Malta: Mhux Aktar, iżda Aħjar

Minn Osservatur Politiku

Hemm mument meta pajjiż irid jieqaf u jistaqsi lilu nnifsu mistoqsija sempliċi, iżda diffiċli: sa fejn nistgħu nibqgħu nikbru mingħajr ma nibdew nitilfu dak li jagħmilna pajjiż?
Għal snin twal, tkellimna dwar it-tkabbir ekonomiku bħala suċċess. U bir-raġun. Malta għamlet progress ekonomiku enormi. Żdiedu l-impjiegi, kibru n-negozji, żdiedu l-investimenti u ħafna familji gawdew minn livell ta’ għajxien aħjar.
Imma llum qed niffaċċjaw realtà li ma nistgħux nibqgħu ninjoraw. Malta hija pajjiż żgħir b’riżorsi limitati, u t-tkabbir ma jistax jitkejjel biss bin-numru ta’ binjiet, karozzi, toroq, appartamenti u nies li nżidu kull sena.
Għax pajjiż jista’ jikber fuq il-karta u fl-istess ħin jonqos fil-kwalita’ tal-ħajja. Din hija l-problema li rridu niddiskutu b’aktar serjeta’.
Meta kull rokna ta’ pajjiż tkun taħt pressjoni, il-konsegwenzi jibdew jinħassu fil-ħajja ta’ kuljum. Aktar traffiku. Aktar konġestjoni. Aktar pressjoni fuq l-elettriku u l-ilma. Aktar skart. Aktar domanda għall-isptarijiet u l-iskejjel. Aktar pressjoni fuq it-toroq u l-infrastruttura. Aktar bini u inqas spazji miftuħa. U finalment aktar stress fuq il-bniedem.
Ma nistgħux nibqgħu nippretendu li kull problema tista’ tissolva billi nibnu aktar.
Jekk hemm aktar nies, għandna bżonn aktar djar. Jekk hemm aktar djar, għandna bżonn aktar toroq, skejjel, servizzi u infrastruttura. Jekk hemm aktar karozzi, għandna bżonn aktar spazju għat-traffiku u l-parkeġġ. Jekk għandna aktar attivita’ ekonomika, għandna bżonn aktar enerġija, aktar ilma u aktar riżorsi.
Imma Malta mhijiex bla limitu. Din mhijiex kwistjoni kontra l-bini. Mhijiex kwistjoni kontra n-negozju. U lanqas hija kwistjoni kontra l-immigrazzjoni jew kontra min jiġi Malta biex jaħdem u jagħti kontribut lill-ekonomija. Hija kwistjoni ta’ skala.
Il-mistoqsija mhijiex jekk għandniex bżonn ekonomija b’saħħitha. Naturalment għandna. Il-mistoqsija hija x’tip ta’ ekonomija rridu nibnu. Għal wisq żmien, is-suċċess ekonomiku tagħna ġie assoċjat mal-idea li aktar huwa dejjem aħjar. Aktar popolazzjoni. Aktar konsum. Aktar kostruzzjoni. Aktar żvilupp. Aktar traffiku. Aktar attivita’. Imma aktar mhux dejjem ifisser aħjar.
Jekk inżidu n-numru ta’ nies iżda ma nżidux il-produttivita’, il-pagi reali u l-kwalita’ tas-servizzi, ma nkunux qed noħolqu mudell sostenibbli. Jekk nibnu aktar appartamenti iżda l-familji jkollhom jgħixu f’ambjent aktar storbjuż u konġestjonat, x’se jkun il-benefiċċju reali? Jekk l-ekonomija tikber iżda l-ħin li nqattgħu fit-traffiku jiżdied, il-kwalita’ tal-ħajja tkun qed titjieb jew sejra lura? Dawn huma l-mistoqsijiet li pajjiż responsabbli għandu jagħmel.
Il-kostruzzjoni hija eżempju ċar. Għandna bżonn djar. Għandna bżonn investiment. Għandna bżonn infrastruttura moderna. Iżda żvilupp mingħajr viżjoni nazzjonali jista’ jwassal għal riżultat li fih kull proġett individwali jagħmel sens, iżda l-pajjiż kollu jitlef. Għax Malta mhijiex ġabra ta’ proġetti separati. Hija sistema waħda.
Meta nibnu blokk ġdid, irridu nistaqsu x’se jiġri mit-traffiku. Fejn se jipparkjaw in-nies? Kemm se jkun hemm domanda għall-ilma? X’se tkun il-pressjoni fuq is-sistema tad-drenaġġ? Kemm se jkollna bżonn enerġija? Hemm spazju għall-iskejjel u għall-faċilitajiet tas-saħħa? X’se jiġri mill-ispazji miftuħa madwaru? Jekk dawn il-mistoqsijiet ma jsirux qabel, xi ħadd ikollu jħallas il-prezz wara. U normalment dak xi ħadd ikun il-pubbliku.
Il-Gvern għalhekk għandu responsabbilta’ li ma jħarisx biss lejn il-permess individwali jew lejn l-investiment individwali, iżda lejn il-kapaċita’ tal-pajjiż kollu. Għandna bżonn viżjoni li tgħid mhux biss fejn nistgħu nibnu, iżda wkoll fejn m’għandniex nibnu.
