Where your opinion counts

Il-qtil ta’ Pelin Kaya, Sion Grech u l-kummenti tal-Maġistrat Mifsud

Minn esponent legali

Ilkoll qrajna dwar it-traġedja li kellna ġewwa l-Gżira fejn Pelin Kaya, mara ta’ tletin sena u fil-fjur ta’ ħajjitha nqatlet intortament sempliċiment għax kienet fil-post ħażin fil-ħin ħażin. Direttament inqatlet minn persuna li jidher ċar li kien fuq l-effett tad-drogi. Fuq kollox inqatlet minn persuna li ilu li xilef duffrejh mal-liġi. In-Nazzjonalità ta’ Jeremie Camilleri hija rrelevanti. Dak li huwa relevanti u dan sar l-argument prinċipali wara dan id-delitt li l-agħar elementi fis-soċjetà li qed jgħixu fostna donnhom dejjem iżjed jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu b’impunità.  Ħadd ma jista’ jinnega li l-ammont ta’ qżież u ħara li qed naraw illum jisboq bil-ferm kwalunkwe ħaġa li nies tal-età tiegħi – jiġifieri dawk li għexu t-tfulija tagħhom fis-sebgħinijiet u tmeninjiet – konna naraw jew nisimgħu. F’dawk iż-żminijiet kellna delitti imma qatt rajna daqshekk fi żmien qasir. Imma rridu nammettu li dan is-sens ta’ impunità daħħlitha l-politika liberali. Dik l-istess politika li qaltilna li trid tagħmel minn Malta ċentru tal-Kannabis!

In-nies bir-raġun qed jgħidu li bħal ħafna kriminali oħra, Camilleri tħalla jiġġerra mas-saqajn. Fi kliem ieħor, Camilleri ma setax ma jikkonkludix li jista’ jagħmel li jrid mingħajr ma jsofri konsegwenzi ta’ għemilu. Dan hu minnu. Kellu numru ta’ inċidenti bil-karozzi tiegħu. Ma ninsewx kien ħati ta’ diversi reati kriminali – fl-2012 kellu jintbgħat sena ħabs iżda ħelisha b’sentenza sospiża. Fit-2021, minkejja li kien qed jikser ‘it-tieni probation order’ u nqabad jisraq u minkejja s-sinjali li dan kien bniedem irriformabbli u allura periklu ċar għal ħaddieħor, ingħata ċans ieħor. Imma wieħed irid iżid li l-ammont ta’ serq li nqabad jisraq kien żgħir u b’hekk kien diffiċli għall-maġistrata biex tikkundannah il-ħabs.

Waqt li wieħed jifhem l-ispirtu tal-qrati li jagħtu ċ-ċans li persuna li tirriforma ruħha, u dan l-ispirtu għandu jibqa’, il-każ ta’ Camilleri ma jurix biss kemm xi drabi huwa diffiċli li jkun hemm riformi wara snin sħaħ ta’ ħsara kkawżati wisq probabbli minn attitudni li ma jrid l-ebda għajnuna mill-ħafna faċilitajiet edukattivi li ġej ikkreati biex jgħinu lil tfal f’diffikulta’. B’hekk naqbel mal-kumment li għamel il-Maġistrat Mifsud li ċertu nies li ma jridux jgħix b’mod ċivili, ma jistgħux jitħallew jiġru barra.

Dak li hemm bżonn huwa li nindmu minn għemejjel ħżiena. Hemm bżonn li nindmu ġenwinament u mhux sempliċiment nilagħbu l-logħba sabiex nitfgħu l-problemi taħt it-tapit. B’hekk ħadt pjaċir immens bil-kummenti f’waqthom li għamel il-Maġistrat Joe Mifsud. Imma Maġistrati bħal Mifsud huma kkundannati li jibqgħu maġistrati.

