin.

Iżda bħal kull għodda, il-problema tibda meta tintuża mingħajr bilanċ. Illum ħafna żgħażagħ iqattgħu erba’, ħames jew saħansitra sitt sigħat kuljum fuq il-midja soċjali. Xi wħud iqattgħu aktar ħin iħarsu lejn skrin milli jagħmlu attivita’ fiżika, jaqraw ktieb jew iqattgħu ħin mal-familja tagħhom. Dan qed joħloq sfidi ġodda li l-ġenituri, l-edukaturi u s-soċjeta’ kollha jridu jindirizzaw.

Waħda mill-akbar problemi hija l-pressjoni psikoloġika li toħloq il-midja soċjali. Ħafna żgħażagħ iqabblu ħajjithom ma’ dak li jaraw online. Jaraw stampi ta’ nies li jidhru perfetti, vaganzi lussużi, korpi ideali u ħajja li tidher bla problemi. Imma dak li ħafna drabi ma jirrealizzawx huwa li qed jaraw biss parti mill-verita’.

Fuq il-midja soċjali kulħadd juri l-aqwa mumenti tiegħu. Ftit huma dawk li juru l-problemi, il-fallimenti jew id-diffikultajiet tagħhom.

Meta żagħżugħ iqabbel il-ħajja reali tiegħu ma’ verżjoni editjata tal-ħajja ta’ ħaddieħor, jista’ jibda jħossu inferjuri jew mhux biżżejjed tajjeb. Dan jista’ jwassal għal ansjeta’, nuqqas ta’ kunfidenza u anke depressjoni.

Problema oħra hija l-ħtieġa kontinwa għall-approvazzjoni ta’ oħrajn. Ħafna żgħażagħ illum ikejlu l-valur tagħhom bin-numru ta’ likes, followers jew kummenti li jirċievu. Meta post ma jiġix apprezzat kif kienu qed jistennew, xi wħud iħossuhom miċħuda jew mhux importanti. Din hija dinamika perikoluża għaliex il-valur ta’ persuna qatt m’għandu jiddependi fuq l-opinjoni ta’ barranin fuq l-internet.

Il-midja soċjali qed tħalli impatt ukoll fuq il-kwalita’ tal-irqad. Numru kbir ta’ adolexxenti qed jibqgħu online sa tard bil-lejl. Id-dawl tal-iskrin jaffettwa l-mekkaniżmi naturali tal-irqad u jnaqqas il-kwalita’ tal-mistrieħ. Żagħżugħ li ma jorqodx biżżejjed ikun aktar vulnerabbli għall-istress, ikollu diffikultajiet fil-konċentrazzjoni u jista’ jmur agħar fl-istudji tiegħu.

L-iskejjel ukoll qed jinnotaw dawn il-bidliet. Għalliema qed jirrappurtaw aktar problemi ta’ attenzjoni fil-klassi, diffikultajiet biex l-istudenti jiffukaw għal perjodi twal ta’ ħin u dipendenza dejjem akbar fuq apparat elettroniku.
Dan ma jfissirx li t-teknoloġija hija ħażina. Ifisser biss li rridu nitgħallmu nużawha b’mod aktar għaqli. L-isfida mhijiex kif inneħħu l-midja soċjali minn ħajjitna. Dan huwa impossibbli u lanqas mixtieq. L-isfida hija kif noħolqu bilanċ aħjar.

Il-ġenituri għandhom rwol kruċjali f’dan il-proċess. Mhuwiex biżżejjed li jgħidu lil uliedhom biex inaqqsu l-użu tal-mobile. Huwa importanti li jagħtu eżempju huma wkoll. Diffiċli tikkonvinċi lil tifel jew tifla biex iqattgħu inqas ħin fuq l-iskrin jekk il-ġenituri stess ikunu kontinwament fuq it-telefon. Il-familji għandhom joħolqu spazji u mumenti mingħajr apparat elettroniku. Ħin għall-ikel flimkien, attivita’ sportiva jew mixja fil-beraħ jistgħu jkunu passi żgħar iżda importanti.

L-edukazzjoni għandha wkoll rwol fundamentali. L-iskejjel m’għandhomx biss jgħallmu l-użu tat-teknoloġija iżda wkoll il-ġestjoni responsabbli tagħha. Iż-żgħażagħ għandhom jitgħallmu jifhmu kif jaħdmu l-algoritmi, kif il-pjattaformi jfittxu li jżommuhom online u kif jistgħu jipproteġu s-saħħa mentali tagħhom. Litteriżmu diġitali llum sar daqstant importanti daqs il-qari u l-kitba.

Barra minn hekk, hemm bżonn aktar investiment fis-servizzi ta’ appoġġ għas-saħħa mentali. Ħafna żgħażagħ qed jiffaċċjaw pressjonijiet li ġenerazzjonijiet preċedenti qatt ma kellhom jesperjenzaw. Il-bullying online, il-pressjoni soċjali kontinwa u l-espożizzjoni għal ammont enormi ta’ informazzjoni jistgħu jkunu piż kbir fuq moħħ adolexxenti.
Is-soċjeta’ għandha tagħraf li dawn il-problemi huma reali u mhux sempliċement “fażi” li tgħaddi waħedha.

Irridu niftakru li t-tfulija u l-adolexxenza huma stadji uniċi fil-ħajja. Huma ż-żmien meta wieħed jibni l-karattru tiegħu, jiżviluppa l-ħbiberiji, jitgħallem dwar id-dinja u jiskopri l-potenzjal tiegħu. Ma nistgħux inħallu dawn is-snin prezzjużi jiġu dominati kompletament minn skrin. It-teknoloġija għandha tkun għodda li sservi lill-bniedem, mhux il-maqlub.

Jekk irridu nipproteġu s-saħħa mentali tal-ġenerazzjoni li qed tikber, irridu nibdew nitkellmu aktar dwar l-użu responsabbli tal-midja soċjali, noħolqu aktar għarfien u ninkoraġġixxu kultura ta’ bilanċ.

Għax il-problema mhijiex il-mobile jew il-midja soċjali nfushom. Il-problema hija meta l-ħajja virtwali tibda tieħu post il-ħajja reali. U meta jiġri hekk, ma nkunux qed nitilfu biss sigħat quddiem skrin. Inkunu qed nitilfu esperjenzi, relazzjonijiet u mumenti li qatt ma jerġgħu jiġu lura.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading