L-Aqwa Żmien

Minn Osservatur Politiku
L-aqwa żmien għadu ġej. Din mhijiex sempliċiment frażi sabiħa li tinstema’ tajjeb f’diskors politiku. Hija twemmin li għandu jkun imsejjes fuq viżjoni, fuq ħidma konkreta u fuq rieda kollettiva li nibnu pajjiż aħjar għal kulħadd. Pajjiż li jħares ’il quddiem b’kuraġġ, iżda li fl-istess ħin ma jinsa qatt il-bżonnijiet reali tan-nies tiegħu.
Meta nitkellmu fuq futur aħjar, irridu nistaqsu lilna nfusna x’ifisser dan fil-prattika. Ifisser li nsaħħu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna biex ikunu jistgħu jibnu ħajjithom f’pajjiżhom stess. Ifisser li nħarsu lejn l-anzjani tagħna b’dinjita’ u rispett, mhux biss bil-kliem iżda bl-azzjonijiet. Ifisser li niżguraw li kull min jgħix f’Malta, irrispettivament mill-opinjonijiet politiċi tiegħu, iħossu parti minn komunita’ waħda li tgħożż il-ġid komuni.
Għal żmien twil wisq, il-politika kienet tiġi interpretata bħala kompetizzjoni kontinwa bejn naħat differenti. Dan huwa parti mid-demokrazija, u għandu l-valur tiegħu. Iżda jekk irridu tassew nibnu futur aħjar, irridu mmorru lil hinn minn din il-mentalita’. Il-futur ta’ pajjiżna ma jistax jiddependi biss fuq min jirbaħ elezzjoni, iżda fuq kemm aħna kapaċi naħdmu flimkien għal dak li hu tassew importanti.
It-tfal tagħna huma l-ewwel prova ta’ dan. Meta nħarsu lejhom, naraw il-potenzjal ta’ pajjiżna. Naraw il-ħolm tagħhom, l-ambizzjonijiet tagħhom u l-possibbiltajiet li jistgħu jiksbu jekk jingħataw l-opportunitajiet it-tajbin. Imma dawn l-opportunitajiet ma jiġux waħedhom. Jeħtieġu investiment serju fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fil-ħsieb kritiku.
Edukazzjoni li ma tiffokax biss fuq il-kwalifiki, iżda li tħejji lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda għal dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel. Dinja fejn it-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-kreattivita’ huma ċ-ċavetta tas-suċċess. Jekk irridu li l-aqwa jiem tagħna jkunu għadhom ġejjin, irridu nibdew billi nagħtu lit-tfal tagħna l-għodod biex jagħmlu minn dan il-futur realta’.
Imma futur aħjar ma jfissirx biss li nħarsu lejn dawk li ġejjin. Ifisser ukoll li nħarsu lejn dawk li tawna kollox: l-anzjani tagħna. Soċjeta’ li tirrispetta lill-anzjani tagħha hija soċjeta’ li tifhem il-valur tal-esperjenza u tal-memorja kollettiva.
Mhux biżżejjed li nitkellmu dwarhom f’okkażjonijiet speċjali jew f’kampanji politiċi. Irridu niżguraw li jkollhom servizzi adegwati, kura tas-saħħa ta’ kwalita’ u, fuq kollox, sens ta’ appartenenza. L-anzjani m’għandhomx iħossuhom iżolati jew minsija. Għandhom iħossuhom parti integrali mis-soċjeta’ tagħna.
Fl-istess ħin, irridu nħarsu lejn il-ħaddiema u l-familji tagħna. Il-ħajja moderna ġabet magħha opportunitajiet kbar, iżda wkoll pressjonijiet ġodda.
Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata sar sfida għal ħafna. L-ispejjeż tal-ħajja, il-prezzijiet tal-proprjeta’ u l-pressjoni ekonomika huma realtajiet li ħafna qed iħossuhom fuq bażi ta’ kuljum.
Futur aħjar ifisser li dawn il-pressjonijiet jitnaqqsu. Ifisser li l-ekonomija tikber, iżda b’mod li jgawdi minnu kulħadd. It-tkabbir ekonomiku għandu jkun mezzi biex intejbu l-kwalita’ tal-ħajja, mhux għan fih innifsu.
Importanti wkoll li nitkellmu dwar l-ambjent. Pajjiżna huwa żgħir, iżda l-isfidi ambjentali huma kbar. L-iżvilupp għandu jkun bilanċjat ma’ protezzjoni reali tal-ambjent naturali tagħna. Il-kwalita’ tal-ħajja mhijiex biss kwistjoni ta’ dħul jew opportunitajiet ekonomiċi, iżda wkoll ta’ spazji miftuħa, arja nadifa u komunitajiet sostenibbli.
Meta ngħidu li l-aqwa żmien għadu ġej, irridu nkunu lesti li nieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli li jagħmlu dan possibbli. Dan jista’ jfisser li nibdlu ċerti drawwiet, li nħarsu lejn il-politika b’mod differenti u li nagħtu prijorita’ lill-ġid komuni fuq l-interessi individwali.
Aspett ieħor importanti huwa l-għaqda nazzjonali.
Pajjiżna huwa żgħir, u dan għandu jkun vantaġġ. Nistgħu nkunu aktar flessibbli, aktar innovattivi u aktar kapaċi nieħdu deċiżjonijiet malajr. Iżda dan jista’ jseħħ biss jekk inkunu kapaċi naħdmu flimkien.
Ma jfissirx li kulħadd għandu jaqbel fuq kollox. Id-differenzi huma parti mid-demokrazija. Iżda hemm affarijiet li għandhom jgħaqqduna: il-futur tat-tfal tagħna, il-benesseri tal-anzjani tagħna, il-prosperita’ tal-ekonomija tagħna u l-protezzjoni tal-ambjent tagħna.
F’dan il-kuntest, irridu wkoll niftakru li Malta hija dar għal kulħadd. Għal dawk li twieldu hawn, għal dawk li għażlu li jgħixu hawn u għal dawk li jikkontribwixxu kuljum għall-iżvilupp tagħha. Irrispettivament mill-affiljazzjoni politika, kulħadd għandu jħossu milqugħ u rispettat.
Il-politika għandha tkun għodda li tgħaqqad, mhux li tifred. Għandha tkun mezz biex insibu soluzzjonijiet, mhux biex noħolqu problemi ġodda. Jekk irridu li l-aqwa jiem tagħna jkunu tassew għadhom ġejjin, irridu nbiddlu wkoll il-mod kif nitkellmu u niddiskutu bejnietna.
Il-futur ma jinbeniex bil-kliem biss. Jinbena b’deċiżjonijiet konkreti, b’ħidma kontinwa u b’impenn kollettiv. Jinbena meta kulħadd jagħti s-sehem tiegħu – il-politiku, il-ħaddiem, il-ġenitur, iż-żagħżugħ u l-anzjan.
Il-potenzjal ta’ pajjiżna huwa kbir. Għandna nies kapaċi, komunita’ vibranti u storja li turina li kapaċi negħlbu sfidi kbar. Imma dan il-potenzjal għandu jitwassal għal realta’ permezz ta’ azzjoni u viżjoni ċara.
Għalhekk, iva – l-aqwa jiem tagħna jistgħu jkunu għadhom ġejjin. Iżda dan mhux se jiġri waħdu. Jeħtieġ li naħdmu għalih, flimkien, b’sens ta’ responsabbilta’ u b’fidi fil-futur tagħna.
Il-futur hu f’idejna. U l-għażliet li nagħmlu llum se jiddeterminaw x’se jkunu dawk il-jiem li tant nemmnu fihom.
