Where your opinion counts

Il-“corner meeting” tal-bieraħ fil-Każin Nazzjonalista tas-Siġġiewi

Minn osservatur politiku

L-uniku differenza li hemm bejn il-meeting tal-bieraħ fil-każin tas-Siggiewi u l-meetings li kienu jsiru fis-sittinijiet hija li tal-bieraħ min mar kien qiegħed bil-qiegħda u min kien imur jisma’ fis-sittinijiet kien ikun bil-wieqfa mdawwar ma xi karozza żgħira. Dak iż-żmien, dawn it-tip ta’ meetings konna nsejħulhom corner meetings. Hekk ħassejt meta rajt dik il-miżerja ta’ numru ta’ nies li attendew attivita’ tal-indipendenza lbieraħ f’każin tas-Siggiewi. Ħassejt li kienu qishom qed jattendu ‘corner meeting’ fi żminijiet antiki.

Possibbli f’dan il-livell waqqgħuh lill-Partit Nazzjonalista. Possibbli dawk li kissru lill-Partit Nazzjonalista mhux qed jirrealizzaw li rnexxielhom jeqirdu partit glorjuż. Possibbli ma jistħux jidhru quddiem in-nies dawn tal-klikka li bl-għira tagħhom irnexxielhom jirrovinaw il-għaqal li kien immexxi bih dan il-Partit sa ftit tas-snin ilu.

Fi żminijiet tal-corner meetings konna nattendu biex nisimgħu il-messaġġ tant mistenni mid-deputati ta’ tad-distrett. Konna niġru wara l-karozzi armati bil-loudspeakers biex nisimgħu l-politika tal-Partit Nazzjonalista ħierġa minn fomm rappreżentanti li kienu jaqilgħu fwiedhom biex ixandru l-kelma tal-Partit Nazzjonalista.

Illum meta għandna l-kumditajiet kollha, jiġi imsejħin is-sostenituri u ħlief għoxrin ruħ ma jirrispondux.

Mela fis-sittinijiet konna għatxana u ħerqana li nisimgħu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista. Illum ħadd ma għadu jinteressah xejn u ħadd ma jersaq biex jisma’ x’qed jgħidu l-politiċi tal-lum.

Dan huwa riżultat ta’ politika diviżiva li ħakmet lill-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar snin. Dan huwa riżultat ta’ politika ta’ klikka diviżiva li kienet kapaċi biss issaħħaħ il-ġlied intern u ma kienetx kapaċi tisma’ l-għajta tat-tesserati tal-Partit u l-għażla li għamlu.

Jekk jeżisti ħaqq, din il-klikka għad trid tiġi ġġudikata fl-annati tal-istorja kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-pajjiż. Għad trid tinkiteb fl-istorja li l-festi tal-Indipendenza tal-2022 irrendewhom f’corner meetings ġo każini tal-istess partit.

U dan qed ngħidu meetings li qed jiċċelebraw il-festi tant għeżież għall-Partit Nazzjonalista, il-festi tal-Indipendenza li dejjem għaqdu flimkien eluf ta’ partitarji.

One thought on “Il-“corner meeting” tal-bieraħ fil-Każin Nazzjonalista tas-Siġġiewi

  1. Bid-differenza li fis-sittinijiet ma kienx hawn mezzi ta’ komunikazzjoni bit-teknologija li hawn illum; bid-diversii live streamings fuq it-tv, meżżi tal-media soċjali u aħbarijiet li jitwasslu fi ftit minuti. Tista’ tkun qiegħed bilqiegħda fil-kamra l-baxxa u xorta tkun qiegħed issegwi u tisma’’ “x’qed jgħidu l-politiċi tal-lum”!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *