Where your opinion counts

X’jista’ jmur ħażin b’dawn l-emendi li ġew approvati mill-Parlament tagħna?

Is-Seba’ parti

Minn John Spiteri Gingell

X’nistgħu nantiċipaw li jmur ħażin u bil-kbir b’dawn l-emendi li fl-isem l-ewġenika approvajna fil-parlament tagħna? Mingħajr wisq riflessjoni, nista’ nantiċipa diversi possibbiltajiet u aktar ma nirrifletti aktar nista’ nimmaġina x’jista jmur ħażin. Ejja nindirizzaw biss xi uħud minnhom.

L-ewwelnett u l-aktar wieħed ovju huwa li l-liġi twitti t-triq għall-abort, għax il-kunċett li niffriżaw u eventwalment noqtlu persuna għall-konvenjenza diġa’ aċċettajnih b’din il-liġi.

Qalulna li bil-genetic screening ħa nittestjaw għall-ftit mard qerriedi u ħafna minnu rari. Allura l-embrijuni li jkollna nwarrbu, kif qalilna Dr. Fearne, ħa jkunu ftit. Apparti li prinċipju ma jiddependix min-numri.  Huwa minnu li t-teknoloġija eżistenti hija kapaċi tindirizza l-profili ġenetiċi ta’ ftit mard u li kważi kollha ikkaġunati minn xi ġene jew tnejn, iżda t-teknoloġija qiegħda tavvanza b’mod aċċellerat u diġa’ qed jantiċipaw li fi ftit snin inkunu nistgħu nittestjaw għall-mijiet jekk mhux eluf ta’ mard ieħor.  Allura x’ser nagħmlu f’dak il-każ?  Ser nittestjaw għalihom ukoll?  Wara kollox, Dr. Fearne qalilna li huwa att immorali jekk ma nisfruttawx l-avvanzi tat-teknoloġija.  Allura sa nwarrbu u niffriżaw u neqirdu l-eluf ta’ embrijuni?

U kemm hu fil-fatt ta’ benefiċċju bijoloġiku għall-umanità li b’mod artifiċjali nnaqqsu mid-diversità ġenetika tal-bniedem billi neliminaw ċerti karatteristiċi ġenetiċi?  Nafu diġa’ li ċerti ġeni li jikkaġunaw mard rari huma neċessarji għall-immunità kontra mard ferm iżjed komuni. Nafu per eżempju li ġeni li jikkaġunaw sickle-cell disease jew cystic fibrosis huma indispensabbli biex jagħtuna immunità kontra l-malarja u l-kolera b’mod rispettiv.  X’jiġri? Allaħares qatt jekk ikollna xi mxija bħal m’għandna tal-Covid u niskopru li ġene li kienet importanti għall-immunita’ tagħna kontriha issa warrabniha bi żball biex niġġieldu mard iktar rari x’ser nagħmlu?  Lanqas biss rrid nimmaġina. Ħa jiġu nies bħal Dr. Fearne jisforzawna nieħdu xi vaċċin li jkompli jbabas mal-ġenetika tagħna?  Daqshekk hija qawwija l-fidi tiegħu fix-xjenza li ma jista’ jara xejn li jista’ qatt jmur ħażin?

U x’jista’ jmur ħażin mill-aspett soċjali?  Jaf Dr. Fearne, li fl-Amerika diġa’ dieħla bil-mod il-prassi fejn Health Insurances li jistgħu joffru premiums vantaġġjużi lil min jista’ jipprova permezz ta’ genetic screening li mhux predispost għall-ċertu mard?  Ċert hu li eventwalment dan qatt ma jista’ jseħħ hawn?  Ċert li l-genetic screening ser jibqa’ limitat għall-embrijuni? U jekk f’każ ipotetiku nieħdu l-konklużjoni loġika ta’ dan il-proċess li dawn forsi anki jaslu biex jirrifjutaw l-assigurazzjoni lil min hu predispost għall-mard kroniku?  U x’għad jista’ jiġri jekk dan eventwalment iseħħ, jiġifieri, in-nies min jheddhom jibdew jagħmlu genetic screening volontarju għax hija naturali li kulħadd jipprova jgawdi mill-aħjar offerti?  U la darba jsir popolari, x’jsir mid-data ta’ dan l-iscreening li tkun qed tinġabar?  Kif tista’ tintuża’ sew mill-privat u saħansitra mill-istat?  Kulħadd kunfidenti li din ser tintuża b’mod responsabbli?

Dawn huma ftit mix-xenarji koroh li nista’ nara jseħħu, u Alla jbierek fil-midja kulħadd sieket.

Forsi Dr. Fearne jgħidilna li jekk naslu f’dan l-istat jkun hemm leġislazzjoni li tipprojbixxi dan kollu.  Imma jien m’għandix l-istess fiduċja tiegħu.  Wara kollox għaxar snin ilu għamilna liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijun u llum il-leġislaturi neżżgħuha minn dik l-istess protezzjoni. Qalulna mhux veru ser indaħħlu l-abort, meta fil-fatt diġa’ daħħalnieh permezz tal-Morning After Pill u b’hekk aċċettajnih fil-prinċipju. U nfakkar li dawn iddaħħluha saħansitra għar-raġunijiet ta’ ewġenika.

X’fiduċja għandna li l-leġislaturi tagħna mhux ser ikomplu jżebilħu d-dinjità diġa’ mkabbra tal-bniedem quddiem opportunitajiet ġodda biex nagħmlu miljuni kbar ta’ ewro? 

It-track record tagħna mhux li jimlikx bil-kunfidenza.

Il-leġislaturi tagħna għandhom fidi għamja fix-xjenza, it-teknoloġija u l-progress, biex ma ngħidux fl-infallibbiltà tal-bniedem li joħloq futur aħjar.  Iżda x-xjenza u t-teknoloġija mingħajr moralità minsusa fuq l-idea bibblika li l-bniedem huwa tassew MAĦLUQ fix-xbieha t’Alla bid-dinjità kollha li dik l-idea ġġib magħha, kif ukoll il-fatt li l-bniedem hu pre-dispost għall-iżbalji saħansitra katastrofiċi, id-dinja u l-istorja diġa’ għallmitna b’mod ċar li tassew, fil-fatt din l-arroganza u prepotenza dejjem ħaditna lejn il-primittiv u l-barbaru – u meta nieħdu post Alla u nilgħabu mall-aktar affarijiet fundamentali tal-ħajja saħansitra lejn id-dijaboliku.

Iftħu għajnejkom – illum l-embrijun u għada min jaf.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *