Opportunità għal kisba tal-Paċi mitlufa.

Minn Edwin Vassallo

Il-Ministru Ian Borg għamel għażla li meta tkellem fil-laqgħa tal-OSCE, attakka lir-Russja. Nemmen li ladarba għamel hekk, huwa tkellem dwar dak li jemmen fih. Madankollu, hemm realtà oħra li seta’ għażel, dik li bħalma qed jagħmel Orban, jitlob li ż-żewġ naħat jagħżlu d-diplomazija u ugwalment iwaqqfu l-ġlied bit-tama li jinstab ftehim u tieqaf il-gwerra.

Ovvjament, aħna f’pajjiżna nisimgħu aktar aħbarijiet li jkunu l-verżjoni tal-Amerika u NATO. Saħansitra wkoll fl-Unjoni Ewropea hemm sforz kbir biex il-gwerra tkompli billi tkun attakkata r-Russja. U ejja ngħidu li kollox huwa tort tar-Russja, kif jgħidu l-Amerikani, NATO u issa l-Unjoni Ewropea. Billi jkun hemm attakk u gwerra dikjarata kontra r-Russja, b’daqshekk se naslu għall-paċi? U nistaqsi jekk tassew iridu l-paċi u l-waqfien tal-ġlied, għaliex se nibqgħu nżidu l-attakki u d-dikjarazzjonijiet ta’ gwerra?

U jekk tassew iridu l-paċi, bl-attakki kontra r-Russja, anki jekk dan il-pajjiż għamel kollox ħażin u ħaqqu l-forka, kif jgħidu l-Amerikani, NATO u l-Unjoni Ewropea, mhux id-diplomazija hija t-triq li finalment tista’ twassal għall-waqfien tal-gwerra?

Fil-fehma tiegħi, hu min hu li għandu t-tort u l-ħtija, hu min hu li għamel il-ħażin kollu, jekk ma rridux gwerra nukleari, jien nemmen li bħala pajjiż kellna nitolbu waqfien tal-ġlied minn kull naħa involuta. Kellna ninsistu bħala pajjiż li naraw li dan il-waqfien ikun dejjiemi billi jkun hemm, jekk ikun hemm il-bżonn, forza għaż-żamma tal-paċi sakemm id-diplomazija tieħu l-ħin tagħha.

Ovvjament, issa ġara dak li ġara u pajjiżna tkellem kif tkellem biex ovvjament ikun qed jitkellem f’sintonija mal-ħbieb tiegħu, l-Amerikani, NATO u l-Unjoni Ewropea. Jien nemmen li tlifna l-opportunità li b’mod sovran ma nkunux seffetturi tal-barrani filwaqt li tassew nkunu newtrali.

Issa huwa fatt li kif kien rapportat li tkellem il-Ministru Ian Borg, fid-diskors tiegħu huwa jibqa’ jiġi mfakkar li kkundanna naħa bla ma ħaseb biex iressaq kull naħa lejn il-waqfien tal-ġlied. Malta tilfet okkażjoni li tkun għal darba oħra f’mument fejn tassew titkellem għall-paċi bla ma tkun favur naħa u kontra oħra. Iż-żmien jagħtina parir.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading