Where your opinion counts

Gvern li qed jagħraf li ma hawn ħadd għar-rimi

Minn korrispondent politiku

Donnu l-Gvern beda jagħraf li ma hawn ħadd għar-rimi speċjalment jekk ikun ġej min-naħa politika opposta. Qed jinduna li jeżistu nies, li ma għandhomx xejra politika bħal tal-Gvern, li kapaċi fix-xogħol tagħhom u jixirqilhom li jkunu mogħtija pożizzjonijiet fuq il-linja ta’ speċjalizzazzjoni tagħhom.

Ħadt pjaċir naqra li Dr Frank Psaila ġie appuntat biex imexxi tliet kumitati differenti mill-Gvern. Kulħadd jaf li Dr Psaila kien kandidat fl-elezzjoni tal-MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista. Barra minn hekk kien attiv ħafna fit-tmexxija tal-istess partit. Biss fl-aħħar il-partit fil-Gvern irrikonoxxa li Dr Psaila għandu ħafna x’jagħti fit-tmexxija ta’ ċertu bordijiet speċjalizzati.

Kien hemm ħafna kritika mill-kamp tal-partit fil-Gvern għal dawn in-nominazzjonijiet. Tistenna li jkun hemm min tuġgħu żaqqu għax isiru dawn l-affarijiet għax jistennew li jgawdu dejjem nies li huma tal-istess fehma politika tal-Gvern. Imma donnu din il-mentalita’ qed tibda’ tmajna u qed naraw moviment fejn il-kapaċita’ terbaħ fuq affiljament politiku.

Ftit tal-ġimgħat ilu sirna nafu li Dr Roselyn Borg Knight ġiet ukoll nominata fuq bord partikulari. Hija wkoll kienet kandidat tal-Partit Nazzjonalista f’elezzjonijiet riċenti imma l-kapaċita’ tagħha tiżboq kull affinita’ politika u għax kapaċi ġiet ukoll innominata.

Dan l-aħħar bi pjaċir rajna wkoll in-nomina tas-Sinjura Kristy Debono fuq bord ieħor li jirrifletti l-kapaċita’ speċjalizzata tagħha. Il-messaġġ qawwi li ħareġ b’din in-nomina huwa li anke deputati mill-Oppożizzjoni sa ftit ġimgħat ilu, jistgħu jsibu posthom meta partit oppost ikun fil-Gvern.

Dawn huma deċiżżjonijiet li jirriflettu maturita’ politika min-naħa tal-partit fil-Gvern. Dawn huma mossi politiċi ta’ min ifaħħarhom u jistenna li jara ħafna iżjed minnhom. Kull Malti u Għawdxi għandu jitqies fuq il-kapaċita’ edukattiva tiegħu u mhux fuq il-linja ta’ ħsieb politiku tiegħu.

Hekk nistgħu ngħidu li Malta u Għawdex huma ta’ kulħadd. Ma jistax ikun li nibqgħu narmu jew inwarrbu mħuħ li jistgħu jgħinu fit-tmexxija tal-pajjiż, għax huma mmilitaw f’partit oppost.

Il-Gvern qed jibgħat sinjal ċar ta’ fiduċja f’dawk in-nies li jistgħu jiġu mitqiesa għal kull pożizzjoni li joffri l-Gvern, lilhinn mill-andament politiku tagħhom. Persważ li kull min jiġi nominat kapaċi jinqata’ mix-xejra politika u jaqdi dmiru b’lealta lejn il-pajjiżu.

2 thoughts on “Gvern li qed jagħraf li ma hawn ħadd għar-rimi

  1. Prosit dejjem hekk għandu jkun ikun min ikun hemm jiggverna.
    Ħadd mhu għar-rimí, frażi ta’ Dr. Alfred Sant, lura fid 90’s

  2. din l’idejha li l-Gvern jgharaf il-potenzjal ta haddiehor hijs tajba,, pero min ikollu l-gheruq mhux f-posthom wisq propabbli ixaqleb lejn in-naha li kien fijha ghax il proverbju jghajd li min jitwieled tond ma jmutx kwadru u ma tridx li tigbor dak li mhux tieghek biex tarmi tieghek li jfisser li twarrab lill tieghek ghax allura tkun qed tarmi tieghek minflok tkompli thaddnu

Leave a Reply to Saviour Grech Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *