X’inhi l-aġenda “Trans” u min hemm warajha?
Minn Romegas
L-ideoloġija hekk imsejħa ‘Trans Gender’ hija ideoloġija riċenti. Tletin sena ilu ħadd qatt ma kien sema’ biha u li kieku kellek tgħid li raġel seta’ jsir mara jew mara setgħet issir raġel jew li jeżistu aktar minn żewġ ġeneri kienu jinfaqgħu jidħku f’wiċċek jew jgħoddok bħala miġnun, anki jekk, biex ngħidu kollox, l-operazzjonijiet trans gender bdew fl-għoxrinijiet tas-seklu l-ieħor ġewwa l-Ġermanja.
Il-mistoqsija li nixtieq nagħmel hija din. Kif mela fi żmien daqshekk qasir saret daqshekk dominanti tant li issa saħansitra l-president attwali tal-Amerika iddikjara minnufih mal-ħatra tiegħu li:
“Ejja nkunu ċari: L-Ugwaljanza għan-nies transġeneru hija l-kawża definittiva ta’ żminijietna’“.
Imma mnejn ġiet din l-ideoloġija? Min huma n-nies li rieduha u x’inhu l-iskop tal-korporazzjonijiet li qed jimbottawha?
Ħa ngħid mill-bidu. Jien ma għandi xejn kontra dawk li jridu jagħmlu xi operazzjoni biex jibdew jidhru ta’ rġiel flok nisa jew viċi versa. Nemmen l-għażla individwali. Imma l-problema qedha hawn. L-ewwel li dawn it-tip ta’ operazzjonijiet huma rriversibbli. B’hekk wieħed irid ikun infurmat sew x’ser jagħmel u mhux jagħmel xi ħaġa biex jidher tal-moda. It-tieni qed inġennu lit-tfal u dak li kien jidher bħal xi ħaġa rari qed inġibuha bħala norma. Tgħid dan kollu qed jagħmluh b’mod altruwistiku? Minn mindu meta kien li s-swieq finanzjarji, il-kumpless mediku u teknokratiku u korporazzjonijiet multi-nazzjonali, li dawn għandhom għall-qalbhom id-drittijiet tal-bnedmin?
Jennifer Bilek hija mara tax-xellug u attivista femminista, li ma tantx damet ma fehmet li wara din l-ideoloġija hemm element qawwi anti-umana. Fi kliem ieħor hemm element li qed jiċħad l-aktar realtajiet fundamentali tal-bniedem u jhedded l-aktar lil mara nnifisha u partikolarment l-omm. Wara din l-ideoloġija ma baqax dritt ta’ xi persuna li tħoss għandha tidher ta’ mara jew ta’ raġel, imma hemm viżjoni transumanista u l-kilba ta’ aktar flus u poter. Jennifer hija mhux biss mara ta’ prinċipju sod u kuraġġ qawwi, hija wkoll waħda fost il-ftit li tassew informati dwar dak li qed jiġri.
Mela jekk tirrispettaw lilkom infuskom, u fuq kollox lil uliedkom, li għad jafu jkunu l-vittmi primarji ta’ din l-ideoloġija, agħmlu kull mezz biex taraw din l-intervistà magħha hawn taħt u segwu wkoll il-blog ferm informattiv tagħha hawn:
https://www.the11thhourblog.com/
Mill-aspett nisrani, din l-ideoliġija tista’ titqies biss bħala waħda dijabolika – madankollu kemm jitkellmu dwarha fil-knejjes tagħna? U jekk le – għalfejn le? Għalfejn l-arċisqof tagħna anzi jippromwoviha b’mod indirett meta jagħti l-barka tiegħu lill-gruppi bħal m’hi d-Drachma?
Jekk il-knisja mhux qed titkellem b’leħen ċar u sod kontra din l-ideoloġija u l-perikli tagħha allura qed tonqos minn dmirha, qed tonqos milli tippreparakom għall-preżent li jinsab diġà magħna u għall-futur li għadu ġej u n-nies għad jżommuha kompliċi talli m’għamlietx dan.