Malta bl-Għola Rata ta’ Mpjieġi fl-Ewropa

Minn Osservatur Politiku

Malta kisbet kisba storika: għall-ewwel darba rreġistrat l-ogħla rata ta’ impjieg fl-Unjoni Ewropea, li laħqet it-83.6%. Din iċ-ċifra, ippubblikata minn Eurostat, tpoġġi lil pajjiżna madwar seba’ punti perċentwali ’l fuq mill-medja Ewropea.

F’termini sempliċi, dan ifisser li proporzjon akbar tal-popolazzjoni Maltija li tista’ taħdem, qed effettivament taħdem, meta mqabbel ma’ kull stat membru ieħor.

Din hija aħbar li, mingħajr dubju, jistħoqqilha tiġi rikonoxxuta. Iżda, bħalma jiġri spiss fil-politika u fl-ekonomija, iċ-ċifri waħedhom ma jirrakkuntawx l-istorja kollha. Għalhekk, filwaqt li huwa importanti li nifhmu x’hemm pożittiv f’din il-kisba, huwa daqstant ieħor essenzjali li nħarsu lil hinn minnha u nistaqsu mistoqsijiet fundamentali dwar x’qed jfisser dan it-tkabbir fl-impjieg għall-kwalita’ tal-ħajja tan-nies u għas-sostenibbilta’ tal-mudell ekonomiku tagħna.

L-ewwel nett, hemm diversi fatturi li wasslu għal din ir-rata għolja ta’ impjieg. Waħda minnhom hija ż-żieda sostanzjali fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Matul dawn l-aħħar snin, aktar nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol, grazzi għal miżuri bħal childcare b’xejn, flessibbilta’ akbar u bidla fil-mentalita’ soċjali. Dan huwa żvilupp pożittiv ħafna, mhux biss ekonomikament iżda wkoll soċjalment, għax jikkontribwixxi għal aktar ugwaljanza u indipendenza ekonomika.

Fattur ieħor huwa ż-żieda kontinwa fil-ħaddiema barranin. L-ekonomija Maltija, biex issostni t-tkabbir tagħha, saret dipendenti b’mod sinifikanti fuq ħaddiema minn barra. Dawn il-ħaddiema jikkontribwixxu b’mod importanti f’diversi setturi, mill-kostruzzjoni sal-kura, mis-servizzi għall-ospitalita’. Mingħajrhom, probabbilment ma kienx ikun possibbli li jintlaħqu dawn iċ-ċifri ta’ impjieg.

Madankollu, hawnhekk jibda wkoll il-bżonn ta’ riflessjoni aktar profonda. Għax filwaqt li rata għolja ta’ impjieg hija indikatur importanti, mhijiex l-uniku wieħed li għandu jiggwida l-politika ekonomika. Irridu nistaqsu: x’tip ta’ impjiegi qed jinħolqu? Huma impjiegi ta’ kwalita’? Qed iħallsu pagi diċenti? Qed joffru sigurta’ u prospetti ta’ avvanz?

Jekk ir-rata għolja ta’ impjieg tkun ibbażata fuq xogħol prekarju, pagi baxxi jew kundizzjonijiet diffiċli, allura r-realta’ tkun inqas pożittiva milli tidher fuq il-karta. Ekonomija b’saħħitha mhijiex waħda li toħloq impjiegi biss, iżda waħda li toħloq impjiegi ta’ kwalita’ li jtejbu l-ħajja tan-nies.

Aspett ieħor importanti huwa l-produttivita’. Jista’ jkun li pajjiż għandu ħafna nies jaħdmu, iżda jekk il-produttivita’ tkun baxxa, il-valur miżjud li jinħoloq ikun limitat. Dan jaffettwa direttament il-pagi, il-kompetittivita’ u s-sostenibbilta’ fit-tul tal-ekonomija. Għalhekk, il-mistoqsija mhijiex biss kemm għandna nies jaħdmu, iżda kemm qed jipproduċu u x’valur qed joħolqu.

