Metsola qed titfa’ dell ikrah fuq Malta u tħalli l-impressjoni li l-Maltin huwa biss wara l-flus u korrotti
Ħafna qed jaħsbu li Robert Metsola ser tkun il-leader il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Ħafna jixtiequha. Il-pożizzjoni li għandha żgur li ser tgħinha. Hu fatt magħruf li llum Metsola ser tkun waħda minn dawk li tiela’ sparata fl-elezzjoni tal-Ewropa.
Imma forsi ftit jafu li mhux kollox ward u żahar għal Metsola fi Brussels. Dan is-sit jista’ jiżvela li hemm rabja li ġiet deskritta bħala kbira għal Roberta Metsola fi Brussell. U din ir-rabja qed tkompli ttebba’ isem Malta. S’issa jidher li din ir-rabja mhux ser ikollha effett fuq l-amount kbir ta’ voti li Metsola ser iġġib fl-elezzjoni li jmiss tal Parlament Ewropew. Dak fatt.
Din id-darba se titlaq minn vantaġġ enormi – dak ta’ Presidenta tal-Parlament Ewropew. Ta’ min ifakkar li Metsola kellha toħroġ tliet darbiet biex telgħet u telgħet wara li kien ċeda postu Simon Busuttil meta ġie Malta biex isir Viċi-Kap tal-PN u Metsola telgħet bil-bye-election. Biss ħadmet bil-għaqal u rat li l-post tagħha fil-Parlament Ewropew ma titilfux waqt li alleat ruħha ma’ Soros u sħabu u dan iggarantixxilha li tkompli timxi.
U hawn tinsab l-imma kollha ta’ x’ser jiġri wara l-elezzjoni Ewropeja li ġejja. L-għan ta’ Metsola mhuwiex biss li ġġib ħafna voti, iżda l-ikbar għan tagħha huwa li meta tispiċċa minn president, tikseb terminu ieħor, jew inkella tieħu xi kariga aktar għolja fl-UE.
B’hekk iċ-ċans li tiġi Malta u tieħu t-tmexxija tal-PN hu remot ħafna. L-ambizzjoni tagħha hija ħafna ikbar. Malta hija biss pjattaforma biex tilħaqha u dan jispjega għala qatt ma ħadet xi pożizzjoni kontra l-abort, qed tkun fuq in-naħa tal-Liberali u tat is-support kollu lill-Ukraina kontra r-Russja.
Metsola, li hi ħaġa waħda mal-establishment tal-PN, speċjalment ma’ tar-Repubblika, ma hix interessata tiġi tmexxi l-PN. Fi Brussell taqlaha tajjeb. Mhix se tiġi tmexxi partit imfarrak. Kieku riedet, wara Adrian Delia, kienet tkun hi għax għal bidu is-17 Blue Heroes lilha riedu u magħhom nies bħal Lawrence Gonzi, Louis Galea u Richard Cachia Caruana. Imma mbagħad twarrbet u ndunat – u hawn sewwa għamlet – li fil-politika trid taħseb ghal rasek.
Issa għal dawk midħla tal-Parlament Ewropew jafu li l-kariga ta’ President tal Parlament Ewropew mhix meqjusa bħala xi kariga prestiġġjuża mill-pajjiżi b’saħħithom, bħal ma huma l-Ġermanja u Franza. Ma rridx nagħti x’jinftiehem li mhix prestiġjuża imma il-pajjiżi l-kbar jitfu ħarsithom fuq karigi aktar għolja fl-Ewropa.
Kieku kienet kariga daqshekk importanti, ma kienux se jtuha lil Metsola – mhux għax Metsola ma jixraqilhiex- imma ma jħalluhiex f’idejn persuna li ġejja minn stat żgħir ħafna. Imma din hija kariga li minnha, il-persuna tista’ timxi ‘l quddiem. U dan jidher li hu l-għan tagħha
Imma issa taf tħott dak li ilha tibni fi Brussell. Ftit tal-jiem ilu, ġurnal politiku magħruf, Politico, qal li waqt illi l-pajjiżi membri qed jissikkaw iċ-ċintorin, Metsola mhedija kif se taħtar ħabib u kollega tagħha, Taljan, f’kariga b’salarju oħxon.

Bla tlaqliq ta’ xejn, Politico qal li persuni bħal Metsola jrid ikollhom l-affarijiet tagħhom ċari u mhux l-interess tagħhom ikun fuq is-salarji lukrattivi – jiġifieri ta’ flus kbar – li huma qed idaħħlu minn din l-istituzzjoni.

Fil-PN stess hemm min hu espert ferm aktar minn Metsola dwar l-Ewropa, iżda forsi minħabba ċ-ċirkostanzi u l-furtuna, ma rnexxilux jimxi kemm imxiet Metsola.
Imma dak li hu żgur huwa li Metsola trid tibdel l-attitudni tagħha. Ma tridx wisq biex l-ambizzjonijiet enormi li għandha fil-politika jwasslu biex titlef il-qaleb u l-ġbejna, fi kliem ieħor trid tara li din l-ambizzjoni ma tkunx ir-raġuni biex tħott dak li ilha tibni. Infakkar li Macchiavelli stess iwissi li l-furtuna mingħajr virtu’ twassal biex politiku jitlef dak kollu li jkun bena fil-karriera politika tiegħu.
Fuq kollox, din l-attiduni ta’ Metsola qed tkompli titfa dell ikrah fuq Malta u l-Maltin. F’għajnejn il-barranin, aħna qegħdin dejjem nidhru li moħħna biss fil-flus u li aħna korrotti.
“Dan is-sit jista’ jiżvela li hemm rabja li ġiet deskritta bħala kbira għal Roberta Metsola fi Brussell. U din ir-rabja qed tkompli ttebba’ isem Malta…..din l-attiduni ta’ Metsola qed tkompli titfa dell ikrah fuq Malta u l-Maltin. F’għajnejn il-barranin, aħna qegħdin dejjem nidhru li moħħna biss fil-flus u li aħna korrotti.”
GRAZZI MESHA!
lil tar-republika bhal pavia daqs li kieku misejtilhom sormom.
“Ambizzjoni minghajr virtu “… deskrizzjoni preciza Tal establishment li hataf Il PN min gerzumtu
“Ambizzjoni minghajr virtu “… deskrizzjoni preciza Tal establishment li hataf Il PN