Għandna bżonn nippjanaw fejn se jgħixu n-nies, fejn se jaħdmu, kif se jivvjaġġaw, kif se nimmaniġġjaw l-ilma u l-enerġija, u kemm spazju miftuħ irridu nħallu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Il-kelma “carrying capacity” m’għandhiex tibqa’ espressjoni teknika f’dokument. Trid issir prinċipju li jiggwida d-deċiżjonijiet tagħna. Għax pajjiż għandu l-limiti tiegħu. Jekk nibqgħu nżidu l-popolazzjoni b’rata mgħaġġla, irridu nżidu wkoll il-kapaċita’ infrastrutturali. Inkella l-pressjoni tinħass fil-ħajja tan-nies.
U hawn tidħol ukoll il-kwistjoni tal-mudell ekonomiku. Jekk l-ekonomija tagħna teħtieġ kontinwament aktar nies sabiex tibqa’ tikber, irridu nistaqsu jekk dan hux verament il-mudell li rridu għall-futur.
Malta għandha tkun qed timxi minn ekonomija bbażata fuq il-kwantita’ għal ekonomija bbażata fuq il-kwalita’. Aktar produttivita’. Aktar innovazzjoni. Aktar teknoloġija. Aktar ħiliet. Aktar valur miżjud. Pagi aħjar. Impjiegi ta’ kwalita’ ogħla. Dan ifisser li l-istess ammont ta’ nies jista’ joħloq aktar ġid mingħajr ma jkollna għalfejn inżidu l-popolazzjoni bla waqfien.
L-għażla tagħna ma tistax tkun bejn tkabbir ekonomiku u l-kwalita’ tal-ħajja. Irridu t-tnejn. Imma dan jirrikjedi kuraġġ politiku. Għax huwa faċli tgħid iva għal proġett ġdid. Huwa faċli tħabbar investiment ġdid. Huwa faċli tgħid li l-ekonomija qed tikber. Huwa ħafna aktar diffiċli tgħid: biżżejjed.
Biżżejjed bini f’ċerti żoni. Biżżejjed pressjoni fuq infrastruttura li diġa’ waslet fil-limitu. Biżżejjed ippjanar li jħares lejn il-proġett u mhux lejn il-pajjiż. Li tgħid “biżżejjed” mhuwiex kontra l-progress. Xi kultant huwa l-uniku mod kif tipproteġi l-progress.
Irridu pajjiż fejn it-tfal tagħna jkollhom fejn jilagħbu, fejn il-familji jkollhom spazji miftuħa, fejn anzjan ikun jista’ joħroġ mingħajr ma jibża’ mit-traffiku, fejn persuna ma tqattax sigħat kuljum fil-karozza u fejn il-komunitajiet jibqgħu komunitajiet.
Irridu wkoll pajjiż fejn min jinvesti jħoss li l-investiment tiegħu għandu futur. Dan ma jsirx billi nibqgħu nibnu mingħajr limiti. Isir billi jkollna ppjanar ċar, regoli stabbli u viżjoni fit-tul. Malta ma tistax tibqa’ tippjana sena b’sena jew leġiżlatura b’leġiżlatura.
Għandna bżonn nistaqsu fejn irridu nkunu fl-2035, fl-2050 u lil hinn. Kemm nies irridu li jgħixu Malta? X’tip ta’ impjiegi rridu? Kemm bini nistgħu nassorbu? Kemm spazju miftuħ irridu nħarsu? Kemm enerġija u ilma nistgħu nipproduċu? Kif se nimxu minn post għall-ieħor? U fuq kollox, x’tip ta’ kwalita’ tal-ħajja rridu nħallu lit-tfal tagħna? Dawn mhumiex mistoqsijiet għal għada. Huma mistoqsijiet tal-lum.
Għax Malta ma tistax tespandi fiżikament bla limitu. Meta nibnu art, ma nistgħux nerġgħu niksbuha faċilment. Meta nitilfu spazju miftuħ, ma nistgħux noħolquh mill-ġdid bl-istess mod. Meta l-infrastruttura tasal fil-limitu tagħha, ma nistgħux nistennew li n-nies jibqgħu jġorru l-piż bla tmiem.
Il-ġenerazzjoni tagħna għandha għażla. Nistgħu nkomplu nkejlu s-suċċess bin-numri biss. Jew nistgħu nibdew nkejlu s-suċċess bil-kwalita’.
Pajjiż b’saħħtu mhuwiex dak li fih hemm l-aktar bini. Mhuwiex dak li fih hemm l-aktar karozzi. Mhuwiex dak li fih hemm l-aktar konsum. Pajjiż b’saħħtu huwa dak li kapaċi jagħti lin-nies tiegħu ħajja tajba, ekonomija b’saħħitha, ambjent li jista’ jitgawda u servizzi pubbliċi li jaħdmu.
Għalhekk, il-mistoqsija “sa fejn se nibqgħu nżommu?” m’għandhiex titqies bħala mistoqsija pessimista. Hija mistoqsija ta’ responsabbilta’. Għax jekk ma niddeċidux aħna fejn huma l-limiti tagħna, eventwalment il-limiti jiddeċiedu huma għalina. U meta naslu hemm, jista’ jkun tard wisq biex nirritornaw lura.
Malta ma għandhiex għalfejn tieqaf tikber. Imma għandha bżonn titgħallem tikber b’mod differenti. Mhux aktar. Aħjar. Mhux kwantita’. Kwalita’. Mhux pajjiż mibni sal-aħħar pulzier, iżda pajjiż mibni għall-bniedem.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading