Hemm bżonn ġurnaliżmu serju qabel ma jkun tard wisq
Romegas
L-Istazzjon Ġermaniż Deutsche Welle għadu kif ħareġ dokumentarju imsejjaħ ‘Power Failure in Germany – Horror Story or Genuine Possibility?’. Qed nirriproduċih hawn taħt u nħeġġeġ lil kulħadd biex jarah.
M’hemm xejn ġdid fih għal min għandu naqra t’idea tax-xjenzi u l-kumplessità li hemm bżonn biex tipprovdi l-enerġija fuq skala industrijali u għal min fuq kollox għad għandu naqra sens komun. Madankollu kif għidt inħeġġiġkom tarawh, mhux lanqas sabiex tkunu tistgħu tikkomparaw analiżi adulta mal-mod infantili u propogandistiku kif ix-xandir u l-midja tagħna jittratta dan is-suġġett tant kruċjali għall-eżistenza u l-prosperità tagħna.
Kien ikun tajjeb li kieku il-politiċi responsabbli bħalma hi l-ministru Miriam Dalli kif ukoll il-kelliem tal-opożizzjoni fuq l-enerġija ikollhom idea fuq il-materja li responsabbli minnha – imma waħda eks-ġurnalista mal-One u ggradwata fil-liġi u l-komunikazzjoni u l-ieħor avukat u kull meta jiftħu ħalqhom jew jipproponu xi ħaġa dawn juru l-faqar fit-tagħrif tagħhom dwar is-suġġett. Kien ikun aħjar ukoll li kieku għandna midja serja li kapaċi teduka u tanalizza affarijiet serjissimi bis-serjetà li jixirqilhom.
Hemm żewġ tipi ta’ nies li jinsistu li għandna bżonn ninvestu dejjem iżjed f’meżżi ta’ enerġija hekk imsejħa ‘rinnovabbli’: il-kretini u l-kredenti – il-kretini jaħsbu li x’imkien dejjem hemm ir-riħ jonfoħ u x-xemx tiddi u li għalhekk l-enerġija nistgħu nipprovduha ‘b’xejn’ – u għalhekk huma sempliċiment inkapaċi li jifhmu aħseb u ara jargumentaw realtajiet kontrarji mentri l-kredent, dak li jemmen fil-kult tal-klima – tista’ ġġiblu kemm trid informazzjoni u argumenti kontra iżda xorta waħda jara xi skuża ser jivvintà biex jiġġustifika il-għala sors ta’ enerġija daqshekk għalja u intermittenti hija xorta waħda neċessarja. Dawn tal-aħħar huma l-akbar periklu għax fanatiċi u mal-fanatiku ma tistax tirraġuna iżda li kieku kellna politiċi umli u midja li timpjega ġurnalisti sura – li kieku dawn iż-żewġ tipi ta’ nies jiġu eżaminati kuljum bla ħniena u umiljati pubblikament għan-nuqqas ta’ serjetà tagħhom tant li eventwalment isiru figuri ta’ redikolu fost l-adulti.
Iżda m’għadx għadna nipproduċu politiċi ta’ kalibru u l-ġurnaliżmu serju ilu li għosfor minn pajjiżna – tant li llum għandi dubji serji kemm ġurnalist imħarreġ tajjeb u serju u li mhux lest ibiegħ ruħu kapaċi jiġi impjegat f’pajjiżna – għax tali ġurnaliżmu bilfors ikollu jisfida l-mantra u l-ortodossija tal-establishment. Għalhekk qatt m’aħna ser naraw analiżi serja tal-frodi massiċċa wara l-hekk imsejħa enerġija rinovabbli, u wisq anqas m’aħna ser nifhmu dwar il-bużullotti xjentifiċi wara t-teorija tad-tibdil tal-klima. Hawn imqar ġurnalist wieħed li kapaċi jindaga il-qerq li hemm fis-suġġett tal-‘climate modelling’ u l-pronostiċi fantastiċi dwar il-klima? Hawn imqar ġurnalist li lest jindaga kif jingħatu l-fondi għar-riċerka? Jekk dawn jingħatux sabiex jagħmlu riċerka indipendenti jew jekk il-flejjes mit-taxxi tagħna humiex jintużaw biex jippromwovu narrattiva partikolari?
Di mhix xi ħaġa impossibbli – l-informazzjoni qiegħda hemm barra għal min lest ifittixha – kull m’għandek bżonn huwa idea bażika ta’ kif jaħdmu l-grids tal-elettriku imma donnu lanqas s’hemm m’għadna kapaċi naslu – dan per eżempju huwa biss artiklu wieħed fost l-eluf li jeżistu. Wasalna fil-punt fejn it-tagħrif mhux talli jiġi injorat iżda saħansitra jekk għandek dan it-tagħrif – huwa garanzija li ma tiġix impjegat. L-injuranza saret status symbol u ċertifikat li bih wieħed jista’ jitkellem u jiddeċiedi dwar affarijiet li m’għandu l-ebda idea realistika dwarhom.
Qatt ma kellna politikanti daqshekk inkapaċi u qatt ma kellna midja daqshekk intellettwalment u moralment defiċjenti. Il-Problema dejjem tamplifika ruħha għax il-maġġoranza assoluta tal-politikanti jieħdu l-pariri u l-informazzjoni minn din il-midja tal-ħabba gozz bil-konsegwenza li jgħixu f’bużżieqa ta’ injoranza totalment ddivorzjata mir-realta’. Din ir-realta’ tal-waħx mhix limitata biss għal suġġetti kumplessi bħall-provista tal-enerġija imma tista testendiha għal kull suġġett importanti ieħor – m’hemmx imqar suġġett wieħed fejn il-midja tagħna lesta tindirizzah bir-reqqa u s-serjetà – u m’hemmx dubju li l-midja tagħna tal-lum tassumi li l-qarreja u l-ispettaturi tagħha huma stupidi fuq is-suġġetti li tippontifika dwarhom daqsha.
Dik il-bużżieqa xi mument jew ieħor trid tinfaqa’.
