Where your opinion counts

M’hemmx agħar minn gvern f’paniku: il-messaġġ tal-bieraħ fil-Birgu jikkonferma dan.

Minn qarrej ta’ dan il-blogg.

Jekk wieħed qagħad jinnota sew il-body language tal-Prim Ministru l-Ħadd li għadda, wieħed seta’ jinnota li l-espressjoni ta’ wiċċu kienet waħda ta’ paniku. Anke l-messaġġ tiegħu kien jirrifletti dan.

Il-messaġġ li għadda lbieraħ l-istess Prim Ministru fuq il-Monument tal-Ħelsien kien wieħed biex fih jgħid li ser iqassam iċ-ċejca. Infakkar li din kienet attività tal-Partit Laburista. Din intużat biex fiha li-Prim Ministru ħabbar sensiela ta’ benefiċċji li l-gvern ser ikun qed iqassam. Dan juri kif dan il-gvern jinsab f’paniku wara li ra l-popolarità tiegħu u tal-Prim Ministru nieżla ‘l isfel b’mod qawwi f’sena. Infakkar li l-elezzjoni ġenerali saret is-sena l-oħra. L-attendenza lbieraħ il-Birgu kienet waħda batuta ħafna. Imn’alla kien hemm il-ministri u nies tagħhom li jaħdmu fil-ministeri għaliex kieku l-attendenza kienet tkun ifqar. Imsomma, il-Ħelsien spiċċa bħal festi tal-Indipendenza tal-PN. In-nies ma għadhiex tinteressa ruħha fihom.

Wieħed isaqsi, għaliex qed jiġri dan kollu lill-Partit Laburista? Dan qed jiġri għal fatt li l-gvern inħataf minn arroganza liema bħala għax ra li għandu maġġoranza kbira ħafna u ħaseb li ħadd ma jista’ għalih. Però l-voti jiġu malajr u jitilqu malajr. Hekk ġralu l-PN u hekk qed jiġrilu l-Lejber. Ħaġa fundamentali li nesa l-gvern hi, li l-ħażin jidher iktar mit-tajjeb li tkun għamilt. Hu għalhekk li l-Prim Ministru fid-diskorsi tiegħu qed joqgħod isemmi t-tajjeb li għamel il-gvern Laburista.

Il-poplu jistà jkun li forsi fil-bidu kien għadu entużjast u ferħan b’ċertu riformi li bdew isiru u għalaq għajnejh, imma issa jidher li mhux ser iħalli ċertu arroganza u korruzzjoni tibqa’ għaddejja. Il-gvern irid jifhem darba għal dejjem li dawn il-kummiedji, kif sejħitilhom il-kamra tal-kummerċ, iridu jieqfu. Dejjem jekk dan il-gvern ikun irid ikampa.

Il-Prim Ministru irid jeħles minn dawk il-ministri li sal-lum m’għamlu xejn biex jiġġieldu l-impunità jew addirittura jiddefendu persuni li kienu għaddejjin minn proċeduri kriminali kontra tagħhom u mbagħad biex tkompli tgħaxxaqa nstabu ħatja mill-qorti. Il-Prim Ministru irid jeħles minn min sena wara l-oħra qal li ser isolvi l-problema li hemm fuq Kemmuna imma minflok qed jgħaddi ż-żmien bin-nies għax għandu interess personali. Il-Prim Ministru irid jeħles minn ministri li l-qorti tat sentenzi kontrihom. Wieħed irid jiftakar li l-ewwel liġi li għadda dan il-gvern kienet li tneħħiet il-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi. Dan ifisser li għada, pitgħada jistgħu jittieħdu passi kontrihom fil-qorti.

Il-Prim Ministru tliet snin ilu kien tana l-impressjoni li hu ser ikun differenti minn Joseph Muscat, imma fil-verità ma rajna l-ebda differenza, imma biss kontinwazzjoni. Il-Prim Ministru m’għandu jiddefendi lil ħadd u min jagħmel il-ħażin għandu jħallas bħal kull ċittadin ieħor. B’hekk biss jista’ jerġa’ jakkwista l-fiduċja tal-elettorat. Altrimenti iseħħ dak li qalli delegat tal-istess Partit Laburista, “qbadna t-triq għan-niżla”.

Advertisements

Fl-aħħar mill-aħħar, il-Prim Ministru has to walk the talk u ma jistax jibqa’ jibża’ min-nies u lanqas ma jiltaqa’ magħhom. Laburisti ġenwini qaluli li ppruvaw jiltaqgħu mal-Prim Ministru biex ikellmuh u dan min-naħa tiegħu bagħathom għand il-ministru kkonċernat. Wieħed minn dawn il-Laburisti ġenwini qalli li dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li kien jagħmel Joseph Muscat li kien jiltaqa’ ma’ kulħadd anke tard bil-lejl. Biex inkun għidt kollox, dan il-Laburist hu mweġġa’ u wrtat ta’ kif ittrattah il-Prim Ministru. Huwa qalli hekk:

issa meta jċempluli biex immur nivvota (għax ma jridx jivvota) ngħidilhom jien fejn nibgħathom jivvutaw. Nazzjonalisti ma nasalx nivvota, imma l-Labour din id-darba ma nivvutax ħalli jitgħallmu ma tikbrilhomx rashom”.

Għalhekk għalxejn titqassam iċ-ċejċa għax mhux dan li jrid il-poplu. Jidher li dik it-tattika m’għadiex taħdem iktar. Hemm bżonn ta’ politiċi serji, politiċi ndaf u ħielsa minn kull sentenzi tal-qorti jew dellijiet ta’ korruzzjoni. Hemm bżonn ta’ politiċi u Prim Ministru qrib in-nies. Mhux biex sempliċiment ikunu qrib in-niesm imma li verament jagħtu kas in-nies. Fl-aħħar mill-aħħar, il-poplu jrid iħossu sigur u safe f’pajjiżu stess. Hemm bżonn li l-gvern jgħati widen għal dak li qed jgħid il-poplu u jindirizza bis-serjetà s-sigurtà f’pajjiżna. Dan il-gvern bravu ħafna għall-propoganda u x-xinxilli, imma l-poplu, li jgħix fit-toroq tagħna u jaf x’hini l-verità, mhux ħa jibla l-ebda statistika jew studju li pajjiżna huwa sigur u li naqset il-kriminalita’.

Għalhekk wieħed jistenna li wara l-festi tal-Għid il-Kbir, il-Prim Ministru ma jħallix kontiwazzjoni ta’ dak li qed jiġri bħalissa, imma verament ibiddel id-direzzjoni u f’pajjiżna tibda’ terġa tirrenja s-serjetà, is-saltna tad-dritt u pajjiż ħieles minn kull korruzzjoni li fniet lil Malta u Għawdex li tant inħobbu. Hekk biss tiġi akkwistata l-fiduċja u nkunu pajjiż verament Ewropew mhux billi nqassmu ċ-ċejċa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *