L-ewġenika: minn żmien il-qedem sar-revoluzzjoni Franċiża
It-tieni parti
minn John Spiteri Gingell
Fil-qedem, il-qtil ritwalistiku tal-bniedem bħala sagrifiċċju kien intenzjonat biex jmannas l-qilla tal-allat u sabiex dawn min-naħa tagħhom minflok juru għadab għall-aġir tal-bniedem ikunu benevolenti u jassiguraw is-saħħa u l-prosperita lil kommunità u fuq kollox il-fertilità, kemm dik tal-art u daqstant ieħor tal-bniedem. Il-loġika kienet li s-sagrifiċċju tal-ftit kien ta’ benefiċċju għall-ħafna.
Kien il-ħsieb revoluzzjonarju Bibbliku li kull bniedem huwa maħluq fix-xbiha t’Alla u għalhekk instrinsikament sagru, partikolarment bit-tixrid tal-Kristjaneżmu l-ewwel madwar l-imperu Ruman u imbagħad saħansitra madwar id-dinja li eventwalment ġab fi tmiem dawn il-prattiċi u superstizzjonijiet barbari. Kien biss grazzi għal din l-idea, l-aktar idea progressiva li qatt eżistiet, li irrispettivament mill-klassi soċjali, is-saħħa fiżika jew ekonomika, jekk intix bniedem ħieles jew skjav, jekk intix raġel jew mara, kull individwu kellu d-dinjità u drittijiet tiegħu u peress li ma kien ħadd ħlief Alla li żewqu bihom, l-ebda bniedem ieħor, kien min kien, – saħansitra kienx sultan jew stat – ma kellu l-ebda setgħa li jneżżgħu minnhom. Eventwalment, min din l-idea, evolvew u ġew kodifikati d-drittijiet tal-bniedem kif nifhmuhom illum.
Peró ġara li s-sekli 16 , 17 u 18 ġabu taqlib kbir magħhom, l-ewwel permezz tax-xiżma tar-riforma protestanta u segwentament permezz il-konflitti brutali li l-istoriċi tawhom it-tikketta l-gwerrer tar-reliġjon li mhux biss heżżu l-ordni politika u reliġjuża li kienet tiddomina is-saltna tal-kristjaneżmu għal sekli sħaħ qabel iżda żergħu wkoll dubju qawwi fl-asserzjonijiet tad-dinja medjevali, dik ta’ ordni u ġerarkija naturali taħt il-providenza t’Alla.
Kien f’dan iż-żmien li bdew ‘l hekk imsejjaħ illuminiżmu u r-revoluzjoni xjentifika. Kien hawn meta twieldet id-dinja moderna. Kien hawn li minkejja ostenzjalment il-popli u l-biċċa l-kbira tal-intelletwali kienu għadhom isejħu ruħhom insara, li kien hemm numru dejjem jikber minnhom li kienu tilfu l-fidi fl-Alla bibliku, u li għalihom jekk Alla kien attwalment jeżisti, dan ma kienx wieħed personali li kien interessat x’jiġri fid-dinja aħseb u ara kemm kien ser jifdiha. Iżda dan kien Alla li ħoloq l-univers, imma remot u diżintereressat mill-ħolqien tiegħu. U jekk dan kien tassew minnu, allura mhux Kristu kien dak li kellu raġun, imma l-filosfu grieg tal-qedem Protagoras – li kien stqarr li kien il-bniedem u mhux Alla li huwa l-miżura ta’ kollox u l-fidwa għall-bniedem ma kenitx waħda spiritwali li sseħħ fid-dinja l-oħra iżda f’din id-dinja bis-saħħa tar-razzjonalità u l-progress materjali.
U allura l-bniedem modern ċaħad dak li kien aċċettat fil-medju evu. Għall-bniedem modern, id-dogma ċentrali saret li mhux talli l-fidi u r-raġuni ma kienux kumplimentari, iżda li l-fidi kienet l-għadu tar-raġuni, superstizzjonali irrazzjonali li xxekkel lill-bniedem milli javvanza. L-art imwiegħda kien il-progress u l-meżż biex jasal hemm kien bir-raġuni.
Dan it-twemmin ibbażat fuq ir-raġuni mmanifesta ruħu bil-kbir fir-revoluzzjoni Franċiża li permezz tagħha kellha titniegħed era totalment ġdida. Kollox kellu jinbidel f’isem il-progress saħansitra l-kalendarju u r-reliġjon. Fl-1792 inħoloq il-kult tar-raġuni komplut bil-festi pubbliċi tiegħu. Knejjes madwar Franza, ħafna minnhom li ttieħdu bil-vjolenza, imbiddlu f’Tempji tar-Raġuni u f’Notre Dame ta’ Pariġi żżarma l-artal nisrani u minfloku bnew wieħed ġdid ddedikat lil-Libertà u nisa lebsin b’mod seduttiv intużaw biex jirrappreżentaw l-alla mara tar-raġuni u dawn inġarru bħal vari sagri mat-toroq tal-bliet fost il-briju devozzjonali tan-nies. Però dawn l-eċċessi dardru lil bosta mhux lanqas lil Robespierre li issa kien prattikament dittatur u ħafna mill-mexxejja ta’ dan il-kult tilfu rashom taħt il-giljottina fir-renju tat-Terrur u fl-1794, Robespierre, ħoloq kult ieħor, kult Dejjist iddedikat lill-Entita’ Suprema (Supreme Being). Robespierre eventwalment tilef rasu wkoll f’dak iż-żmien tal-waħx.
Il-manifestazzjoni prattika u politika ta’ din ir-reliġjon tar-raġuni ma kienx wieħed awspijċu, kif għidna kkulmina f’renju ta’ terrur, bl-alla ġdid tal-progress donnu jitlob dejjem aktar vittmi. U min kien osservatur astut li xehed dan kollu? Ħadd ħlief il-filosfu Ingliż Edmund Burke li fehem li mingħajr il-biża t’Alla u l-osservanza tal-liġi naturali, dak li seħħ fi Franza kien ser ikun biss il-preludju ta’ sensiela ta’ traġedji waħda ikbar mill-oħra.
Fl-aħħar tfaċċa Napuljun u rażżan l-impulsi l-aktar estremi, iżda Napuljun kien jemmen fid-dogma ċentrali u pprova kemm felaħ biex jesporta l-valuri tagħha mal-Ewropa kollha iżda wara li Franza ġiet megħluba fuq il-kampijiet tal-battalja partikolarment wara d-diżastru epiku tal-kampanja fir-Russja, żball li rrepeta warajh Hitler, kien hemm it-tama li l-eċċessi tar-revoluzzjoni kienu ġew imrażżna u li t-theddida ta’ din l-ideoloġija radikali megħluba. Iżda d-debba la tkun ħarbet mill-istalla diffiċli taqbadha u treġġgħaha lura ġewwa. L-idea li r-raġuni u x-xjenza miftumin mill-fidi kienet il-muftieħ primarju għall-progress kompliet tinfirex.