Hawnhekk Malta għadha tiffaċċja sfidi. Il-mudell ekonomiku attwali jiddependi ħafna fuq tkabbir ibbażat fuq volum – aktar nies, aktar attivitajiet, aktar konsum. Dan jista’ jwassal għal ċifri impressjonanti fuq żmien qasir, iżda joħloq pressjonijiet kbar fuq l-infrastruttura, l-ambjent u s-servizzi pubbliċi.

Ir-rata għolja ta’ impjieg trid ukoll tiġi analizzata fid-dawl tal-kwalita’ tal-ħajja. Għax jekk aktar nies qed jaħdmu, iżda fl-istess ħin qed jesperjenzaw aktar stress, aktar traffiku, aktar diffikultajiet biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, allura rridu nistaqsu jekk dan huwiex progress veru.

Il-prezz tal-propjeta’, il-kera, il-ħin li nqattgħu fit-traffiku u l-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni huma kollha fatturi li jinfluwenzaw il-ħajja ta’ kuljum. Tkabbir fl-impjieg li ma jindirizzax dawn ir-realtajiet jista’ jwassal għal sens ta’ frustrazzjoni fost il-popolazzjoni.

Hemm ukoll dimensjoni soċjali li ma nistgħux ninjoraw. Żieda mgħaġġla fil-popolazzjoni attiva, partikolarment minħabba immigrazzjoni, teħtieġ ippjanar serju u investiment kontinwu. Inkella, ir-riskju huwa li jinħolqu tensjonijiet soċjali u pressjonijiet fuq il-komunitajiet lokali.

Dan ma jfissirx li għandna naraw l-impjieg għoli bħala problema. Bil-maqlub, huwa riżultat li juri ċertu dinamika ekonomika u opportunitajiet li qed jinħolqu. Iżda jfisser li rridu nkunu maturi biżżejjed biex narawh fil-kuntest sħiħ tiegħu.

Il-politika ekonomika trid timxi pass lil hinn minn sempliċi ċelebrazzjoni taċ-ċifri. Trid tiffoka fuq il-kwalita’ tal-impjiegi, fuq il-produttivita’ u fuq il-benesseri ġenerali tas-soċjeta’. Dan jitlob investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-ħiliet, sabiex il-ħaddiema Maltin ikunu jistgħu jokkupaw impjiegi b’valur miżjud għoli.

Jeħtieġ ukoll viżjoni aktar ċara dwar id-direzzjoni ekonomika tal-pajjiż. Diversifikazzjoni tas-setturi, investiment f’teknoloġija u innovazzjoni, u enfasi fuq sostenibbilta’ huma kollha elementi essenzjali biex dan it-tkabbir fl-impjieg ikun sostenibbli fit-tul.

Il-kisba tal-ogħla rata ta’ impjieg fl-Unjoni Ewropea hija pass importanti. Hija turina li Malta kapaċi toħloq opportunitajiet u tattira attivita’ ekonomika. Iżda hija wkoll mument li għandu jservi bħala punt ta’ riflessjoni.

Għax il-mistoqsija vera mhijiex jekk għandniex aktar nies jaħdmu minn pajjiżi oħra. Il-mistoqsija vera hija jekk dan it-tkabbir hux qed iwassal għal ħajja aħjar, aktar dinjituża u aktar sostenibbli għan-nies kollha.

Jekk inżommu dan il-prinċipju quddiem għajnejna, nistgħu nibnu fuq din il-kisba u nibdluha f’suċċess reali u fit-tul. Jekk le, nirriskjaw li nħarsu lejn ċifri sbieħ filwaqt li ninjoraw ir-realtajiet li jħossu n-nies kuljum.

Għalhekk, iva – ejjew napprezzaw din il-kisba. Imma fl-istess ħin, ejjew nużawha bħala opportunita’ biex niddiskutu b’mod serju x’tip ta’ ekonomija rridu u x’tip ta’ soċjeta’ nixtiequ nibnu għall-futur.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading