Pro Malta Christiana b’kampanja fil-Mosta u fl-Belt kontra l-emendi fil-liġi tal-IVF. Jirringrazzjaw lit-tliet deputati li sfidaw it-tirannija ta’ Bernard Grech
Nhar is-Sibt li għadda, 23 ta’ Lulju fit-toroq ewlenin tal-Mosta, u l-għada, il-Ħadd 24 ta’ Lulju, ġewwa l-Belt Valletta, membri u voluntiera tal-Organizzazzjoni Ċivika ta’ ispirazzjoni Kattolika, Pro Malta Christiana qassmu mijiet ta’ fuljetti u flyers li kkundannaw mingħajr riżervi, l-emendi riċenti għal-liġi tal-IVF. Taħt xemx tiżreġ, l-attivisti ta’ Pro Malta Christiana tkellmu u ddjalogaw ma’ Maltin minn kull qasam tal-ħajja, fejn spjegaw l-aspetti immorali u anti-Kristjani ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida.
Il-fuljetti li tqassmu spjegaw id-dettalji tal-emendi li juru li l-liġi l-ġdida sanzjonat il-prattika tal-ewġenika, grazzi għall-kollużjoni bejn gvern u oppożizzjoni moralment korrotti u falluti. Il-fuljetti ta’ Pro Malta Christiana spjegaw ukoll kif issa rridu naċċettaw l-kunċett ta’ “embrijuni difettużi” u kif il-bnedmin mhux imwielda b’diżabilità issa ġew miċħuda d-drittijiet fundamentali tagħhom fi żmien tat-taparsi “ugwaljanza”.
Matul il-kampanja ta’ jumejn, l-attivisti ta’ Pro Malta Christiana infurmaw lill-membri tal-pubbliku li hija biss kwistjoni ta’ żmien qabel il-kiri ta’ ġuf se ssir legalizzata flimkien mal-importazzjoni tal-isperma u l-bajd minn barra l-pajjiż.
Li hu agħar – sakemm il-pubbliku ma jirreaġixxix bil-qawwa kontra dan l-attakk vili kontra l-ħajja tal-bniedem – se nimxu minn kuncett ta’ “embrijuni difettużi” għal dak ta’ “feti difettużi”.
Il-fuljetti ta’ Pro Malta Christiana emfasizzaw il-kuraġġ morali tat-tliet membri parlamentari, jiġifieri Dr. Adrian Delia, is-Sur Alex Borg u s-Sur Ivan Bartolo (tal-Mosta) talli sfidaw it-tirannija imposta mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u vvutaw skont it-twemmin morali tagħhom.
Nota speċjali ta’ ringrazzjament marret ukoll għall-pożizzjonijiet kuraġġużi u konsistenti favur il-ħajja u favur il-familja tal-eks-Deputat is-Sur Edwin Vassallo. Din ġiet imsemmija wkoll fil-fuljett li qed jitqassam minn Pro Malta Christiana.
Il-kampanja nazzjonali fit-toroq ta’ Pro Malta Christiana kontra din il-leġiżlazzjoni krudili ser tkompli nhar is-Sibt 30 ta’ Lulju fil-Birgu u tikkonkludi nhar is-Sibt 6 ta’ Awwissu fir-Rabat, Għawdex.