Kienet is-sistema Kristjana jew aħjar Kattolika li introduċit il-kunċett tal-maħfra, imma miegħu rabtet l-indiema u l-penitenza. Min ġenwinament huwa riformabbli, l-ewwelnett irid jaċċetta l-ħaqq għax jemmen li l-ġustizzja trid isseħħ. It-tieni irid juri min jheddu li jpatti għall-ħsara li għamel. Bir-raġun, dan li qed titlob il-familja ta’ Pelin Kaya. Mhux vendikazzjoni imma ġustizzja.

Il-verità hi li Pelin Kaya hija vittma żejda. Persuna li illum imissha għadha tgawdi l-ħajja li kieku l-ħsieb liberali ma kkorrompix u għarraq is-sistema tal-ġustizzja tagħna li moħħha biex taħli l-ħin fuq il-‘hate speech laws’ u tippersegwita lil dawk li tkellmu forsi b’mod goff jew reliġjuż iżżejjed dwar il-perikli ta’ din is-sistema.

Ara biex dawn in-nies ikunu ppersegwitati, l-uffiċju tal-avukat ġenerali jsib ħin biex jagħmel appelli. Nispera li jibda jsib ħin li jkun tempestiv fil-mod kif iressaq il-kriminali l-qorti. Wieħed forsi jista’ jargumenta li fuq il-każijiet ta’ Camilleri ma kienx hemm bażi ta’ appell minħabba li r-reati li kien mixli bihom kienu żgħar. Imma din il-ġimgħa kellna t-tmiem ta’ ġuri dwar qtil li seħħ fl-2005. Dan il-ġuri ħa tmintax-il sena biex sar. Ara fi tmintax-il sena kemm għadda minn idejn dan il-proċess. Nifhem id-diffikulta tal-prosekutur f’dan il-każ. Hawn mhux qed nattakka personalment lill-prosekutur għaliex naf li hu persuna li jaħdem. Imma żgur li hemm xi ħaġa li mhix taħdem biex każ jieħu tmintax-il sena biex dawk akkużati jitressqu. X’ġara sadanittant? Ix-xhieda prinċipali spiċċaw ma baqgħu jiftakru xejn. Bir-raġun, il-ġurati ma jsibux lill-akkużati ħatja!

Mela Pelin Kaya mhix l-unika vittma ta’ sistema ta’ ġustizzja perversa. Magħha issa għandna lil Sion Grech. Din żgur vittma ta’ din is-sistema legali tagħna. Għalhekk hu importanti għall-istat li ma jibdilx dan l-uffiċju, jiġifieri dak tal-avukat ġenerali, f’uffiċju ta’ propaganda biex lobbies tal-LGBT jaħlu l-ħin tal-avukati fuq kawżi innokwi, kif qed jagħmel kontra Fr. David Muscat u kif ser ikun qed jagħmel kontra Matthew Grech. Imbagħad dan l-uffiċju jitlef kawżi serji bħal qtil ta’ Sion Grech. Inċidentalment, Sion Grech huwa persuna, vittma tal-gayyaġni! Dan issa sar vittma doppja, għaliex mhux biss inqatel minħabba l-gayyaġni, imma għaliex l-anqas saret ġustizzja dwar il-qtil tiegħu.

Infakkar li dan il-ġuri beda snin twal ħafna wara l-qtil. Kellu bżonn tmintax-il sena biex jsir? Fuq kollox, issa inħolqot inġustizzja ma’ dawk li ġew akkużati bil-qtil ta’ Grech għaliex il-ġurija ma sabithomx ħatja. Bir-raġun dawn illum jistgħu jgħidu li huma innoċenti u nżammu arrestati għal xejn.

2 thoughts on “Il-qtil ta’ Pelin Kaya, Sion Grech u l-kummenti tal-Maġistrat Mifsud

  1. Li ma stajtx nifhem hu kif imur jisraq bil karozza lussuza. U l pulizija x tip ta investigazjoni jGhmlu fuq kriminali maghrufa ? Xejn ghaliex l avukati iridu jpappuwha mahhom mhux man nies sewwa.

  2. Lanqas min joqtol nisa qegħdin għal affari tagħhom ġo darhom m’hu ħaqqu li jibqa jiġri barra għax għandu familja, Sur Maġistrat. Suppost li taf xi tfisser li tkun konsistenti!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *