Where your opinion counts

Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun partit li jmexxi u mhux li jitmexxa minn ħaddieħor

Minn osservatur politiku

Skond NET News tal-bieraħ, Bernard Grech, f’kollegament telefoniku, sellem lill-Għaqda Repubblika għall-ħidma tagħha kontra l-korruzzjoni. Dan il-kollegament sar jum wara li ta’ Repubblika u sħabhom organizzaw dimostrazzjoni fil-Belt. Għal din id-demostrazzjoni kien hemm l-għola rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista ta’ bħalissa.

Fejn hu l-Partit Nazzjonalista bit-tmexxija preżenti biex jiġbru n-nies warajhom u mhux qishom klieb tal-but fidili jmorru jimxu wara l-għajta ta’ ħaddieħor? Kien hemm il-preżenza tal-Viċi-Kap, Alex Perici Calascione. Rajna ritratti ta’ Mark Anthony Sammut, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista barra xi nies oħra.

Dawn obdew l-ordni ta’ Repubblika biex ikunu preżenti. B’hekk, kif intqal tajjeb f’dan is-sit, bil-preżenza tagħhom, dawn qed jaqblu ma’ tal-istess Repubblika meta din l-għaqda tattakka deputati oħra, kollegi tagħhom.

Tagħmel sens li waqt li Repubblika tattakka numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista, l-għola rappreżentanti tal-Partit bħal ma huwa l-viċi-kap, imorru biex jonoraw lil din l-istess għaqda u l-kap jibgħatilhom messaġġ?

Din l-attitudni tirrifletti fuq il-fatt li l-irjus il-kbar tal-Partit Nazzjonalista ma jagħtux każ x’jintqal fuq diversi mezzi soċjali. Numru kbir ta’ sostenituri u partitarji tal-Partit Nazzjonalista jiktbu li l-partit għandu jinqata’ minn dawn in-nies li jirrappreżentaw ir-Repubblika, jekk il-Partit Nazzjonalista xi darba jixtieq jieħu r-ruħ.

Naqraw ħafna kummenti biex dan isir kemm jista’ jkun malajr imma mid-dehra l-karba tal-partitarji qed taqa’ fuq widnjen torox. Dawn l-istess rappreżentanti daqshekk jistmaw il-karba tal-partitarji tagħhom.

Tant hu hekk li kif Repubblika tgħajjat għal xi ħaġa, tarahom mill-ewwel jobdu u jagħmlu dak li jiġu ordnati. Lanqas tilħaq tiftaħ ħalqha Repubblika li ma tarax numri ta’ deputati u rjus oħra tal-Partit Nazzjonalista li ma jbaxxux rashom għal dak mitlub.

Imbagħad iridu jippruvaw jikkonvinċu li l-Partit Nazzjonalista mhux immexxi minn Repubblika. L-agħar fost kollox li qed nitkellmu wkoll fuq l-oppożizzjoni li suppost qiegħda kontinwament topponi lill-Partit Laburista fil-Gvern. Imma mhux kapaċi bħala oppożizzjoni twettaq xogħolha u timmobilizza lin-nies kontra l-korruzzjoni.

Il-mistoqsija tiġi waħedha. Għalfejn għandu l-viċi-kap u rjus oħra fil-Partit Nazzjonalista jattendu attivitajiet ta’ għaqda oħra (Repubblika) u l-partit li jirrappreżentaw mhux kapaċi jimmobilizza n-nies hu?

Tant qiegħed f’sitwazzjoni imnellħa l-Partit Nazzjonalista, li għadu kif xandar programm ridott ħafna għall-festi tal-indipendenza u ma kienx kapaċi jgħaqqad dawn il-festi mal-għajta kontra l-korruzzjoni li tidher li mhux ser tieqaf tissorprendina.

Ir-rwol tal-viċi kap mhux qiegħed biex jobdi l-ordnijiet ta’ għaqdiet oħra imma huwa biex jorganizza hu l-protesti. Jiġifieri l-viċi-kap ta’ partit politiku suppost qiegħed hemm biex jimmobilizza n-nies u jiġborom warajh u mhux kutu kutu imur jimxi wara ħaddieħor.

2 thoughts on “Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun partit li jmexxi u mhux li jitmexxa minn ħaddieħor

  1. L’ewwel irrid iggib il- KREDIBILITA Bernard Grech il-Kap impost !

    Meta jkollok KREDIBILITA ZERO Aktar ma tghid AKTAR MA TGHID XEJN U MA TITWEMMINX !

    Saqsu – Ex-Kap tal.Partit Robert Arrigo ..ha taraw min qieghed imexxi Olin U JITMEXXA MINN MIN 😉

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *