Where your opinion counts

Għala l-Oppożizzjoni qed tikkundanna biss lill-Prim Ministru u b’ħalqha magħluq dwar il-membru tal-ġudikatura li tkellem miegħu?

Bħalissa għaddej battibekk bejn iż-żewġ partiti politiċi l-kbar dwar id-diskussjoni li huwa mifhum li saret bejn il-Prim Ministru u membru tal-ġudikatura Maltija. Il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li nkissret għal kollox l-etika min-naħa tal-Prim Ministru li tkellem ma’ imħallef jew maġistrat fuq ix-xogħol tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Lejber qed jiddefendi dan il-fatt.

Tiskanta kif l-attakk mill-Oppożizzjoni qed isir biss fuq il-Prim Ministru li ammetta li għamel din id-diskussjoni imma imkien ma ssemma l-fatt li fid-diskussjoni kien hemm ukoll membru tal-ġudikatura. Ħadd minn dawk li qed jikkundannaw dan il-fatt ma lissen kelma li anke dan jew din il-membru naqas jew naqset mill-professjonalita’ tagħha. Ħadd donnu mhu qed jikkundanna lil dan il-membru li pparteċipa fid-diskussjoni mal-Prim Ministru. La r-Repubblichini u l-anqas il-President tal-Kamra tal-Avukati ma tkellmu fuq dan il-fatt. L-ebda wieħed minnhom ma kkundanna lil dan il-membru tal-ġudikatura bi ksur tal-kodiċi ta’ proċedura – jekk verament jemmnu li f’din ħaġa nkiser dan il-kodiċi.

Mela jekk għandna naqblu li l-Prim Ministru naqas fl-etika tiegħu, l-istess ħaġa għamel dan il-membru meta kompla bid-diskussjoni tiegħu mal-Prim Ministru. Dan il-membru suppost jaf sewwa x’titlob l-etika professjonali tiegħu u missu warrab minn diskussjoni li implikat ix-xogħol tiegħu. Missu kien hu li ġibed l-attenzjoni tal-Prim Ministru li diskussjoni bħal dik mhix f’postha. Ma rridx infisser li l-Prim Ministru ma naqasx mid-dmirijiet tiegħu jekk verament diskussjoni bħal dik kienet tmur għal kollox kontra l-pożizzjoni li huwa jħaddan.

Infakkar li l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija fejn sejjaħ lil Robert Abela biex jirtira l-kummenti tiegħu dwar il-ġudikatura. Qed jintalab ukoll jiskuża ruħu għall-eżempju ħażin li qed jagħti. Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq illi f’soċjeta demokratika ma jistax ikun li l-Prim Ministru jitkellem fuq din it-tip ta’ diskussjoni ma’ membru tal-ġudikatura. Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li l-Prim Ministru jaf li suppost dawn il-membri għandhom id-dover biex ma jikkumunikawx ma ebda persuna dwar xogħolhom.

Għal darba oħra qed naraw kif il-Partit Nazzjonalista ħsiebu biss biex jattakka lill-Prim Ministru biex jipprova jakkwista xi ftit punti politiċi. Imma li kieku ried ikun konsistenti, il-Partit Nazzjonalista missu attakka wkoll lil dan il-membru tal-ġudikatura għaliex anki hu kiser il-kodiċi tal-etika. Għalhekk jekk verament inkiser il-kodiċi tal-etika, kif qed timplika l-Oppożizzjoni, l-Oppożizzjoni għandha titlob għall-inkjesta u jekk hemm bżonn tressaq impeachment kontra dan il-ġudikant fil-parlamenti, jiġifieri titlob lill-kamra għat-tneħħija tiegħu jew tagħha.

Imma dak li jiskantak kif fl-aħħar tad-dikjarazzjoni tiegħu, il-Partit Nazzjonalista ma għamel ebda referenza lejn l-iżball li suppost wettaq dan il-membru tal-ġudikatura. Jekk l-Oppożizzjoni riedet tkun konsistenti, messa tkellmet fuq it-tnejn u mhux tillimita d-diskussjoni tagħha biss kontra l-Prim Ministru. B’hekk l-argument tagħha ma baqgħax kredibbli.

One thought on “Għala l-Oppożizzjoni qed tikkundanna biss lill-Prim Ministru u b’ħalqha magħluq dwar il-membru tal-ġudikatura li tkellem miegħu?

  1. Sur indannat , ghala hedd tabbed ghal qrati ghax avukati bhalek ( insomma int avukat tan nuna ) . Dik kliemek , bhala employer il prim ministru ma jistax iwissi lil min mhux qed jaqdi dmiru skont il gurament li ha? Qlajtu 13 it tkaxkira u ma tallimtu xejn. Ibqaw sejrin hekk ghal rebha Akbar lil partit Laburista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *